Seklu ilu, miljuni taʼ rġiel żgħażagħ ħallew is-sigurtà taʼ djarhom u marru għall-gwerra. Telqu bil-ħeġġa kollha, immotivati minn mewġa taʼ patrijottiżmu. “Jien ferħan u mimli eċċitament minħabba ż-żmien sabiħ li ġej,” kiteb volontier Amerikan fl-1914.

Però, f’qasir żmien, l-entużjażmu tagħhom inbidel fi mrar. Ħadd ma kien basar li dawk l-armati enormi kienu se jissieltu fil-Belġju u Franza għal snin sħaħ. Dak iż-żmien, din il-gwerra kienet tissejjaħ “Il-Gwerra l-Kbira.” Illum nafuha bħala l-Ewwel Gwerra Dinjija.

L-Ewwel Gwerra Dinjija kienet tassew kbira meta tqis kemm ħalliet feruti u mmankati. Skont xi stimi, mietu 10 miljun ruħ u 20 miljun baqgħu mmankati. Kienet ukoll riżultat taʼ żbalji ħoxnin. Politikanti Ewropej ma kinux kapaċi jwaqqfu tensjonijiet internazzjonali milli jeskalaw għal konflitt globali. Forsi iktar importanti hu l-fatt li l-“Gwerra l-Kbira” ħalliet ferita kbira. Biddlet id-dinja b’modi li għadhom jeffettwawna llum.

 ŻBALJI LI QERDU L-FIDUĊJA

L-Ewwel Gwerra Dinjija faqqgħet minħabba kalkoli ħżiena. Il-ktieb The Fall of the Dynasties—The Collapse of the Old Order 1905-1922 jispjega li l-mexxejja Ewropej ma kellhom l-ebda idea li d-deċiżjonijiet li kienu qed jieħdu kienu se jirriżultaw f’diżastru globali.

Fi ftit ġimgħat, il-qtil taʼ arċiduka Awstrijak għaddas lill-qawwiet prinċipali Ewropej fi gwerra li huma ma ridux. Ftit jiem wara li ġiet iddikjarata l-gwerra, il-kanċillier Ġermaniż ġie mistoqsi: “Kif ġara dan kollu?” “Li kieku biss taf,” wieġeb hu sogħbien.

Il-mexxejja li ħadu d-deċiżjonijiet ħżiena li wasslu għall-gwerra ma kellhom ebda idea tal-konsegwenzi. Imma r-realtà malajr feġġet għas-suldati li kienu fit-trinċieri. Huma rrealizzaw li l-politikanti tagħhom kienu ddiżappuntawhom, il-kleru qarraq bihom, u l-ġenerali ttradewhom. Kif?

Il-politikanti tagħhom kienu ddiżappuntawhom, il-kleru qarraq bihom, u l-ġenerali ttradewhom

Il-politikanti wiegħdu li l-gwerra se tiftaħ it-triq għal dinja ġdida u aħjar. Il-kanċillier Ġermaniż ħabbar: “Qed niġġieldu biex naħsdu l-frott tal-industrija paċifika tagħna, għall-wirt taʼ passat grandjuż, u għall-futur tagħna.” Il-President Amerikan Woodrow Wilson għen biex jinħoloq motto popolari rassiguranti li l-gwerra kellha “tagħmel id-dinja bla riskju għad-demokrazija.” U fil-Britannja, in-nies ħasbu li kienet “gwerra biex ittemm il-gwerer.” Kollha marru żmerċ.

Il-kleru appoġġa l-gwerra bl-entużjażmu. “Dawk li suppost kellhom jgħallmu l-Bibbja inkuraġġew lin-nies imorru għall-gwerra. Gwerra totali saret tfisser mibegħda totali,” jgħid The Columbia History of the World. U l-qassisin mhux talli ma għenux biex titnaqqas il-mibegħda, imma talli inkuraġġewha. “Il-kleru ma kienx kapaċi, u fil-biċċa l-kbira ma riedx, ipoġġi t-twemmin Kristjan qabel in-nazzjonalità,” josserva A History of Christianity. “Il-biċċa l-kbira minnhom ipprovaw jeħilsuha ħafif u għamlu l-Kristjanità importanti daqs il-patrijottiżmu. Suldati Kristjani tad-denominazzjonijiet kollha ġew imħeġġin joqtlu lil xulxin f’isem is-Salvatur tagħhom.”

Il-ġenerali wiegħdu rebħa taʼ malajr u faċli, imma ma kellux ikun hekk. F’kemm ilna ngħidu, l-armati taʼ kontra xulxin sabu ruħhom f’sitwazzjoni taʼ staġnar. Imbagħad miljuni taʼ suldati ħabbtu wiċċhom maʼ dik li storjografu sejħilha ‘aktarx l-iktar trawma kiefra li l-bniedem bata kemm fiżikament u kemm emozzjonalment.’ Minkejja telf tal-biżaʼ, il-ġenerali baqgħu jibagħtu lill-irġiel tagħhom f’barrikati bil-barbed wire u xita taʼ balal tal-maxingann. Mhux taʼ b’xejn li nibtu rvellijiet kullimkien.

L-Ewwel Gwerra Dinjija kif effettwat lis-soċjetà? Xogħol taʼ storja jikkwota veteran li qal: “Il-gwerra . . . għamlet il-ħsara lill-imħuħ u l-karattru taʼ ġenerazzjoni.” Tabilħaqq, b’riżultat tal-gwerra imperi sħaħ għosfru. Dak il-konflitt traġiku wera li kien introduzzjoni għall-iktar seklu mdemmi li qatt rat l-umanità. L-irvellijiet u l-istrajkijiet bdew jidhru li huma kważi komuni.

Il-gwerra għala qalbet id-dinja taʼ taħt fuq? Kienet verament aċċident kolossali? Juru t-tweġibiet xi ħaġa dwar il-futur tagħna?