MARIJA waqgħet għarkopptejha, b’diqa li ma tistax tiġi deskritta. F’widnejha għadha tidwi l-​aħħar għajta taʼ binha qabel miet wara sigħat taʼ torturi. Is-​sema dalam f’nofsinhar. Issa l-​art triegħdet bil-​qawwi. (Mattew 27:45, 51) Marija setgħet ħasbet li Ġeħova nnifsu kien qed iħabbar lid-​dinja li hu, iktar minn kulħadd, kien imweġġaʼ profondament bil-​mewt taʼ Ġesù Kristu.

Hekk kif id-​dawl taʼ waranofsinhar ġab fix-​xejn id-​dalma li ksiet il-​Golgota, jew Post il-​Qorriegħa, Marija bkiet lil binha. (Ġwanni 19:17, 25) Aktarx li minn moħħha bdew għaddejjin ħafna memorji. Waħda li setgħet feġġet kienet minn xi 33 sena qabel. Meta hi u Ġużeppi kienu għadhom kif ippreżentaw it-​tarbija prezzjuża tagħhom fit-​tempju f’Ġerusalemm, raġel imdaħħal fiż-​żmien jismu Simegħon kien ispirat ilissen profezija. Hu bassar affarijiet kbar għal Ġesù, imma żied jgħid li xi darba, Marija kienet se tħossha bħallikieku ġiet minfuda b’xabla twila. (Luqa 2:25-​35) Hu biss issa, f’din is-​siegħa traġika, li tistaʼ tifhem bis-​sħiħ il-​verità taʼ dak il-​kliem.

Qalb Marija ġiet minfuda bin-​niket

Jintqal li l-​mewt taʼ xi ħadd mit-​tfal hi l-​agħar telfa u l-​iktar waħda taʼ wġigħ li bniedem jistaʼ jħoss. Il-​mewt hi għadu kiefer u lkoll tferina b’xi mod jew ieħor. (Rumani 5:12; 1 Korintin 15:26) Hu possibbli tkampa b’feriti bħal dawn? Hekk kif nikkunsidraw il-​ħajja taʼ Marija mill-​bidu tal-​ministeru taʼ Ġesù sa meta miet u ftit wara, se nitgħallmu ħafna dwar il-​fidi li għenet lil Marija ġġarrab xabla taʼ niket kbir.

“AGĦMLU KULMA JGĦIDILKOM”

Ejja mmorru lura tliet snin u nofs: Marija ħasset li kienet ġejja bidla. Anki fil-​belt żgħira taʼ Nazaret, in-​nies kienu qed jitkellmu dwar Ġwanni l-​Battista u l-​messaġġ tiegħu li qanqal l-​indiema. Marija setgħet tara li binha l-​kbir qies din l-​aħbar bħala sinjal; kien wasal iż-​żmien li jibda l-​ministeru tiegħu. (Mattew 3:1, 13) Għal Marija u n-​nies taʼ darha, in-​nuqqas taʼ Ġesù kien ifisser bidla kbira. Għala?

Jidher li Ġużeppi, ir-​raġel taʼ Marija, kien diġà miet. Jekk inhu hekk, Marija kienet taf xi tfisser telfa bħal din. * Ġesù issa ma kienx biss imsejjaħ “bin il-​mastrudaxxa” imma wkoll “il-​mastrudaxxa.” Milli jidher, Ġesù kien ħa n-​negozju taʼ missieru u ħa l-​irwol li jipprovdi għall-​familja, li inkludiet mill-​inqas sitt itfal li twieldu warajh. (Mattew 13:55, 56; Marku 6:3) Anki jekk Ġesù kien qed iħarreġ lil Ġakbu—li aktarx kien it-​tifel taʼ warajh—biex ikompli bin-​negozju, it-​tluq tal-​iben il-​kbir ma kienx se jkun faċli għall-​familja. Marija diġà kienet qed terfaʼ responsabbiltà kbira; beżgħet hi minn din il-​bidla? Nistgħu biss nissopponu. Imma mistoqsija iktar importanti hi din: Kif kienet se tirreaġixxi meta Ġesù taʼ Nazaret kien se jsir Ġesù Kristu, il-​Messija mwiegħed  minn żmien ilu? Rakkont Bibliku jikxef xi ħaġa dwar dan.—Ġwanni 2:1-​12.

