Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 SUĠĠETT PRINĊIPALI

Għandek titlob?

Għandek titlob?

‘Jekk Alla jaf kollox, inkluż il-ħsibijiet u l-bżonnijiet tiegħi, għala għandi nitlob?’ għandek mnejn tistaqsi. Dik mistoqsija tajba. Ġesù ma qalx, ‘Alla jaf x’teħtieġu saħansitra qabel ma titolbuh’? (Mattew 6:8) Is-Sultan David t’Iżrael tal-qedem irrealizzah dan, u kiteb: “Lanqas hemm kelma waħda fuq ilsieni, imma, ara, O Ġeħova, int diġà taf x’inhi.” (Salm 139:4) Mela għala għandna nduru lejn Alla fit-talb? Biex inwieġbu, ejja nikkunsidraw x’tgħid il-Bibbja dwar it-talb tal-aduraturi t’Alla. *

“Ersqu qrib lejn Alla, u hu jersaq qrib lejkom.”—Ġakbu 4:8

 IT-TALB IRESSAQNA LEJN ALLA

Għalkemm il-Bibbja tgħid li Alla Ġeħova * jaf kollox, turi wkoll li hu mhux interessat f’li sempliċement jiġbor il-fatti dwar l-aduraturi tiegħu. (Salm 139:6; Rumani 11:33) Il-memorja bla limitu tiegħu mhix bħal dik taʼ kompjuter li fiha tinżamm l-informazzjoni dwar individwi b’ebda interess emozzjonali. Infatti, Alla hu interessat ħafna fil-ħsibijiet l-iktar profondi tagħna għax iridna nersqu eqreb lejh. (Salm 139:23, 24; Ġakbu 4:8) Għalhekk, Ġesù ħeġġeġ lis-segwaċi biex jitolbu, avolja Missieru jaf tajjeb il-bżonnijiet bażiċi tagħna. (Mattew 6:6-8) Iktar ma naqsmu ħsibijietna mal-Ħallieq tagħna, iktar se nersqu lejh.

Xi drabi, jistaʼ jkun li nsibuha diffiċli nkunu nafu preċiż x’naqbdu nitolbu. F’każijiet bħal dawn, Alla jistaʼ jara saħansitra iktar fil-fond mis-sentimenti mhux imlissna tagħna u juża l-għarfien perfett tiegħu taċ-ċirkustanzi tagħna biex iwieġeb għall-bżonnijiet li jkollna. (Rumani 8:26, 27; Efesin 3:20) Meta nirrealizzaw li Alla interviena fil-ħajja personali tagħna, anke b’modi sottili ħafna, inħossuna miġbudin lejh.

IWIEĠEB ALLA T-TALB KOLLU?

Il-Bibbja tassigurana li Alla li Jistaʼ Kollox iwieġeb it-talb tal-qaddejja leali tiegħu, imma tagħti wkoll raġunijiet għala ma jismax it-talb kollu. Pereżempju, fi żmien meta Iżrael tal-qedem kien miżgħud bil-vjolenza, Alla qal lill-profeta tiegħu Isaija biex jgħid lin-nies: “Avolja tgħidu ħafna talb, m’iniex nismaʼ; idejkom imtlew bit-tixrid taʼ demm.” (Isaija 1:15) Jidher ċar li dawk li jistmerru l-liġijiet t’Alla jew li jitolbu b’motivi mhux xierqa ma jistgħux jippretendu li Alla jismagħhom.—Proverbji 28:9; Ġakbu 4:3.

Mill-banda l-oħra, il-Bibbja tgħid: “Kulma nitolbuh skond ir-rieda tiegħu, hu jismagħna.” (1 Ġwanni 5:14) Però, ifisser dan li Alla awtomatikament jagħti lill-aduraturi tiegħu kulma jitolbuh? Mhux neċessarjament. Ikkunsidra l-każ tal-appostlu Pawlu li tliet darbiet talab lil Alla biex ineħħilu “xewka fil-laħam.” (2 Korintin 12:7, 8) Jistaʼ jkun li Pawlu kien ibati minn marda kronika f’għajnejh. Min jaf kemm ittikatu din il-ħaġa! Pawlu kien ingħata l-għotja tal-fejqan u saħansitra qajjem lil xi ħadd mill-mewt, madankollu kellu jissaporti l-marda tiegħu stess. (Atti 19:11, 12; 20:9, 10) Avolja t-talb tiegħu ma ġiex imwieġeb kif ried hu, Pawlu aċċetta r-risposta t’Alla bl-apprezzament.—2 Korintin 12:9, 10.

