Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 SUĠĠETT PRINĊIPALI

X’għamel Alla għalik?

X’għamel Alla għalik?

“Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja taʼ dejjem.”—Ġwanni 3:16, Għaqda Biblika Maltija.

Din hi waħda mill-iktar siltiet magħrufin u kkwotati mill-Bibbja kollha. Intqal li l-ebda vers ieħor ma “jiġbor tant fil-qosor ir-relazzjoni t’Alla mal-umanità u t-triq għas-salvazzjoni.” Għal din ir-raġuni, f’xi pajjiżi din l-iskrittura jew sempliċement ir-referenza “Ġwanni 3:16” spiss tidher f’avvenimenti pubbliċi, fuq stikers tal-karozzi, f’taħżiż mal-ħitan, u bnadi oħra.

Aktarx, dawk li jikkwotaw din ir-referenza huma konvinti li l-imħabba t’Alla tiggarantixxi s-salvazzjoni eterna tagħhom. Xi ngħidu għalik? L-imħabba t’Alla xi tfisser għalik? U x’taħseb li għamel Alla biex juri l-imħabba li għandu għalik?

“ALLA HEKK ĦABB LID-DINJA”

Ħafna nies huma lesti jagħtu l-krettu lil Alla għall-ħolqien tal-univers fiżiku, tan-natura, u tal-bnedmin stess. L-organiżmi ħajjin tant huma kkomplikati u magħmulin tajjeb li bilfors li hemm xi intelliġenza kbira responsabbli għall-eżistenza tagħhom. Taʼ kuljum, għadd ġmielu taʼ nies jiżżu ħajr lil Alla għall-għotja tal-ħajja. Huma jafu wkoll li jiddependu għalkollox minn Alla għan-neċessitajiet tal-ħajja—bħall-arja, l-ilma, l-ikel, u ċ-ċikli naturali tal-art—sabiex ikunu jistgħu jkomplu jgħixu u jgawdu dak li jagħmlu.

Nagħmlu tajjeb nirringrazzjaw lil Alla għal dawn l-affarijiet kollha, għax hu verament il-Ħallieq u s-Sostenitur tagħna. (Salm 104:10-28; 145:15, 16; Atti 4:24) Nistgħu napprezzaw l-imħabba li Alla għandu għalina meta naħsbu dwar kulma qed jagħmel sempliċement biex  il-ħajja tkun possibbli. L-appostlu Pawlu poġġieha hekk: “[Alla] jagħti lil kulħadd il-ħajja u n-nifs u kollox. Għax bih ngħixu u niċċaqalqu u neżistu.”—Atti 17:25, 28.

Però, l-imħabba t’Alla hi evidenti mhux biss mill-fatt li jieħu ħsiebna fiżikament. Ukoll, hu għamilna ogħla mill-annimali u tana d-dinjità tal-kapaċità spiritwali u jgħinna nissodisfawha. (Mattew 5:3) B’hekk, l-umanità ubbidjenti għandha l-prospett li ssir parti mill-familja t’Alla, ‘uliedu.’—Rumani 8:19-21.

Bħalma jkompli jgħid Ġwanni 3:16, Alla wera mħabbtu għalina billi bagħat lil Ibnu, Ġesù, fuq l-art biex jgħallimna dwar Alla tiegħu u Missieru u biex imut għalina. Però, ħafna jammettu li ma jifhmux verament għala kien hemm il-bżonn li Ġesù jmut għall-umanità u kif il-mewt tiegħu hi espressjoni tal-imħabba t’Alla għalina. Ejja naraw kif il-Bibbja tispjega r-raġuni għall-mewt taʼ Ġesù u l-valur tagħha.

“TA LIL IBNU L-WAĦDIENI”

L-umanità kollha hi mortali, suġġetta għall-pjaga tal-mard, ix-xjuħija, u l-mewt. Però dan ma kienx l-iskop oriġinali t’Alla Ġeħova. Lill-ewwel bnedmin tahom il-prospett li jgħixu għal dejjem f’ġenna fuq l-art. Imma kien hemm kundizzjoni waħda: Kellhom jobduh. Alla qal li jekk le, kellhom imutu. (Ġenesi 2:17) Fil-fatt, l-ewwel raġel irribella kontra l-awtorità t’Alla u ġab il-mewt fuqu u fuq nislu. “Permezz taʼ bniedem wieħed id-dnub daħal fid-dinja, u permezz tad-dnub il-mewt, u b’hekk il-mewt infirxet fuq il-bnedmin kollha għax kollha dinbu,” jispjega l-appostlu Pawlu.—Rumani 5:12.