Ġesù mar għand Ġwanni biex jitgħammed, imbagħad sar il-​Midluk t’Alla, jew il-​Messija. (Luqa 3:21, 22) Wara dan beda jagħżel lid-​dixxipli tiegħu. Għalkemm ix-​xogħol tiegħu kien urġenti, xorta waħda ħa l-​ħin għal okkażjonijiet taʼ ferħ mal-​familja u l-​ħbieb. Flimkien m’ommu, id-​dixxipli tiegħu, u ħutu mill-​omm, mar festa taʼ tieġ f’Kana, li milli jidher kienet belt fuq għolja xi 13-​il kilometru minn Nazaret. Matul il-​festa, Marija saret taf bi problema. Forsi rat lil xi wħud fil-​familja tal-​koppja jħarsu lejn xulxin inkwetati u jpespsu minn taħt l-​ilsien. Kien spiċċalhom l-​inbid! Fil-​kultura tagħhom, nuqqas taʼ ospitalità bħal din li normalment kienet tintwera kien se jġib għajb fuq il-​familja, u jħalli dell ikrah fuq l-​okkażjoni. Marija ħasset għalihom, u marret għand Ġesù.

“M’għandhomx inbid,” qalet lil binha. Xi stennietu jagħmel? Nistgħu biss nimmaġinaw, imma hi kienet taf li binha kien raġel setgħan li kien se jagħmel affarijiet kbar. Forsi ttamat li kien se jibda issa. Kienet bħallikieku qed tgħidlu, “Ibni, jekk jogħġbok, agħmel xi ħaġa dwar dan!” It-​tweġiba taʼ Ġesù għandu mnejn issorprendietha. Hu qal: “X’għandi x’naqsam miegħek, mara?” Kliem Ġesù ma kien fih ebda diżrispett, għalkemm xi wħud b’mod żbaljat jifhmuh hekk. Madankollu, kliemu kien fih ċanfira ġentili. Ġesù kien qed ifakkar lil ommu li fir-​realtà ma kellhiex sehem f’li tidderieġi l-​ministeru tiegħu; dan kien f’idejn Missieru, Ġeħova.

Marija aċċettat il-​korrezzjoni taʼ binha għax kienet mara sensittiva u umli. Daret fuq dawk li kienu qed iservu fil-​festa u qalet sempliċement: “Agħmlu kulma jgħidilkom.” Marija rat li ma kienx għadu l-​irwol tagħha li tidderieġi lil binha; minflok, hi u oħrajn kellhom jieħdu direzzjoni mingħandu. Min-​naħa tiegħu, Ġesù wera li kellu l-​istess mogħdrija t’ommu għal din il-​koppja miżżewġa friska. Hu għamel l-​ewwel mill-​mirakli tiegħu u bidel l-​ilma fi nbid taʼ kwalità. Ir-​riżultat? “Id-​dixxipli tiegħu poġġew il-​fidi tagħhom fih.” Marija wkoll poġġiet il-​fidi f’Ġesù. Qisitu mhux biss bħala binha imma bħala l-​Mulej u s-​Salvatur tagħha.

