Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KONVERSAZZJONI MAʼ ĠAR

Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jemmnu b’Ġesù?

Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jemmnu b’Ġesù?

Dan li ġej hu konversazzjoni tipika li Xhud taʼ Ġeħova jistaʼ jkollu maʼ ġar. Ħalli nimmaġinaw li Xhud jismu Anthony ħabbat il-​bieb taʼ raġel jismu Tim.

TWEMMIN F’ĠESÙ HU ESSENZJALI

Anthony: Ħej, Tim. Qed nieħu pjaċir nerġaʼ narak.

Tim: Qed nieħu pjaċir narak jiena wkoll.

Anthony: Ġibtlek l-​aħħar ħarġiet tat-​Torri tal-​Għassa u Stenbaħ! Naħseb li veru se tieħu pjaċir bl-​artikli li fihom.

Tim: Grazzi. Attwalment, qed nieħu pjaċir li ġejt illum għax għandi xi ħaġa x’nistaqsik.

Anthony: Mela le, għidli.

Tim: Id-​darba l-​oħra, kont qed nitkellem maʼ sieħbi fuq ix-​xogħol. Għedtlu kemm huma interessanti l-​fuljetti li tajtni. Imma hu qalli li m’għandix naqrahom għax ix-​Xhieda taʼ Ġeħova ma jemmnux b’Ġesù. Veru? Jien għedtlu li nistaqsik meta terġaʼ tiġi.

Anthony: Qed nieħu pjaċir li staqsejtni. Tajjeb li mort f’ras il-​għajn. Wara kollox, biex issir taf x’taħseb persuna mhux aħjar tistaqsi lilha direttament?

Tim: Jien hekk irraġunajt!

Anthony: Fil-​verità, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova altru li jemmnu f’Ġesù! Infatti, nemmnu li hu vitali għas-​salvazzjoni li jkollok fidi f’Ġesù.

Tim: Jien hekk ħsibt, imma meta sieħbi fuq ix-​xogħol qal li ma temmnux f’Ġesù, qajjimli l-​kurżità. Qatt ma kont iddiskutejt dan il-​punt miegħek qabel.

Anthony: Nistaʼ nurik xi versi mill-​Bibbja li juru l-​importanza taʼ li jkollna fidi f’Ġesù? Dawn huma versi li x-​Xhieda taʼ Ġeħova spiss jużaw fl-​ippritkar tagħhom.

Tim: OK.

Anthony: Nistgħu nibdew minn kliem Ġesù stess fi Ġwanni 14:6. Dan il-​kliem hu parti minn konversazzjoni li Ġesù kellu maʼ wieħed mill-​appostli tiegħu. Jgħid: “Ġesù qallu: ‘Jien it-​triq, il-​verità, u l-​ħajja. Ħadd ma jiġi għand il-​Missier ħlief permezz tiegħi.’” Skont dan il-​vers, x’inhu l-​uniku mod biex tersaq lejn il-​Missier?

Tim: Permezz taʼ Ġesù.

Anthony: Prosit. U x-​Xhieda taʼ Ġeħova jemmnuh dan. Ħa nistaqsik mistoqsija: Minn dak li taf dwar x’jirrikjedi Alla, meta xi ħadd jitlob, f’isem min għandu joffri t-​talba?

Tim: F’isem Ġesù.

Anthony: Naqbel. U għalhekk kull meta nitlob, nitlob f’isem Ġesù. L-​istess jagħmlu x-​Xhieda taʼ Ġeħova fit-​talb kollu tagħhom.

Tim: Tajjeb tkun taf.

Anthony: Skrittura oħra li nistgħu nikkunsidraw hi dik taʼ Ġwanni 3:16. Dan il-​vers tant hu importanti li ġie msejjaħ l-​Evanġelju fil-​qosor. L-​idea hi, li kieku tistaʼ tieħu kulma nkiteb dwar il-​ħajja u l-​ippritkar taʼ Ġesù fuq l-​art u tiġbru f’vers wieħed, kien ikun dan. Trid taqrah?