“Din hi l-fiduċja li għandna fih, li, kulma nitolbuh skond ir-rieda tiegħu, hu jismagħna.”—1 Ġwanni 5:14

Veru li t-talb taʼ xi karattri tal-Bibbja ġie mwieġeb mirakolożament. (2 Slaten 20:1-7) Imma saħansitra fi żminijiet Bibliċi, din ma kinitx ħaġa komuni. Xi kredenti tnikktu meta dehrilhom li Alla ma kienx wieġeb it-talb tagħhom. Is-Sultan David staqsa: “Kemm se ddum tinsieni, O Ġeħova? Għal dejjem?” (Salm 13:1) Imma meta dak ir-raġel leali rrealizza kemm-il darba Ġeħova għenu, il-fiduċja taʼ David f’Alla reġgħet issodat. Fl-istess talba, David żied: “Min-naħa tiegħi, fil-qalb tajba bl-imħabba tiegħek fdajt.” (Salm 13:5) Bħal David, l-aduraturi t’Alla llum għandhom mnejn ikollhom jipperseveraw fit-talb sakemm jaraw li Alla jkun wieġeb talbhom.—Rumani 12:12.

 KIF ALLA JWIEĠEB IT-TALB

Alla jtina l-bżonnijiet ġenwini tagħna.

Bir-raġun, ġenituri li jħobbu mhux dejjem jagħtu lil uliedhom kulma jitolbu meta jitolbuh. B’mod simili, Alla jistaʼ ma jweġibx it-talb tagħna kif naħsbu li għandu jagħmel jew fil-mument li nippretendu aħna. Imma nistgħu nkunu fiduċjużi li l-Ħallieq tagħna, bħal missier taʼ mħabba, se jtina l-bżonnijiet ġenwini tagħna fil-waqt xieraq u bil-mod xieraq.—Luqa 11:11-13.

Alla jwieġeb b’modi sottili.

Però, xi ngħidu jekk nitolbu għal serħan minn problema li tkun ilha għaddejja? Għandna nikkonkludu li minħabba li m’hemm ebda tweġiba mirakoluża, Ġeħova ma jkun wieġeb xejn affattu? Għall-kuntrarju, nagħmlu tajjeb nikkunsidraw jekk Alla għenniex b’modi iktar sottili. Pereżempju, forsi xi ħabib għamel li setaʼ biex jgħinna meta l-iktar kellna bżonn. (Proverbji 17:17) Jistaʼ jkun li Ġeħova qanqal lil dak il-ħabib ikkonċernat biex jgħinna? Iktar minn hekk, it-tweġiba t’Alla għall-għajnuna tistaʼ tiġi mill-paġni tal-Bibbja. Fiha nistgħu nsibu d-dehen meħtieġ biex inkampaw b’sitwazzjoni sfidanti.—2 Timotju 3:16, 17.

Minflok ma jneħħi xi problema personali, Alla spiss jagħti lin-nies tiegħu s-saħħa meħtieġa biex ikampaw. (2 Korintin 4:7) Pereżempju, meta Ġesù talab lil Missieru biex ineħħilu ċirkustanza diffiċli minħabba li beżaʼ li setgħet iġġib tmaqdir fuq isem Alla, Ġeħova bagħat anġlu biex isaħħaħ lil Ibnu. (Luqa 22:42, 43) Bl-istess mod, Alla jistaʼ juża ħabib tal-qalb biex jgħidilna kelma taʼ inkuraġġiment meta jkollna bżonnha l-iktar. (Proverbji 12:25) Peress li din it-tip taʼ tweġiba hi waħda sottili, għandu mnejn li jkollna noqogħdu iktar attenti għal kif Alla jwieġeb it-talb tagħna.

Alla jwieġeb talbna meta jkun l-aħjar żmien.

