Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 IL-​BIBBJA TBIDDEL IL-​ĦAJJIET

“Il-wegħda taʼ ġenna tal-art biddlitli ħajti!”

“Il-wegħda taʼ ġenna tal-art biddlitli ħajti!”
  • SENA TAT-​TWELID: 1974

  • POST TAT-​TWELID: IL-​LATVJA

  • STORJA: SEWWIEQ TAL-​MUTURI LI KIEN JISSOGRA ĦAJTU

IL-​PASSAT TIEGĦI:

Jien twelidt f’Riga, il-​kapitali tal-​Latvja. Lili u lil oħti rabbietna ommi. Għalkemm hi kienet Kattolika, konna mmorru l-​knisja fil-​festi reliġjużi biss. Dejjem kont nemmen f’xi qawwa ogħla, imma bħala żagħżugħ kont aljenat b’ħafna interessi oħra.

Jiena u nikber, ommi nnotat li kont ninqalaʼ biex inżarma l-​affarijiet u nerġaʼ narmahom. B’tant affarijiet fid-​dar li setgħu jiżżarmaw, hi dejjem kienet tinkwieta li tħallini waħdi d-​dar. Għalhekk, tatni sett taʼ kostruzzjoni tal-​metall u kienet l-​għaxqa tiegħi narma u nżarma fih. Dak l-​interess kien imur id f’id maʼ xi ħaġa oħra li kont inħobb ħafna—is-​sewqan tal-​muturi. Ommi kitbitni f’tellieqa tal-​muturi msejħa Zelta Mopēds (Il-​Moped tad-​Deheb). Bdejt intellaq bil-​mopeds, u iktar tard, bil-​muturi.

Kont persuna li nitgħallem malajr u fi żmien qasir bdejt nirbaħ f’dan l-​isport veloċi u perikoluż. Irbaħt il-​kampjonat tal-​Latvja tas-​superbikes tliet darbiet, u darbtejn irbaħt il-​Baltic States Superbike Championship.

KIF IL-​BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI:

Fl-​aqwa tal-​karriera tiegħi, l-​għarusa tiegħi, Evija (li iktar tard saret marti) ġiet ikkuntattjata mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Kienet sabet xi letteratura tagħhom li kien fiha kupun biex titlob studju tal-​Bibbja. Hi mliet il-​kupun u impostatu. F’qasir żmien, żaruha żewġ Xhieda, u bdiet tistudja l-​Bibbja magħhom. Jien m’oġġezzjonajtx, però dak iż-​żmien ma tantx kont ninteressa ruħi f’affarijiet spiritwali.

Iktar tard, ix-​Xhieda stidnuni għall-​istudju taʼ Evija sabiex nismaʼ. Aċċettajt l-​offerta, u dak li smajt għoġobni. Ħaġa li partikularment messitli qalbi kienet il-​wegħda tal-​Bibbja taʼ ġenna tal-​art. Pereżempju, intwerejt is-​silta f’​Salm 37:10, 11, li tgħid: “Ftit ieħor biss, u l-​ħażin ma  jkunx iktar; u int tħares bir-​reqqa fejn kien, u ma jkunx hemm. Imma l-​ġwejdin se jirtu l-​art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu ferm.” Dik il-​wegħda veru laqtitni.

L-​interess spiritwali tiegħi kompla jikber. Bdejt nirrealizza kemm hemm gideb reliġjuż. B’kuntrast, it-​tagħlim tal-​Bibbja impressjonani minħabba li hu loġiku u ċar.

Hekk kif komplejt nistudja l-​Bibbja, tgħallimt kemm Ġeħova jqisha taʼ valur il-​ħajja u kemm hi prezzjuża għalih. (Salm 36:9) Dan kellu impatt fuq is-​sewqan tiegħi fit-​tlielaq—ma ridtx nibqaʼ nissogra ħajti. Minflok, ridt nużaha biex nigglorifika lil Ġeħova. Għalhekk, il-​fama, il-​glorja, u l-​eċċitament tat-​tlielaq tal-​muturi ma kinux għadhom importanti għalija.

Sirt naf li għandi responsabbiltà lejn Dak li jagħti l-​ħajja

Fl-​1996 attendejt konvenzjoni internazzjonali tax-​Xhieda taʼ Ġeħova f’Tallinn, l-​Estonja, mhux ’il bogħod mill-​istejdjum tal-​muturi fejn spiss kont intellaq. Fil-​konvenzjoni rajt nies minn ħafna pajjiżi differenti jiltaqgħu flimkien fl-​armonija u l-​paċi. Pereżempju, meta waħda mix-​Xhieda tilfet il-​portmoni, jien assumejt li qatt ma kienet se terġaʼ tarah b’għajnejha. Iżda, f’kemm ilna ngħidu, Xhud oħra sabitu u rritornatu bla ma kien hemm xejn nieqes fih. Jien bqajt imbellah! Issa fhimt li x-​Xhieda veru jgħixu fi qbil mal-​livelli għoljin tal-​Bibbja. Jien u Evija komplejna nagħmlu progress fl-​istudju tagħna, u fl-​1997 tgħammidna u sirna Xhieda taʼ Ġeħova.

KIF IBBENEFIKAJT:

Xi wħud minn sħabi mietu minħabba s-​sewqan bla rażan bil-​muturi. Mill-​istudju tiegħi tal-​Bibbja sirt naf li għandi responsabbiltà lejn Dak li jagħti l-​ħajja, Ġeħova. Dan l-​għarfien aktarx salvali ħajti.

Għal erbaʼ snin, jien u Evija kellna l-​privileġġ li naqdu bħala qaddejja fultajm fl-​uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova f’Riga. Issa għandna l-​pjaċir li nrabbu lit-​tifla tagħna, Alise, u ngħinuha ssir tħobb lil Ġeħova. Għandi wkoll il-​privileġġ li nqattaʼ ġurnata fil-​ġimgħa fl-​uffiċċju tat-​traduzzjoni, nirranġa l-​karozzi u affarijiet oħrajn li jkunu tkissru. Jien tassew kuntent li nistaʼ nagħmel użu tajjeb mill-​abbiltajiet li tgħallimt fi tfuliti! Iva, għadni qed inżarma u nerġaʼ narma l-​affarijiet.

Verament napprezza l-​privileġġ li nistaʼ nagħti xhieda dwar l-​uniku Alla veru flimkien mal-​familja tiegħi, dan kollu grazzi għal dak li tgħallimt mill-​Bibbja. Tabilħaqq, il-​wegħda taʼ ġenna tal-​art biddlitli ħajti!