Però, Alla “jħobb il-ġustizzja.” (Salm 37:28) Allavolja ma setax jinjora n-nuqqas apposta li sar mill-ewwel raġel, Alla ma kkundannax għal dejjem lill-umanità kollha biex issofri u tmut minħabba d-diżubbidjenza taʼ raġel wieħed. Għall-kuntrarju, billi applika l-prinċipju legali taʼ “ruħ b’ruħ,” hu ġab il-ġustizzja u reġaʼ għamel il-ħajja eterna possibbli għal nies ubbidjenti. (Eżodu 21:23) Tqum il-mistoqsija, Il-ħajja perfetta li tilef Adam kif setgħet terġaʼ tinkiseb? It-tweġiba: Xi ħadd kellu joffri, jew jissagrifika, ħajja tal-istess valur taʼ dik t’Adam—ħajja umana perfetta.

Jidher ċar li l-ebda dixxendent imperfett t’Adam ma kien kapaċi joffri prezz bħal dan, imma Ġesù kien. (Salm 49:6-9) Hu kien perfett, twieled mingħajr it-tebgħa tad-dnub tan-nisel, eżattament bħalma kien Adam. B’hekk, billi ċeda ħajtu, Ġesù ħeles lill-umanità mill-jasar għad-dnub. Billi għamel dan, hu offra lid-dixxendenti tal-ewwel koppja umana l-opportunità li jgawdu l-istess ħajja perfetta li xi darba kellhom Adam u Eva. (Rumani 3:23, 24; 6:23) Hemm xi ħaġa li rridu nagħmlu biex nibbenefikaw minn dan l-att nobbli taʼ mħabba?

 “KULL MIN JEMMEN FIH”

Jekk immorru lura fi Ġwanni 3:16, ninnotaw il-kliem “kull min jemmen fih [Ġesù] ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja taʼ dejjem.” Dan ifisser li mhux se nirċievu l-għotja taʼ ħajja taʼ dejjem awtomatikament. Jekk irridu li jkollna “l-ħajja taʼ dejjem,” għandna nemmnu f’Ġesù u nobduh.

Forsi taħseb: ‘X’għandha x’taqsam l-ubbidjenza? Ġesù ma qalx li “kull min jemmen fih” se jkollu l-ħajja taʼ dejjem?’ Iva, it-twemmin, jew il-fidi, hu essenzjali. Madankollu, hu importanti li niftakru li fil-Bibbja, il-fidi hi iktar minn sempliċement twemmin. Skont il-Vine’s Expository Dictionary of Old and New Testament Words, il-kelma li uża Ġwanni fil-lingwa oriġinali tfisser “li tafda, mhux sempliċi twemmin.” Sabiex ikollna l-approvazzjoni t’Alla, hemm bżonn li mhux biss nirrikonoxxu mentalment li Ġesù hu s-Salvatur. Il-kredent għandu wkoll sinċerament jipprova japplika dak li għallem Ġesù. Jekk m’hemmx azzjoni, kwalunkwe stqarrija taʼ fidi hi vojta. Il-Bibbja tgħid li “fidi mingħajr l-għemejjel hi mejta.” (Ġakbu 2:26) Fi kliem ieħor, dak li għandu jagħmel il-kredent hu li jeżerċita l-fidi f’Ġesù—jiġifieri, li għandu jgħix fi qbil mat-twemmin u l-fidi tiegħu.

Pawlu jispjegah hekk il-punt: “L-imħabba li għandu l-Kristu ġġegħelna, peress li dan iġġudikajna, li bniedem wieħed [Ġesù] miet għal kulħadd . . . u miet għal kulħadd biex dawk li jgħixu ma jgħixux iktar għalihom infushom, imma għal dak li miet għalihom u ġie mqajjem.” (2 Korintin 5:14, 15) Gratitudni sinċiera għas-sagrifiċċju taʼ Ġesù għandha tqanqalna nbiddlu ħajjitna—milli bl-egoiżmu ngħixu għalina nfusna għal li ngħixu għal Ġesù, li miet għalina. Jiġifieri, f’ħajjitna rridu nagħtu prijorità biex napplikaw it-tagħlim taʼ Ġesù. Bidla bħal din żgur li se teffettwa l-valuri tagħna, l-għażliet tagħna, u kulma nagħmlu. X’se jkun il-premju għal dawk li jemmnu u jeżerċitaw il-fidi f’Ġesù?

“MA JINTILIFX, IŻDA JKOLLU L-ĦAJJA TAʼ DEJJEM”

L-aħħar parti taʼ Ġwanni 3:16 tesprimi l-wegħda t’Alla lil dawk li jeżerċitaw il-fidi fil-provvediment tal-fidwa u li jgħixu skont il-livelli divini. Alla jrid li wħud leali bħal dawn ‘ma jintilfux, iżda jkollhom il-ħajja taʼ dejjem.’ Għal dawk li jibbenefikaw mill-imħabba t’Alla, hemm prospetti differenti fil-futur jistennewhom.

