Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Thomas Emlyn—Midgħi jew difensur tal-verità?

Thomas Emlyn—Midgħi jew difensur tal-verità?

MIN kien Thomas Emlyn, u x’qanqlu jiddefendi l-verità? X’nistgħu nitgħallmu minnu li jistaʼ jgħinna llum?

Biex inwieġbu dawn il-mistoqsijiet, irridu mmorru lura lejn l-aħħar tas-seklu 17 u l-bidu tas-seklu 18 fl-Ingilterra u l-Irlanda. Iċ-Church of England dak iż-żmien kellha awtorità mhux ħażin. Diversi gruppi u individwi Protestanti ma kinux jaqblu mal-knisja.

MIN KIEN?

Kien f’dan l-ambjent li twieled Thomas Emlyn fis-27 taʼ Mejju 1663, fi Stamford, Lincolnshire, l-Ingilterra. Taʼ 19-il sena ta l-ewwel prietka tiegħu. Iktar tard kien qassis għal kontessa li kienet tgħix Londra; u jerġaʼ iktar tard, mar jgħix Belfast, l-Irlanda.

F’Belfast eventwalment beda jqaddes fi knisja taʼ parroċċa. Maż-żmien, Emlyn qeda bħala qassis f’diversi postijiet, fosthom Dublin.

GĦALA KIEN MIXLI LI DAGĦA?

Dak iż-żmien, Emlyn kien qed jistudja l-Bibbja bir-reqqa. L-istudji tiegħu ġegħluh jiddubita t-Trinità, għalkemm oriġinalment kien jemmen fiha. Waqt li kien qed jistudja l-Evanġelji, hu kkonvinċa ruħu li dawn appoġġaw il-fehma aħjar tiegħu.

Emlyn ma qalx dak li sab mill-ewwel. Madankollu, uħud li kienu jattendu l-knisja fejn kien iqaddes f’Dublin innotaw li ma kienx jirreferi għat-Trinità fil-prietki tiegħu. Peress li kien jaf li dak li sab ma kienx se jintlaqaʼ tajjeb minn oħrajn, hu kiteb: “M’għandix tama li nkompli fl-inkarigu li għandi ladarba nkun tajt l-opinjoni tiegħi.” F’Ġunju tal-1702, żewġ kollegi kkonfrontawh dwar il-fatt li ma kienx isemmi t-Trinità fil-prietki tiegħu. Emlyn stqarr li ma kienx għadu jemmen fiha u offra li jirriżenja.

Fi ftit jiem, hu telaq minn Dublin, l-Irlanda, għall-Ingilterra. Però, irritorna Dublin wara għaxar ġimgħat biex jissetilja xi affarijiet, bit-tir li jmur jgħix Londra għalkollox. Waqt li kien hemm, bl-iskop li jiddefendi l-opinjonijiet tiegħu, hu ppubblika An Humble Inquiry Into the Scripture-Account of Jesus Christ. F’din il-pubblikazzjoni ta provi ċari Skritturali għala Ġesù ma setax ikun Alla s-Suprem. Dan irrabja lill-membri tal-kongregazzjoni li kien fiha qabel Emlyn f’Dublin. Sar ilment formali.

Emlyn ġie arrestat u ttellaʼ l-qorti f’Dublin fl-14 taʼ Ġunju 1703. Fi True Narrative of the Proceedings, Emlyn jgħid li hu ġie mixli ‘għall-kitba u l-pubblikazzjoni taʼ ktieb, li jgħid, li jien kont dgħajt u insistejt b’malizzja, eċċ. li Ġesù Kristu ma kienx ugwali maʼ Alla l-Missier.’ Il-ġuri kien farsa. Sebaʼ isqfijiet taċ-Church of Ireland  kienu bilqiegħda fuq il-bank mal-imħallfin. Emlyn ma tħalliex jiddefendi ruħu. Richard Levins, avukat magħruf qal lil Emlyn li hu kien se jiġi kkaċċjat “bħal lupu.” Fi tmiem il-ġuri, Richard Pyne, il-Prim Imħallef tal-Irlanda, qal lill-ġurija li jekk ma tasalx għall-verdett mistenni, “l-isqfijiet kienu hemm preżenti,” forsi biex juri li l-ġurija kienet se tiġi kkastigata kif jixraq.