Il-​ġenituri llum jistgħu jitgħallmu ħafna mill-​fidi taʼ Marija. Veru, ħadd qatt ma rabba tifel bħal Ġesù. Imma meta tifel, għalkemm imperfett, isir adult, il-​bidla tistaʼ tippreżenta l-​isfidi. Ġenitur għandu mnejn jibqaʼ jittratta lil ibnu taʼ tifel, għalkemm aġir bħal dan jistaʼ ma jkunx għadu xieraq. (1 Korintin 13:11) Kif jistaʼ ġenitur ikun t’għajnuna għal uliedu li issa kibru? Mod wieħed hu billi jesprimi fiduċja sinċiera li iben jew bint leali se tkompli tapplika tagħlim Bibliku, u b’hekk ikollha l-​barka taʼ Ġeħova. L-​espressjonijiet umli taʼ fidi u fiduċja taʼ ġenitur jistgħu jagħmlu ħafna ġid lit-​tfal li saru adulti. Bla dubju, Ġesù apprezza l-​appoġġ taʼ Marija matul is-​snin li segwew mimlijin ġrajjiet.

“ĦUTU MA KINUX QED JEŻERĊITAW IL-​FIDI FIH”

L-​Evanġelji jgħidulna ftit li xejn dwar Marija matul it-​tliet snin u nofs tal-​ministeru taʼ Ġesù. Però, żomm f’moħħok li aktarx kienet armla—omm waħedha li forsi kien għad għandha tfal żgħar magħha. Tistaʼ tifhem jekk ma setgħetx issegwi lil Ġesù hekk kif ipprietka f’art twelidu. (1 Timotju 5:8) Xorta waħda, hi baqgħet  timmedita fuq l-​affarijiet spiritwali li kienet tgħallmet dwar il-​Messija u tmur is-​sinagoga lokali bħalma dejjem kienet id-​drawwa tal-​familja.—Luqa 2:19, 51; 4:16.

Mhuwiex possibbli, mela, li kienet bilqiegħda fl-​udjenza meta Ġesù tkellem fis-​sinagoga f’Nazaret? Xi pjaċir li semgħet lil binha jħabbar li profezija Messjanika li tlissnet mijiet taʼ snin qabel issa kienet twettqet fih! Però, min jaf kemm inkwetat li sħabha n-​Nazarin m’aċċettawhx lil binha! Saħansitra pprovaw joqtluh!—Luqa 4:17-​30.

Kien ukoll inkwetanti l-​mod kif uliedha s-​subien l-​oħrajn irreaġixxew għal Ġesù. Minn Ġwanni 7:5 nafu li l-​erbaʼ aħwa rġiel taʼ Ġesù ma kinux jemmnu fih bħal ommhom. Naqraw: “Ħutu ma kinux qed jeżerċitaw il-​fidi fih.” Inkwantu għal ħutu n-​nisa—li kien hemm mill-​inqas tnejn—il-​Bibbja ma tgħid xejn. * Kien x’kien il-​każ, Marija esperjenzat l-​uġigħ partikulari taʼ li tgħix f’dar fejn kien hemm ħarsiet reliġjużi differenti. Kellha ssib bilanċ f’li tibqaʼ leali lejn verità divina filwaqt li taħdem biex tirbaħ il-​qlub tal-​membri tal-​familja tagħha mingħajr ma timponi jew tiġġieled.

Darba waħda, grupp taʼ qraba—bla dubju inkluż ħut Ġesù—iddeċidew li jmorru ‘jaqbdu’ lil Ġesù. Fil-​fatt kienu qed jgħidu: “Tilef moħħu.” (Marku 3:21, 31) Bla dubju, Marija ma ħasbithiex bħalhom, imma marret maʼ wliedha bit-​tama li forsi jitgħallmu xi ħaġa li setgħet tgħinhom jikbru fil-​fidi. Seħħ dan? Għalkemm Ġesù baqaʼ jagħmel xogħlijiet tal-​għaġeb u jgħallem tagħlim meraviljuż, ulied Marija l-​oħrajn xorta m’emmnux. Ħasbet hi, kważi frustrata, x’setaʼ jmissilhom qalbhom?