Tim: OK, jgħid: “Għax Alla tant ħabb lid-​dinja li ta l-​Iben uniġenitu tiegħu, biex kulmin jeżerċita  l-​fidi fih ma jinqeridx imma jkollu l-​ħajja taʼ dejjem.”

Anthony: Grazzi. Familjari miegħu dan il-​vers?

Tim: Iva, smajtu kemm-​il darba fil-​quddies.

Anthony: Magħruf ħafna dan il-​vers. Jekk tinnota sew, ara x’qal Ġesù. Hu qal li l-​imħabba t’Alla tagħmilha possibbli għall-​bnedmin biex igawdu l-​ħajja taʼ dejjem—imma biss jekk nagħmlu xiex?

Tim: Neżerċitaw il-​fidi.

Anthony: Iva. Speċifikament, fidi fl-​Iben uniġenitu, Ġesù Kristu. U dan il-​punt—li l-​fidi f’Ġesù tiftaħ it-​triq għall-​ħajja taʼ dejjem—jidher hawnhekk f’paġna 2 tar-​rivista li ġibtlek. Dwar l-​iskop tar-​rivista It-​Torri tal-​Għassa hawn miktub li fost affarijiet oħra, din ir-​rivista “tinkuraġġixxi fidi f’Ġesù Kristu, li miet sabiex aħna niksbu l-​ħajja taʼ dejjem u li issa qed jaħkem bħala Sultan tas-​Saltna t’Alla.”

Tim: Hemm aħna! Fir-​rivista tagħkom stess hemm il-​provi li x-​Xhieda taʼ Ġeħova jemmnu b’Ġesù.

Anthony: Eżatt.

Tim: Mela allura, in-​nies għala jgħidu li ma temmnux b’Ġesù?

Anthony: Aktarx hemm ħafna raġunijiet għala jgħidu hekk. F’xi każijiet, jgħiduha sempliċement għax semgħu lil ħaddieħor jgħid hekk. Jew jistaʼ jkun li ġew mgħallmin din l-​idea żbaljata mill-​għalliem reliġjuż tagħhom.

Tim: Qed jiġini ħsieb! Jistaʼ jkun li jgħidu li ma temmnux f’Ġesù għax issejħu lilkom infuskom Xhieda taʼ Ġeħova, u mhux Xhieda taʼ Ġesù?

Anthony: Dik tistaʼ tkun raġuni oħra.

Tim: Għala titkellmu dwar Ġeħova daqshekk?

“GĦARRAFTHOM ISMEK”

Anthony: L-​ewwel nett, aħna nemmnu li hu importanti li nużaw l-​isem personali t’Alla, Ġeħova—eżattament kif għamel Ibnu, Ġesù. Ara x’qal Ġesù fit-​talb lil Missieru kif miktub hawn fi Ġwanni 17:26. Tistaʼ taqrah jekk jogħġbok?

Tim: Mela le. “U għarrafthom ismek u nibqaʼ ngħarrfu, sabiex l-​imħabba li biha ħabbejtni tkun fihom u jien inkun f’unjoni magħhom.”

Anthony: Grazzi. Innota li Ġesù qal li kien għarraf l-​isem t’Alla. Għala taħseb li għamlu dan?

Tim: Hmm. M’iniex ċert.

Li jkollok fidi f’Ġesù hu vitali għas-​salvazzjoni

Anthony: Forsi nistgħu naraw skrittura oħra li tispjega dan. Qed naħseb f’​Atti 2:21. Tgħid hekk: “Kulmin isejjaħ isem Ġeħova jkun salvat.” Issa jien ċert li taqbel miegħi, li jekk hu meħtieġ li ssejjaħ isem Ġeħova biex tkun salvat, bla dubju Ġesù kien jaf b’dan.

Tim: Iva, dażgur.

Anthony: Mela s-​salvazzjoni tas-​segwaċi tiegħu hi raġuni waħda għala kien importanti għal Ġesù li huma jkunu jafu u jużaw isem Alla. U hi waħda mir-​raġunijiet ewlenin għala nitkellmu tant dwar Ġeħova. Nemmnu li hu importanti li ngħarrfu l-​isem personali t’Alla u li ngħinu lil ħaddieħor isejjaħ dak l-​isem.

