Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 BIJOGRAFIJA

Insib is-saħħa fid-dgħufija tiegħi

Insib is-saħħa fid-dgħufija tiegħi

Kulħadd jaħseb li jien xi waħda dgħajfa meta jara mara li tiżen biss 29 kilogramm bilqiegħda f’siġġu tar-roti. Iżda hekk kif ġismi jiddgħajjef, saħħa ġewwinija tagħtini spinta ’l quddiem. Ħalli nispjega kif is-saħħa u d-dgħufija fassluli ħajti.

Meta kelli erbaʼ snin

Meta naħseb fi tfuliti nġib quddiem għajnejja memorji taʼ żmien sabiħ f’dar fil-kampanja fin-Nofsinhar taʼ Franza, fejn kienu joqogħdu l-ġenituri tiegħi. Missieri għamilli bandla, u kont inħobb niġri fil-ġnien. Fl-1966, ix-Xhieda taʼ Ġeħova bdew jiġu għandna u jitkellmu fit-tul maʼ missieri. Wara sebaʼ xhur biss, hu ddeċieda li jsir Xhud. Ommi malajr għamlet bħalu, u huma rabbewni f’ambjent kollu mħabba.

Il-problemi tiegħi bdew ftit wara li morna lura Spanja, pajjiż il-ġenituri tiegħi. Bdejt inħoss uġigħ qawwi għal għarrieda f’idejja u fl-għekiesi. Wara sentejn ġejjin u sejrin għand it-tobba, sibna rewmatologu magħruf, li b’dispjaċir qal, “Tard wisq.” Ommi nfexxet tibki. Espressjonijiet strambi, bħal “mard kroniku awtoimmuni” u “poliartrite tat-tfulija,” * bdew jidwu f’dik il-kamra li tagħmillek id-dwejjaq. Għalkemm bħala tifla t’għaxar snin ftit fhimt, irrealizzajt li l-aħbar kienet waħda ħażina.

It-tabib issuġġerixxa kura fi sptar tat-tfal. Meta wasalt, dak il-bini ċass għamilli d-dwejjaq. Id-dixxiplina kienet stretta: Is-sorijiet qatgħuli xagħri u libbsuni uniformi antikwata. ‘Kif nistaʼ nissaporti ngħix hawn?’ ħsibt bid-dmugħ f’għajnejja.

ĠEĦOVA JSIR REALI GĦALIJA

Peress li l-ġenituri kienu għallmuni naqdi lil Ġeħova, jien irrifjutajt li nieħu sehem fir-ritwali Kattoliċi fl-isptar. Is-sorijiet sabuha diffiċli biex jifhmu għala rrifjutajt. Tlabt bil-qalb lil Ġeħova biex ma jitlaqnix, u malajr ħassejt bħallikieku dirgħajh madwari biex jipproteġuni, bħalma missier jgħannaq bi mħabba lil uliedu.

Il-ġenituri kellhom permess iżuruni għal ftit ħin nhar taʼ Sibt. Kienu jġibuli pubblikazzjonijiet Bibliċi biex naqrahom u nsaħħaħ il-fidi. Normalment, it-tfal ma kinux jitħallew ikollhom il-kotba tagħhom, iżda lili s-sorijiet ħallewni nżommhom flimkien  mal-Bibbja tiegħi, li kont naqra kuljum. Ukoll, tkellimt maʼ tfal oħrajn dwar it-tama taʼ ħajja taʼ dejjem fil-Ġenna tal-Art, fejn ħadd ma kien se jimrad. (Rivelazzjoni 21:3, 4) Minkejja li kultant ħassejtni mdejqa u waħdi, kont kuntenta li l-fidi u t-tama tiegħi f’Ġeħova kienu qed jissaħħu.

Wara sitt xhur twal, it-tobba bagħtuni d-dar. Il-marda tiegħi ma ċedietx iżda kont ferħana li nerġaʼ nkun mal-ġenituri. Il-ġogi tiegħi saru iżjed sfigurati u ħassejtni iktar muġugħa. Bdejt is-snin tal-adoloxxenza fi stat debboli ħafna. Madankollu, meta kelli 14-il sena tgħammidt u kont determinata li naqdi lil Missieri tas-sema bl-aħjar mod li nistaʼ. Iżda kultant ħassejtni diżappuntata bih. “Għala jien? Fejjaqni, jekk jogħġbok,” tlabt. “M’intix tara kemm qed insofri?”

L-adoloxxenza kienet żmien diffiċli għalija. Kelli naċċetta li ma kienx se jgħaddili. Ma stajtx nieqaf inqabbel lili nnifsi maʼ ħbiebi—li kienu tant f’saħħithom u mimlijin enerġija. Ħassejtni inferjuri u ngħalaqt fija nnifsi. Minkejja dan, il-familja u l-ħbieb appoġġawni. Niftakar b’għożża lil Alicia li kienet 20 sena ikbar minni u li saret ħabiba taʼ veru tiegħi. Hi għenitni biex ma nkomplix nikkonċentra fuq il-mard tiegħi u biex ninteressa ruħi f’oħrajn minflok ma noqgħod inħammem fuq il-problemi tiegħi stess.

INSIB KIF NGĦIX BI SKOP

Meta kelli 18-il sena rkadejt bl-ikrah u kont ninfileġ anke biex nattendi l-laqgħat Kristjani. Minkejja dan, ħadt vantaġġ mill-“ħin liberu” kollu tiegħi d-dar biex nistudja sewwa l-Bibbja. Il-ktieb taʼ Ġob u dak tas-Salmi għenuni nifhem li fil-preżent Alla Ġeħova jieħu ħsiebna primarjament fl-affarijiet spiritwali iktar milli dawk fiżiċi. It-talb taʼ sikwit tiegħi tani “l-qawwa iktar min-normal” u “l-paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb.”—2 Korintin 4:7; Filippin 4:6, 7.

