• SENA TAT-TWELID: 1950

  • POST TAT-TWELID: SPANJA

  • PASSAT: SORU KATTOLIKA

IL-PASSAT TIEGĦI:

Meta twelidt, il-ġenituri kellhom razzett żgħir f’villaġġ fl-imwarrab f’Galicia, fil-Majjistral taʼ Spanja. Jien kont ir-rabaʼ minn tmint itfal. Kellna atmosfera taʼ mħabba d-dar. Dak iż-żmien fi Spanja, kienet xi ħaġa komuni li mill-inqas xi ħadd mit-tfal taʼ kull familja jsir qassis jew soru. Fil-familja tagħna, tlieta minna ħadna dak il-pass.

Meta kelli 13-il sena, jien ingħaqadt m’oħti f’kunvent f’Madrid. L-ambjent fil-kunvent ma kienx jilqgħek. Il-ħbiberija ma kinitx teżisti—regoli, talb, u dixxiplina biss. Kmieni filgħodu, konna ninġabru fil-kappella biex nimmeditaw, għalkemm spiss ma kont naħseb f’xejn. Imbagħad konna nkantaw għanjiet reliġjużi u nisimgħu quddiesa, kollox bil-Latin. Jien ma kont nifhem prattikament xejn u ħassejtni bħallikieku Alla kien ’il bogħod minni. Il-ġranet għaddew f’silenzju assolut. Anke meta kont niltaqaʼ maʼ oħti, kulma konna ngħidu kien, “Sliem għalik Marija l-iktar pura.” Is-sorijiet kienu jħalluna nitkellmu nofs siegħa biss wara l-ikel. X’differenza mill-ħajja tal-familja ferħana li kellna d-dar! Ħassejtni iżolata u sikwit kont nibki.

Għalkemm qatt ma ħassejtni qrib t’Alla, ħadt il-wegħdiet tiegħi taʼ soru fl-età taʼ 17-il sena. Fir-realtà, għamilt sempliċement dak li kien mistenni minni, imma f’qasir żmien bdejt niddubita jekk kellix il-vokazzjoni. Is-sorijiet kienu jgħidu li dawk li kellhom dubji bħal dawn kienu se jispiċċaw fin-nar tal-infern! Xorta waħda bqajt dubjuża. Kont naf li Ġesù Kristu ma kienx iżola lilu nnifsu; pjuttost, kien bieżel jgħallem u jgħin lil oħrajn. (Mattew 4:23-25) Sa ma kelli 20, ma kelli ebda raġuni ċara għala kelli nibqaʼ soru. Bqajt skantata meta l-madre qaltli li jekk kont bejn ħaltejn, aħjar nitlaq mill-iktar fis possibbli. Nissuspetta li beżgħet li stajt ninfluwenza lill-oħrajn. Għalhekk, tlaqt mill-kunvent.

 Meta rritornajt id-dar, il-ġenituri kkumpatewni. Imma ladarba ma kienx hemm xogħol fir-raħal tagħna, emigrajt lejn il-Ġermanja, fejn kien jgħix wieħed minn ħuti s-subien. Hu kien fi grupp Komunista attiv taʼ immigranti Spanjoli. Kont komda fost dawk in-nies li kienu jiġġieldu għad-drittijiet tal-ħaddiem u l-ugwaljanza għan-nisa. Għalhekk, sirt Komunista u eventwalment iżżewwiġt membru tal-grupp. Ħsibt li kont qed nagħmel xi ħaġa għall-ġid, inqassam letteratura Komunista u nieħu sehem f’marċi taʼ protesta.

Però, maż-żmien erġajt skuraġġejt ruħi. Ħassejt li l-Komunisti spiss naqsu li jipprattikaw dak li kienu jgħidu. Dawk id-dubji ġew ikkonfermati meta fl-1971 xi membri żgħażagħ tal-grupp ħarqu l-Konsolat taʼ Spanja fi Frankfurt. Dan għamluh biex jipprotestaw kontra l-inġustizzja fi Spanja dittatorjali. Imma jien kont nemmen li kien ħażin li tesprimi l-korla b’dan il-mod.

Meta twilditli l-ewwel tarbija, għedt lir-raġel tiegħi li kont se nieqaf nattendi l-laqgħat tal-Komunisti. Ħassejt solitudni kbira għax ħadd mill-ħbieb li kelli qabel ma ġie jara lili u lit-tarbija tiegħi. Ħsibt dwar l-iskop tal-ħajja. Kien vallapena tagħmel sforz biex ittejjeb is-soċjetà?

KIF IL-BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI:

Fl-1976, żewġ Xhieda Spanjoli ħabbtulna l-bieb u offrewli xi letteratura Biblika, li aċċettajt. Fit-tieni żjara tagħhom bdejt infajrilhom mistoqsijiet dwar it-tbatija, l-inugwaljanza, u l-inġustizzja. Bqajt sorpriża meta weġbuli kull mistoqsija mill-Bibbja! Aċċettajt studju tal-Bibbja bil-ħerqa.

Għall-ewwel, kont sempliċement interessata nitgħallem il-fatti. Imma l-affarijiet inbidlu meta jien u r-raġel bdejna nattendu l-laqgħat fis-Sala tas-Saltna tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Sa dak iż-żmien kellna żewġ subien. Ix-Xhieda b’qalb tajba kienu jgħaddu għalina u għenuna nieħdu ħsieb it-tfal waqt il-laqgħat. B’hekk, żviluppajt imħabba għax-Xhieda.

Minkejja dan, xorta waħda kelli xi dubji reliġjużi. Iddeċidejt li nżur lill-familja tiegħi fi Spanja. Zijuwi, qassis, ipprova jaqtagħli qalbi milli nistudja l-Bibbja. Imma x-Xhieda lokali għenuni ħafna. Weġbuli l-mistoqsijiet tiegħi mill-Bibbja, bħalma għamlu x-Xhieda fil-Ġermanja. Iddeċidejt li nerġaʼ nibda nistudja meta nirritorna l-Ġermanja. Għalkemm żewġi ddeċieda li ma jkomplix jistudja l-Bibbja, jien bqajt iddeterminata. Tgħammidt bħala waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova fl-1978.

KIF IBBENEFIKAJT:

Għarfien eżatt dwar veritajiet Bibliċi tani skop ċar u direzzjoni f’ħajti. Pereżempju, l-1 Pietru 3:1-4 jħeġġeġ lin-nisa biex ‘ikunu sottomessi lejn żwieġhom’ u juru “rispett profond” u “spirtu . . . ġwejjed . . . li hu taʼ valur kbir f’għajnejn Alla.” Prinċipji bħal dawn għenuni nwettaq l-irwol tiegħi bħala mara miżżewġa u omm.

Għaddew xi 35 sena mindu sirt Xhud. Inħossni ferħana naqdi lil Alla f’familja spiritwali vera, u hi l-għaxqa tiegħi li erbgħa mill-ħamest itfal tiegħi jaqduh ukoll.