Il-Bibbja tgħid li Alla li Jistaʼ Kollox jagħti l-attenzjoni tiegħu lil individwi umli “fiż-żmien xieraq.” (1 Pietru 5:6) Għalhekk, jekk jidher li hemm dewmien f’li jitwieġeb it-talb sinċier tagħna, m’għandniex inqisu dan bħala nuqqas taʼ interess min-naħa taʼ Ġeħova. Minflok, minħabba li hu jaf ħafna iktar, il-Ħallieq taʼ mħabba tagħna bla dubju jevalwa l-petizzjonijiet tagħna skont dak li jaf li hu l-aħjar għalina.

“Umiljaw ruħkom taħt l-id setgħana t’Alla, sabiex jeżaltakom fiż-żmien xieraq.”—1 Pietru 5:6

Biex nagħtu eżempju: Immaġina li ibnek żgħir jitolbok rota. Int ittih dak li jitolbok awtomatikament? Jekk tħoss li għadu mhux responsabbli biżżejjed biex isuq rota, forsi tiddeċiedi li tixtrilu waħda iktar tard. Maż-żmien, però, tistaʼ ttih dak li talab minħabba li taf li dan se jkun għall-aħjar tiegħu. Bl-istess mod, Alla maż-żmien jistaʼ ‘jagħtina dak li tixtieq qalbna’ jekk inkomplu nitolbu.—Salm 37:4.

KUN FIDUĊJUŻ LI ĠEĦOVA JAGĦTI WIDEN

Il-Bibbja tħeġġeġ lill-Kristjani veri biex ma jitilfux il-fiduċja fil-valur tat-talb. Hemm min jgħid, ‘Ħafif tgħidha.’ Veru, jekk inkunu ilna nissaportu problema persistenti jew xi tip taʼ inġustizzja, nistgħu nsibuha diffiċli nistennew it-tweġiba t’Alla. Madankollu, tajjeb niftakru x’għallem Ġesù dwar il-persistenza fit-talb.

Ġesù ta t-tixbiha t’armla fqira li baqgħet tmur għand imħallef li ma kienx jimxi bil-fier biex tikseb  ġustizzja. (Luqa 18:1-3) Għalkemm l-imħallef għall-ewwel ma riedx jgħinha, fl-aħħar qal bejnu u bejn ruħu, “nara li ssirilha ġustizzja, biex ma tibqax tiġi tiħodli rasi.” (Luqa 18:4, 5) Skont il-kliem fil-lingwa oriġinali, l-imħallef ta kas l-armla biex ma ‘tolqtux taħt għajnu,’ jew figurattivament, ‘tagħmillu isem ħażin.’ * Jekk anki mħallef mhux rett, għax jibżaʼ għar-reputazzjoni tiegħu, jgħin armla fqira, kemm iktar jagħmel dan Alla li jieħu tant ħsieb dawk “li jgħajtulu lejl u nhar”! Bħalma qal Ġesù, Alla “jġiegħel li ssirilhom ġustizzja malajr.”—Luqa 18:6-8.

“Ibqgħu itolbu, u jingħatalkom.”—Luqa 11:9

Għalkemm kultant negħjew nitolbu għall-għajnuna jew għall-attenzjoni, m’għandniex naqtgħu qalbna. Jekk nipperseveraw fit-talb, inkunu qed nuru li aħna ġenwinament nixtiequ naraw li Alla qed jeffettwalna ħajjitna. Ukoll, nitgħallmu nagħrfu t-tweġiba t’Alla għall-petizzjonijiet tagħna, u b’hekk, nersqu eqreb lejh. Iva, nistgħu nkunu fiduċjużi li Ġeħova se jwieġeb it-talb xieraq tagħna jekk inkomplu nitolbu bil-fidi.—Luqa 11:9.

^ par. 3 Jekk irridu li Alla jismaʼ talbna, għandna sinċerament nipprovaw nagħmlu l-almu tagħna biex nilħqu l-ħtiġijiet tiegħu. Jekk nagħmlu dan, għandu mnejn nesperjenzaw il-qawwa tat-talb, bħalma hu diskuss f’dan l-artiklu. Għal iktar informazzjoni, ara kapitlu 17 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? ippubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova, jew żur www.jw.org/mt.

^ par. 5 Ġeħova hu l-isem t’Alla kif muri fil-Bibbja.

^ par. 22 Fi żminijiet Bibliċi, Alla ried li l-imħallfin f’Iżrael juru konsiderazzjoni speċjali lir-romol u lill-iltiema.—Dewteronomju 1:16, 17; 24:17; Salm 68:5.