‘Jien lest insofri għal dak li nemmen li hu l-verità dwar Alla u l-glorja tiegħu.’—Thomas Emlyn

Meta Emlyn instab ħati, l-avukat ġenerali ssuġġerielu jirtira dak li qal. Emlyn irrifjuta. Ġie mmultat u kkundannat sena l-ħabs. Minħabba li ma setax iħallas il-multa, hu baqaʼ sentejn il-ħabs sakemm ħabib ikkonvinċa lill-awtoritajiet inaqqsu l-multa. Emlyn inħeles fil-21 taʼ Lulju 1705. L-umiljazzjoni li sofra wasslitu biex jiddikjara, kif ikkwotat qabel: ‘Jien lest insofri għal dak li nemmen li hu l-verità dwar Alla u l-glorja tiegħu.’

Emlyn mar jgħix Londra, fejn eventwalment assoċja maʼ William Whiston, studjuż ieħor tal-Bibbja li kien ġie mwarrab mis-soċjetà minħabba li ppubblika dak li hu ħass li kien il-verità tal-Bibbja. Whiston irrispetta lil Emlyn u sejjaħlu ‘l-ewwel wieħed li bla biżaʼ stqarr u żamm il-fidi tal-kristjanità antika.’

GĦALA ĊAĦAD IT-TRINITÀ?

Bħal William Whiston u studjuż rispettat ieħor, Isaac Newton, Emlyn sab li l-Bibbja ma tappoġġax id-duttrina tat-Trinità kif tidher fil-Kredu Atanasjan. Hu spjega: “Wara ħafna ħsieb fil-fond, u studju tal-Iskrittura mqaddsa, . . . sibt raġuni tajba . . . biex inbiddel fehmti dwar it-Trinità.” Hu kkonkluda li “Alla u Missier Ġesù Kristu hu waħdu l-Esseri Suprem.”

X’wassal lil Emlyn għal dik il-konklużjoni? Hu sab ħafna skritturi li juru d-differenzi bejn Ġesù u Missieru. Dawn huma biss ftit eżempji (il-kummenti taʼ Emlyn dwar l-iskritturi jidhru bil-korsiv):

  •  Ġwanni 17:3: “Kristu qatt ma jintqal li hu . . . Alla . . . , bħallikieku hu l-uniku Alla.” Il-Missier biss jissejjaħ “l-uniku Alla veru.”

  •  Ġwanni 5:30: “L-Iben ma jagħmilx ir-rieda tiegħu, imma r-rieda tal-Missier.”

  •  Ġwanni 5:26: “Ħajtu tingħatalu mill-Missier.”

  •  Efesin 1:3: “Filwaqt li Ġesù Kristu għandu l-pożizzjoni tal-Iben t’Alla, qatt ma nsibu lill-Missier fil-pożizzjoni tal-Missier t’Alla, għalkemm spiss jissejjaħ Missier il-Mulej tagħna Ġesù.”

Wara li Emlyn ikkunsidra l-evidenza kollha kkonkluda li m’hemmx silta waħda fl-Iskrittura Mqaddsa li tistaʼ tintuża biex tagħti prova li l-Missier, l-Iben, u l-Ispirtu s-Santu huma l-istess individwu.

X’NISTGĦU NITGĦALLMU?

Ħafna llum iżommu lura milli jiddefendu dak li tgħallem l-Iskrittura. Imma Emlyn kien lest li jaqbeż għall-verità Biblika. Hu qajjem il-mistoqsija, “Jekk bniedem ma jemminx l-iktar veritajiet importanti li jinsabu ċar u tond fl-Iskrittura mqaddsa, għala għandu jaqraha u jfittixhom?” Emlyn ma kienx se jikkomprometti l-verità.

L-eżempju li taw Emlyn u oħrajn jistaʼ jqanqalna nikkunsidraw jekk aħniex lesti niddefendu l-verità meta nitwaqqgħu għaċ-ċajt minħabba t-twemmin tagħna. Aħna wkoll nistgħu nistaqsu lilna nfusna, ‘X’inhu l-iktar importanti—l-unur u l-barka tan-nies taʼ madwarna jew li niddefendu l-verità tal-Kelma t’Alla?’