Taʼ 22 sena kelli naċċetta li ngħaddi l-kumplament taʼ ħajti f’siġġu tar-roti. Bżajt li n-nies ma kinux se jibqgħu jagħtu kasi u jaraw biss siġġu tar-roti b’mara marradija ġo fih. Madankollu, is-siġġu tar-roti reġaʼ kisibli ftit mill-indipendenza tiegħi, u dis-“saħta” saret barka. Ħabiba jisimha Isabel issuġġerietli nagħmel mira personali taʼ li nqattaʼ 60 siegħa fix-xogħol tal-ippritkar magħha għal xahar.

Għall-ewwel ħsibt li l-idea kienet banali. Imma tlabt lil Ġeħova jgħinni u bl-appoġġ tal-familja u l-ħbieb irnexxieli. Dak ix-xahar t’attività kontinwa għadda malajr, u sibt li kont għelibt il-biżaʼ u l-mistħija li kelli. Tant ħadt gost li fl-1996 iddeċidejt li nsir pijuniera regulari—billi nqattaʼ ammont fiss taʼ sigħat kull xahar fil-ministeru. Kienet waħda mill-aħjar deċiżjonijiet li ħadt, għenitni nersaq eqreb lejn Alla, u saħħitni fiżikament ukoll. Il-parteċipazzjoni fil-ministeru ppermettietli naqsam il-fidi tiegħi maʼ ħafna nies u ngħin lil ftit minnhom isiru l-ħbieb t’Alla.

ĠEĦOVA JIBQAʼ JIEĦU ĦSIEBI

Fis-sajf tal-2001 kelli aċċident ikrah bil-karozza u ksirt saqajja. Hekk kif kont f’qiegħ taʼ sodda fl-isptar b’uġigħ insapportabbli, għedt talba bil-ħrara ġo qalbi: “Jekk jogħġbok, Ġeħova, tħallinix!” Proprju dak il-ħin, mara li kienet f’sodda fil-qrib staqsietni, “Int waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova?” Ma kellix saħħa nwiġibha, allura għamilt sinjal b’rasi biss. “Nafkom lilkom! Ġieli naqra r-rivisti tagħkom,” hi qalet. Dak il-kliem farraġni ħafna. Anke fl-istat magħdur li kont fih stajt nagħti xhieda dwar Ġeħova. X’unur!

Meta ġejt xi ftit ’il quddiem, iddeċidejt li nerġaʼ nagħti xhieda. Ommi kienet iddawwarni mas-sala tal-isptar fis-siġġu tar-roti, b’saqajja fil-ġibs. Kull ġurnata konna nżuru xi ftit pazjenti, nistaqsuhom kif kienu, u nħallulhom xi letteratura Biblika. Dawk iż-żjajjar kienu jgħejjuni, iżda Ġeħova tani s-saħħa li kelli bżonn.

Fl-aħħar ftit snin, l-uġigħ żdiedli u t-telfa taʼ missieri żiditli n-niket tiegħi. Xorta waħda, nipprova nżomm attitudni pożittiva. Kif? Kull meta jkun possibbli, nipprova nkun mal-ħbieb u l-qraba, u dan jgħinni ma nkomplix nhewden fuq il- problemi tiegħi. U meta nkun waħdi, noqgħod naqra, nistudja l-Bibbja, jew nipprietka lil oħrajn bit-telefown.

Spiss ngħalaq għajnejja u niftaħ it-“tieqa” privata tiegħi li tagħti għad-dinja l-ġdida mwiegħda minn Alla

Nipprova wkoll nieħu pjaċir b’affarijiet sempliċi bħal xi żiffa fuq wiċċi jew il-fwieħa tal-fjuri. Dawn jimlewni b’apprezzament. Li tkun taf tiċċajta jagħmel il-mirakli wkoll. Ġurnata minnhom waqt li kont qed nipprietka, ħabibti, li kienet qed timbottani fis-siġġu tar-roti, waqfet biex tieħu xi noti. F’daqqa waħda sibt ruħi għan-niżla bla kontroll sakemm ħbatt maʼ karozza pparkjata. It-tnejn li aħna ħadna qatgħa, imma meta rajna li ma ġara xejn serju dħaqna waħda bil-qalb.

Hemm ħafna affarijiet fil-ħajja li ma nistax nagħmel. Jien insejħilhom xewqat mhux imwettqin. Spiss ngħalaq għajnejja u niftaħ it-“tieqa” privata tiegħi li tagħti għad-dinja l-ġdida mwiegħda minn Alla. (2 Pietru 3:13) Nimmaġina lili nnifsi f’saħħti, nippassiġġa, u ngawdi l-ħajja bis-sħiħ. Jien ngħożż kliem is-Sultan David: “Ittama f’Ġeħova; kun kuraġġuż u qawwi qalbek.” (Salm 27:14) Għalkemm ġismi sar iżjed u iżjed fraġli, Ġeħova saħħaħni. Qed inkompli nsib is-saħħa fid-dgħufija tiegħi.

^ par. 6 Il-poliartrite tat-tfulija hija tip t’artrite kronika li teffettwa lit-tfal. Is-sistema tal-immunità tal-ġisem stess tattakka u teqred gruppi taʼ ċelluli f’saħħithom, u tikkaġuna wġigħ u nefħa fil-ġogi.