Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Il-Kelma t’Alla ssir magħrufa fi Spanja medjevali

Il-Kelma t’Alla ssir magħrufa fi Spanja medjevali

“Meta nkun sejjer Spanja, waqt li nkun qed nivvjaġġa għal hemmhekk, inkun nistaʼ narakom u tiġu biċċa triq miegħi wara li l-ewwel inkun gawdejt xi ftit il-kumpanija tagħkom.”—Rumani 15:24.

L-APPOSTLU Pawlu kiteb dan il-kliem lil sħabu Kristjani madwar is-sena 56 WK. Jekk Pawlu attwalment marx Spanja jew le, il-Bibbja ma tgħidx. Hu x’inhu l-każ, permezz tal-isforzi taʼ Pawlu jew taʼ missjunarji Kristjani oħrajn, l-aħbar tajba mill-Kelma t’Alla, il-Bibbja, fil-fatt waslet Spanja sat-tieni seklu WK.

Fi ftit żmien, il-komunitajiet Kristjani bdew jiżviluppaw u jiffjorixxu fi Spanja. Minħabba f’hekk, bdiet tinħass il-ħtieġa li n-nies hemmhekk ikollhom Bibbja tradotta bil-Latin. Dan kien għax sat-tieni seklu, Spanja kienet ilha taħt il-ħakma Rumana u l-Latin sar il-lingwa komuni fl-Imperu Ruman vast.

BIBBJI BIL-LATIN ISSODISFAW IL-BŻONN

Kristjani Spanjoli tal-bidu kienu pproduċew diversi traduzzjonijiet bil-Latin li flimkien huma magħrufa bħala l-Vetus Latina Hispana. Dawn il-Bibbji nfirxu maʼ Spanja għal ħafna snin qabel ma Ġirolmu spiċċa l-magħrufa Vulgata Latina kmieni fil-ħames seklu WK.

It-traduzzjoni taʼ Ġirolmu—li lesta f’Betlehem, il-Palestina—waslet Spanja bla dewmien. Meta Lucinius, student tal-Bibbja tat-tajjeb, sar jaf li Ġirolmu kien qed iħejji traduzzjoni bil-Latin, hu ried kopja taʼ din it-traduzzjoni ġdida malajr kemm jistaʼ jkun. Hu bagħat sitt skribi Betlehem biex jikkopjaw it-test u jiħduh lura Spanja. Fis-sekli taʼ wara, il-Vulgata bil-mod il-mod ħadet post il-Vetus Latina Hispana. Dawn it-traduzzjonijiet bil-Latin ippermettew lin-nies taʼ Spanja jaqraw u jifhmu l-messaġġ tal-Bibbja. Imma hekk kif l-Imperu Ruman ġie fi tmiemu, inħolqu bżonnijiet lingwistiċi ġodda.

IL-BIBBJA FUQ IL-LAVANJI

Fil-ħames seklu, il-Viżigoti u tribujiet oħrajn Ġermaniżi invadew Spanja, u lingwa ġdida—il-Gotiku—waslet fil-peniżola. L-invażuri kienu jipprattikaw forma taʼ Kristjanità magħrufa bħala l-Arjaniżmu, li m’aċċettax id-duttrina tat-Trinità. Ġabu magħhom ukoll it-traduzzjoni tagħhom tal-Iskrittura—Il-Bibbja Gotika taʼ Ulfila. Din il-Bibbja nqrat fi Spanja sa tmiem is-sitt seklu, meta r-re Viżigot, Reccared, sar Kattoliku u ċaħad l-Arjaniżmu. Hu ġiegħel li jinġabru u jinqerdu l-kotba Arjani kollha, inkluż il-Bibbja taʼ Ulfila. B’riżultat taʼ dan, il-kitbiet Gotiċi kollha għabu minn Spanja.

Madankollu, il-Kelma t’Alla kompliet tinfirex fi Spanja matul dan il-perijodu. Minbarra l-Gotiku, kien għad hemm djalett Latin li kien għadu mitkellem f’ħafna nħawi taʼ Spanja u li iktar tard ta bidu għal-lingwi mir-Rumanz mitkellma fil-peniżola Iberjana. * L-iktar dokumenti antiki b’dan id-djalett Latin huma magħrufin bħala l-lavanji Viżigoti, minħabba li kienu miktubin  fuq biċċiet jew ċangaturi tal-lavanja. Huma mis-sitt u s-sebaʼ sekli, u wħud minnhom fihom siltiet mis-Salmi u l-Evanġelji. Waħda mil-lavanji fiha Salm 16 kollu.