Tim: Imma anke jekk ma jafux jew ma jużawx l-​isem t’Alla direttament, xorta jafu dwar min qed jitkellmu meta jirreferu għal Alla.

Anthony: Forsi veru. Minkejja dan, billi jgħidilna x’inhu l-​isem personali tiegħu, Alla jagħmilhielna iktar faċli li nersqu qrib lejh.

Tim: X’jiġifieri?

Anthony: Ejja nirraġunaw mod ieħor: Isem Mosè ma kellniex għalfejn inkunu nafuh. Stajna sirna nafuh sempliċement bħala dak li qasam il-​Baħar l-​Aħmar jew dak li kien irċieva l-​Għaxar  Kmandamenti. L-​istess nistgħu ngħidu għal Noè—għala hemm bżonn li nkunu nafuh b’ismu? Stajna sempliċement nirreferu għalih bħala r-​raġel li bena arka u salva lil familtu u lill-​annimali. Bl-​istess raġunar, anke Ġesù Kristu setaʼ kien magħruf biss bħala dak li ġie mis-​sema u miet għal dnubietna. Hux hekk?

Tim: Nassumi.

Anthony: Imma Alla għamel ċert li aħna nkunu nafu l-​ismijiet personali taʼ dawn l-​individwi. M’hemm xejn li jagħmilhom personali għalina daqs isimhom. Allavolja qatt ma ltqajna maʼ Mosè, Noè, jew Ġesù, il-​fatt li nafu isimhom jagħmel lil dawn l-​irġiel iktar reali għalina.

Tim: Qatt ma ħsibt dwar dan, imma jagħmel sens!

Anthony: U din hi raġuni oħra għala x-​Xhieda taʼ Ġeħova jużaw l-​isem personali t’Alla daqshekk. Irridu ngħinu lin-​nies jibnu l-​fidi f’Alla Ġeħova bħala Persunaġġ veru li jistgħu javviċinaw. Fl-​istess ħin, inpoġġu enfasi kbira fuq l-​irwol li għandu Ġesù fis-​salvazzjoni tagħna. Forsi nistgħu naqraw skrittura oħra li ssaħħaħ dan il-​punt.

Tim: Orrajt.

Anthony: L-​ewwel qrajna Ġwanni 14:6. Tiftakar x’jgħid? Ġesù qal li hu “t-​triq, il-​verità, u l-​ħajja.” Ejja mmorru ftit versi lura u nnota l-​kliem tiegħu li nsibu fi Ġwanni 14:1. Tistaʼ jekk jogħġbok taqra dak li qal Ġesù fl-​aħħar parti tal-​vers?

Tim: OK. Jgħid: “Eżerċitaw il-​fidi f’Alla, eżerċitaw il-​fidi fija wkoll.”

Anthony: Grazzi. Allura taħseb int li l-​fidi vera hi għażla bejn li temmen f’Ġesù jew li temmen f’Ġeħova?

Tim: Le. Ġesù qal li t-​tnejn irridu nagħmluhom.

Anthony: Hekk hu. U jien ċert li taqbel miegħi li mhux biżżejjed li tgħid li għandek fidi f’Alla u f’Ġesù. Irridu ngħixu ħajjitna b’tali mod li jagħti prova taʼ dak li ngħidu.

Tim: Dażgur.

Anthony: Imma kif jistaʼ wieħed juri li verament għandu fidi f’Alla u f’Ġesù? Forsi nistgħu niddiskutu din il-​mistoqsija darb’oħra. *

Tim: Iva, nieħu pjaċir.

Hemm xi suġġett Bibliku partikulari li dejjem ħsibt dwaru? Għandek il-​kurżità dwar xi twemmin jew prattiki reliġjużi tax-​Xhieda taʼ Ġeħova? Jekk inhu hekk, tiddejjaqx tistaqsi lil wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Huma se jkunu ferħanin jiddiskutu suġġetti bħal dawn miegħek.

^ par. 60 Għal iktar informazzjoni, ara kapitlu 12 tal-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? ippubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.