Tgħix int f’dar maqsuma reliġjożament? Tistaʼ titgħallem ħafna mill-​fidi taʼ Marija. Ma qatgħetx qalbha minn qrabatha li ma kinux jemmnu. Minflok, għażlet li tħallihom jaraw li l-​fidi tagħha ġabitilha ferħ u serħan il-​moħħ. Mill-​banda l-​oħra, hi baqgħet tappoġġa lil binha li baqaʼ leali. Immissjatu lil Ġesù? Xtaqet kultant li kien għadu d-​dar magħha u mal-​familja? Jekk inhu hekk, dawn is-​sentimenti żammithom f’posthom. Hi qisitu privileġġ li tappoġġa u tinkuraġġixxi lil Ġesù. Tistaʼ int b’mod simili tgħin lil uliedek jagħmlu lil Alla l-​prijorità f’ħajjithom?

“XABLA TWILA SE TINFIDLEK RUĦEK”

Il-​fidi taʼ Marija f’Ġesù ġiet ippremjata? Ġeħova qatt ma jonqos li jippremja l-​fidi, u żgur li l-​każ taʼ Marija ma kienx eċċezzjoni. (Ebrej 11:6) Immaġina ftit kif ħassitha hi u tismaʼ lil binha jitkellem jew meta semgħet ’il ħaddieħor jirrakkonta dwar it-​taħditiet li semaʼ direttament mingħandu.

Ħafna mit-​tixbihat taʼ Ġesù juru kemm effettwah it-​taħriġ li ħa mingħand Ġużeppi u Marija

Fit-​tixbihat taʼ binha, indunat Marija li Ġesù forsi kien qed jiftakar ġrajjiet minn tfulitu hu u jikber ġewwa Nazaret? Meta Ġesù tkellem dwar mara li tiknes darha biex issib munita mitlufa, titħan id-​dqiq għall-​ħobż, jew tixgħel lampa u tpoġġiha fuq gandlier, ħasbet Marija dwar dak it-​tifel ċkejken li kien maġenbha waqt li għamlet affarijiet taʼ kuljum bħal dawn? (Luqa 11:33; 15:8, 9; 17:35) Meta Ġesù qal li l-​madmad tiegħu kien ħelu u t-​tagħbija tiegħu ħafifa, ħasbet Marija f’xi memorja ħelwa darba wara nofsinhar, żmien twil ilu meta rat lil Ġużeppi jgħallem lit-​tifel Ġesù kif jagħmel u jifforma madmad b’attenzjoni biex ma jweġġax lill-​annimal meta jkun fuqu? (Mattew 11:30) Bla dubju, Marija kellha sodisfazzjon  liema bħalu f’li taħseb dwar il-​privileġġ li kien taha f’ħajjitha Ġeħova—li tgħin biex trabbi u tħarreġ lill-​iben li kien se jsir il-​Messija. Bla dubju sabet ferħ uniku f’li tismaʼ lil Ġesù, l-​aqwa mill-​għalliema umani, li silet l-​iktar lezzjonijiet profondi minn affarijiet u xeni tant komuni!

Però Marija baqgħet umli. Binha qatt ma ssuġġerixxa li għandha tiġi meqjuma, aħseb u ara li tingħata devozzjoni. Matul il-​ministeru tiegħu, mara fil-​folla qalet li omm Ġesù żgur li kienet ferħana li wilditu. Hu wieġeb: “Le, pjuttost, henjin dawk li jisimgħu l-​kelma t’Alla u jħarsuha!” (Luqa 11:27, 28) U meta xi wħud fil-​folla qalu lil Ġesù li ommu u ħutu kienu fil-​qrib, hu qal li dawk li jemmnu kienu verament ommu u ħutu. Iktar milli ħadet għaliha, Marija żgur li fehmet il-​punt taʼ Ġesù—rabtiet spiritwali huma ħafna iktar importanti minn dawk tad-​demm.—Marku 3:32-​35.