L-eżistenza taʼ testi Skritturali fuq sempliċi lavanji turi li dak iż-żmien, in-nies ordinarji kemm qraw kif ukoll ikkopjaw il-Kelma t’Alla. Milli jidher, l-għalliema użaw dawn it-testi Bibliċi bħala eżerċizzju għall-istudenti li kienu qed jitgħallmu jaqraw u jiktbu. Meta mqabbla mal-parċmina li kienet tiswa l-flus u li l-monasterji medjevali użaw biex jipproduċu Bibbji bl-istampi, il-lavanja kienet materjal irħis għall-kitba.

Bibbja imprezzabbli tinsab fil-knisja taʼ San Isidoro f’León, Spanja. Hi mis-sena 960 WK, għandha 516-il folja b’qies taʼ xi 47 ċentimetru b’34 ċentimetru, u tiżen xi 18-il kilogramma. Oħra, li issa qiegħda fil-Librerija tal-Vatikan, hi l-Bibbja taʼ Ripoll, li hi mill-1020 WK. Din il-Bibbja hi waħda mill-Bibbji medjevali li l-iktar fiha dekorazzjonijiet. Biex jipproduċi xogħlijiet t’arti bħal dawn, patri għandu mnejn qattaʼ ġurnata sħiħa joħloq ittra inizjali waħda jew ġimgħa sħiħa jipprepara l-paġna bit-titlu. Għalkemm prezzjużi, dawn il-Bibbji ftit li xejn għamlu biex ixerrdu l-messaġġ tal-Kelma t’Alla fost in-nies.

IL-BIBBJA BL-GĦARBI

Sat-tmien seklu, lingwa oħra bdiet tinbet fi Spanja b’riżultat tal-invażjoni Iżlamika tal-peniżola. Fl-inħawi li kkolonizzaw il-Misilmin, l-Għarbi beda jintuża iktar mil-Latin u nħasset il-ħtieġa għal Bibbja b’din il-lingwa ġdida.

Mill-ħames sat-tmien seklu WK, il-Bibbja bil-Latin u bl-Għarbi għenet lin-nies fi Spanja jaqraw il-Kelma t’Alla

Ħafna traduzzjonijiet tal-Bibbja bl-Għarbi—speċjalment l-Evanġelji—bla dubju kienu abbundanti fi Spanja medjevali. Milli jidher fit-tmien seklu, Ġwanni, isqof taʼ Sivilja, ittraduċa l-Bibbja kollha għall-Għarbi. B’dispjaċir, ħafna minn dawk it-traduzzjonijiet bl-Għarbi m’għadhomx jeżistu. Fil-katidral taʼ León, Spanja, hemm ippreservata traduzzjoni waħda tal-Evanġelji bl-Għarbi li saret f’nofs l-għaxar seklu.

 TFAĊĊAW VERŻJONIJIET BL-ISPANJOL

Lejn l-aħħar tal-Medju Evu, il-Kastiljan, jew l-Ispanjol, beda jieħu s-sura fil-Peniżola Iberjana. Dan l-ilsien ġdid kien se jsir mezz importanti biex tixxerred il-Kelma t’Alla. * L-ewwel test Bibliku tradott għall-Ispanjol deher f’La Fazienda de Ultra Mar (Ġrajjiet min-Naħa l-Oħra tal-Ibħra), tal-bidu tat-13-il seklu. Dan ix-xogħol fih rakkont taʼ vjaġġ lejn Iżrael, u jinkludi materjal mill-Pentatewku u kotba oħrajn mill-Iskrittura Ebrajka kif ukoll mill-Evanġelji u l-Epistoli.

L-awtoritajiet tal-knisja ma kinux kuntenti b’din it-traduzzjoni. Fl-1234, il-Konċilju taʼ Tarragona ordna li l-Bibbji kollha bil-lingwa tal-pajjiż kellhom jingħataw lill-kleru lokali biex jinħarqu. B’ferħ dan id-digriet ma waqqafx it-traduzzjoni tal-Bibbja. Ir-Re Alfonso X (1252-1284), ikkunsidrat bħala missier il-proża Spanjola, ried li l-Iskrittura tkun tradotta bil-lingwa l-ġdida u appoġġaha. Traduzzjonijiet Spanjoli minn dan il-perijodu jinkludu l-hekk imsejħa Bibbja Pre-Alfonsina u l-Bibbja Alfonsina, li dehret ftit żmien warajha, li kienet l-ikbar traduzzjoni bl-Ispanjol taʼ żmienha.

Dawn iż-żewġ xogħlijiet għenu biex tiġi stabbilita u tissebbaħ il-lingwa Spanjola li kienet għadha kif bdiet tiżviluppa. Dwar il-Bibbja Pre-Alfonsina, l-istudjuż Thomas Montgomery jgħid: “It-traduttur taʼ din il-Bibbja pproduċa xogħol taʼ min jammirah f’dik li hi eżattezza kif ukoll lingwa eleganti. . . . Il-lingwa hi sempliċi u ċara, kif kien meħtieġ minn Bibbja għal nies li ma kinux jafu bil-Latin.”