Lil grupp minn dawn, Ġesù wegħedhom ħajja taʼ dejjem fis-sema. Lid-dixxipli leali tiegħu qalilhom ċar li dalwaqt kien se jippreparalhom post sabiex huma jkunu jistgħu jsaltnu miegħu fil-glorja. (Ġwanni 14:2, 3; Filippin 3:20, 21) Dawk li jiġu rxoxtati għall-ħajja fis-sema se “jkunu qassisin t’Alla u tal-Kristu, u jsaltnu miegħu għall-elf sena.”—Rivelazzjoni 20:6.

Numru limitat biss tas-segwaċi taʼ Ġesù kienu se jirċievu privileġġ bħal dan. Infatti Ġesù qal: “Tibżgħux, merħla żgħira, għax Missierkom approva li jagħtikom is-saltna.” (Luqa 12:32) Kemm se tkun kbira dik il-“merħla żgħira”? Rivelazzjoni 14:1, 4 jgħid: “U rajt, u, ara, il-Ħaruf [Ġesù Kristu rxoxtat] wieqaf fuq il-Muntanja Sijon [tas-sema], u miegħu kien hemm mija u erbgħa u erbgħin elf li kellhom ismu u isem Missieru miktubin fuq ġbinhom. . . . Dawn inxtraw minn fost il-bnedmin bħala l-ewwel frott għal Alla u għall-Ħaruf.” Imqabblin mal-biljuni bla għadd li qatt għexu, 144,000 individwu huma biss “merħla żgħira.” Dawn huma deskritti bħala slaten, allura fuq min se jsaltnu?

Ġesù tkellem dwar grupp ieħor taʼ wħud leali li kienu se jirċievu l-benefiċċji mis-Saltna tas-sema. Bħalma jidher fi Ġwanni 10:16, Ġesù qal: “Għandi nagħaġ oħrajn, li m’humiex minn dan il-maqjel; lil dawn ukoll irrid inġibhom, u jisimgħu leħni, u jsiru merħla waħda, ragħaj wieħed.” Dawn in-“nagħaġ” iħarsu ’l quddiem għal ħajja taʼ dejjem fuq l-art—l-istess prospett li oriġinarjament  kellhom Adam u Eva. Kif nafu li l-futur tagħhom hu wieħed fuq l-art?

Il-Bibbja spiss titkellem dwar kundizzjonijiet taʼ Ġenna li se jiġu fuq l-art. Biex tara dan int stess, forsi tixtieq tiftaħ il-Bibbja tiegħek u taqra dawn is-siltiet li ġejjin: Salm 37:9-11; 46:8, 9; 72:7, 8, 16; Isaija 35:5, 6; 65:21-23; Mattew 5:5; Ġwanni 5:28, 29; Rivelazzjoni 21:4. Dawn il-versi jbassru t-tmiem tal-gwerer, il-ġuħ, il-mard, u l-mewt. Jitkellmu dwar żmien meta nies tajbin se jkollhom il-pjaċir li jkunu jistgħu jibnu djarhom stess, jikkultivaw l-art tagħhom, u jrabbu lil uliedhom f’ambjent paċifiku. * Prospett bħal dan ma jħajrekx? Għandna raġuni tajba biex nemmnu li dawn il-wegħdi dalwaqt se jseħħu.

ALLA TANA ĦAFNA AFFARIJIET

Jekk tieqaf u tikkunsidra dak kollu li Alla għamel għalik u għall-umanità inġenerali, jidher ċar li hu diġà għamel bosta affarijiet. Għandna l-ħajja, l-intelliġenza, ammont taʼ saħħa, u l-mezzi meħtieġa biex isostnu l-ħajja. Iktar minn hekk, l-għotja t’Alla tal-fidwa permezz taʼ Ġesù, li miet għalina, tistaʼ tfisser barkiet ikbar, bħalma nitgħallmu minn Ġwanni 3:16.

Ħajja taʼ dejjem f’kundizzjonijiet taʼ paċi u taʼ gost, mingħajr it-theddida tal-mard, gwerer, ġuħ, jew mewt, żgur li se tiftaħ bieb għal ferħ u barkiet bla tmiem. Jekk tirċivix dawn il-barkiet jew le jiddependi totalment minnek. Il-mistoqsija li jifdal hi, X’int tagħmel int għal Alla?

^ par. 24 Għal iktar informazzjoni dwar dawn il-profeziji, ara kapitlu 3 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? ippubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.