Xorta waħda, liema kliem jistaʼ jfisser l-​uġigħ li ħasset Marija hekk kif rat lil binha jsofri mewta terribbli fuq zokk tat-​tortura? L-​appostlu Ġwanni, li ra l-​esekuzzjoni b’għajnejh, iktar tard inkluda dan id-​dettall mimli tifsir fir-​rakkont tiegħu: Matul it-​tiġrib taʼ Ġesù, Marija kienet ‘wieqfa ħdejn iz-​zokk tat-​tortura taʼ Ġesù.’ Xejn ma setaʼ jżomm lil dik l-​omm leali u taʼ mħabba milli tibqaʼ maʼ binha sal-​aħħar nett. Ġesù raha, u għalkemm kull nifs li ħa kien martirju u kull kelma li lissen swietu ħafna, hu tkellem. Hu inkariga lil Ġwanni, l-​appostlu li kien iħobb, biex jieħu ħsieb ommu. Ladarba ħut Ġesù mill-​omm kienu għadhom m’emmnux, Ġesù ma fada lil Marija lil ħadd minnhom ħlief lil segwaċi sinċier tiegħu. B’hekk, Ġesù wera kemm hu importanti għal raġel taʼ fidi biex jieħu ħsieb dawk li huma tiegħu, speċjalment il-​bżonnijiet spiritwali tagħhom.—Ġwanni 19:25-​27.

Meta fl-​aħħar waslet il-​mewt taʼ Ġesù, Marija ħasset l-​uġigħ imbassar tant snin ilu, ix-​xabla twila taʼ niket. Jekk insibuha diffiċli nimmaġinaw il-​kobor tan-​niket tagħha, kemm se jkun diffiċli iktar nimmaġinaw il-​ferħ li ħasset tlett ijiem wara! Marija saret taf bl-​ikbar miraklu minnhom kollha—Ġesù kien ġie rxoxtat! U l-​ferħ tagħha żdied għax iktar tard Ġesù deher lil ħuh mill-​omm, Ġakbu, bla dubju fil-​privat. (1 Korintin 15:7) Dik il-​laqgħa effettwat lil Ġakbu u lil ħut Ġesù mill-​omm l-​oħrajn ukoll. Iktar tard naraw li saru jemmnu li Ġesù kien il-​Kristu. F’qasir żmien, huma kienu l-​laqgħat Kristjani m’ommhom, “jippersistu fit-​talb.” (Atti 1:14) Tnejn minnhom, Ġakbu u Ġuda, iktar tard kitbu kotba tal-​Bibbja.

Marija kienet ferħana tara lis-​subien l-​oħrajn tagħha jsiru Kristjani leali

L-​aħħar darba li naqraw dwarha, lil Marija nsibuha fil-​laqgħat maʼ wliedha s-​subien titlob. Xi tmiem xieraq għar-​rakkont dwar Marija, u x’eżempju ħalliet warajha! Minħabba l-​fidi tagħha, hi kampat bix-​xabla taʼ niket kbir li kellha, u fl-​aħħar irċiviet premju glorjuż. Jekk aħna nimitaw il-​fidi tagħha, aħna wkoll se nkunu nistgħu nkampaw b’dak kollu li nġarrbu minn din id-​dinja diffiċli u se ngawdu premjijiet ikbar milli nistgħu nimmaġinaw.

^ par. 8 Wara li jissemma fi ġrajja li ġrat meta Ġesù kellu 12-​il sena, Ġużeppi ma jibqax jissemma fl-​Evanġelji. Minn hemm ’il quddiem, omm Ġesù u t-​tfal l-​oħrajn tagħha jissemmew, imma Ġużeppi ma jissemmiex. Ġesù ssejjaħ darba “bin Marija” u m’hemm ebda referenza għal Ġużeppi.​—Marku 6:3.

^ par. 16 Ġużeppi ma kienx il-​missier bijoloġiku taʼ Ġesù, allura dawn l-​aħwa teknikament kienu ħut Ġesù mill-​omm biss.​—Mattew 1:20.