Però, dawk il-Bibbji bikrin bl-Ispanjol ġew tradotti mill-Vulgata Latina minflok mil-lingwi oriġinali. Sa mill-bidu tas-seklu 14, skulari Lhud ipproduċew diversi traduzzjonijiet tal-Iskrittura Ebrajka direttament mill-Ebrajk. F’dak iż-żmien, Spanja kellha l-ikbar komunità Lhudija fl-Ewropa, u t-tradutturi Lhud kellhom aċċess għal manuskritti tajbin bl-Ebrajk biex jagħmlu t-traduzzjonijiet tagħhom. *

Eżempju li jispikka kienet il-Bibbja Alba, li tlestiet fis-seklu 15. Raġel nobbli prominenti Spanjol, Luis de Guzmán, qabbad lir-Rabbi Moisés Arragel jittraduċi l-Bibbja għall-Ispanjol castizo (pur). Hu ta żewġ raġunijiet għala talab din it-traduzzjoni ġdida. L-ewwel nett, qal: “Il-Bibbji tal-lum bil-lingwa Rumanza m’huma eżatti xejn,” u t-tieni, “Nies bħalna għandna ħafna bżonn in-noti marġinali biex nifhmu siltiet li m’humiex ċari.” It-talba tiegħu turi li n-nies fi żmienu kellhom interess kbir li jaqraw u jifhmu l-Bibbja. Turi wkoll li l-Iskrittura fl-ilsien tan-nies tal-post diġà kienet infirxet sew madwar Spanja.

Grazzi lit-tradutturi u lill-kopisti medjevali, nies edukati fi Spanja setgħu jaqraw il-Bibbja bil- lingwa tagħhom stess mingħajr ostakli kbar. B’riżultat taʼ dan, l-istorjografu Juan Orts González osserva li “qabel żmien Luteru, l-Ispanjoli kienu jafu l-Bibbja iktar mill-Ġermaniżi jew l-Ingliżi.”

“Qabel żmien Luteru, l-Ispanjoli kienu jafu l-Bibbja iktar mill-Ġermaniżi jew l-Ingliżi.”—L-istorjografu Juan Orts González

Però, sa tmiem il-15-il seklu, l-Inkwiżizzjoni Spanjola pprojbiet li wieħed jittraduċi jew ikollu l-Iskrittura bi kwalunkwe lingwa tal-vernakolu. Waqaʼ bħal lejl twil għall-Bibbja fi Spanja. Kellhom jgħaddu tliet sekli sakemm fl-aħħar tneħħiet il-projbizzjoni. Matul dak iż-żmien diffiċli, xi tradutturi kuraġġużi pproduċew verżjonijiet ġodda bl-Ispanjol barra l-pajjiż u daħħluhom Spanja bil-kuntrabandu. *

Bħalma turi l-istorja tal-Bibbja fi Spanja medjevali, xi opponenti għamlu l-almu tagħhom biex jopponu l-Kelma t’Alla b’ħafna modi. Minkejja dan, ma rnexxilhomx irażżnu kliem Dak li Jistaʼ Kollox.—Salm 83:1; 94:20.

Ix-xogħol bla heda taʼ ħafna skulari ppermetta li l-Bibbja trabbi l-għeruq u tinxtered fi Spanja medjevali. Tradutturi moderni segwew il-passi taʼ dawk li kienu minn tal-ewwel biex jittraduċu l-Iskrittura għal-Latin, il-Gotiku, l-Għarbi, u l-Ispanjol. B’riżultat taʼ dan, illum, miljuni taʼ nies li jitkellmu bl-Ispanjol jistgħu jaqraw il-Kelma t’Alla bil-lingwa li tmissilhom qalbhom.

^ par. 10 Dawn jinkludu l-Kastiljan, il-Katalan, il-Galizjan, u l-Portugiż.

^ par. 17 Illum il-ġurnata, l-Ispanjol hu l-ewwel lingwa taʼ xi 540 miljun ruħ.

^ par. 20 Ara l-artiklu “The Divine Name and Alfonso de Zamora’s Quest for Textual Accuracy,” fil-ħarġa tal-1 taʼ Diċembru 2011 taʼ din ir-rivista bl-Ingliż.

^ par. 23 Ara l-artiklu “Casiodoro de Reina’s Fight for a Spanish Bible,” fil-ħarġa tal-1 taʼ Ġunju 1996 taʼ din ir-rivista bl-Ingliż.