Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Tama għall-mejtin—L-irxoxt

Tama għall-mejtin—L-irxoxt

Int temmen fil-wegħda tal-irxoxt li hemm fil-Bibbja? * Il-prospett li nerġgħu ningħaqdu mal-maħbubin tagħna li mietu għandu tal-inqas jinteressana. Imma hu realistiku li nikkultivaw tama bħal din? Biex inwieġbu din il-mistoqsija, nagħmlu tajjeb nikkunsidraw l-eżempju tal-appostli taʼ Ġesù Kristu.

L-appostli kellhom twemmin sod fl-irxoxt tal-mejtin. Għala? Għal mill-inqas żewġ raġunijiet. L-ewwel, it-tama tagħhom kienet ibbażata primarjament fuq dan il-fatt: Ġesù nnifsu kien tqajjem mill-mewt. L-appostli—u “iktar minn ħames mitt ħu f’daqqa”—raw lil Ġesù rxoxtat. (1 Korintin 15:6) Barra minn hekk, l-irxoxt taʼ Ġesù kien ikkonfermat u aċċettat, bħalma juru l-erbaʼ Evanġelji.—Mattew 27:62–28:20; Marku 16:1-8; Luqa 24:1-53; Ġwanni 20:1–21:25.

It-tieni, l-appostli kienu raw lil Ġesù jqajjem lil minn tal-inqas tlieta min-nies mill-mewt—l-ewwel f’Najn, imbagħad f’Kafarnahum, u fl-aħħar f’Betanja. (Luqa 7:11-17; 8:49-56; Ġwanni 11:1-44) L-aħħar minn dawk l-irxoxtijiet, li ġie deskritt iktar kmieni f’din il-ħarġa, involva familja li kienu ħbieb tal-qalb taʼ Ġesù. Ejja nkomplu naraw x’kien ġara.

“JIEN L-IRXOXT U L-ĦAJJA”

“Ħuk iqum.” Ġesù qal dan il-kliem lil Marta, li ħuha, Lazzru, kien ilu mejjet erbat ijiem. Marta għall-ewwel ma fehmitx it-tifsir taʼ kliem Ġesù. “Naf li jqum,” qalet hi, imma ħasbet li kien se jkun f’xi żmien fil-futur. Immaġina kif baqgħet imnixxfa meta wara li semgħet lil Ġesù jgħid “Jien l-irxoxt u l-ħajja,” rat lil Ġesù jqajjem lil ħuha mill-mewt!—Ġwanni 11:23-25.

Fejn kien Lazzru matul l-erbat ijiem wara li miet? Lazzru ma semma xejn biex jagħti x’jifhem li kien ħaj xi mkien ieħor matul dawk l-erbat ijiem. Le, Lazzru ma kellux ruħ immortali li kienet marret il-ġenna. Meta Ġesù rxoxta lil Lazzru, ma ġabux lura lejn l-art, kaxkru mit-tgawdija tal-ġenna qrib Alla. Mela fejn kien Lazzru matul dawk l-erbat ijiem? Fil-fatt, hu kien rieqed fil-qabar.—Ekkleżjasti 9:5, 10.

Ftakar, Ġesù qabbel il-mewt maʼ raqda li minnha dak li jkun jitqajjem bi rxoxt. Ir-rakkont jaqra: “‘Il-ħabib tagħna Lazzru mar jistrieħ, imma jien se mmur inqajmu mill-irqad.’ Għalhekk,  id-dixxipli qalulu: ‘Mulej, jekk mar jistrieħ, jgħaddilu.’ Issa Ġesù kien tkellem dwar il-mewt tiegħu. Imma huma immaġinaw li kien qed jitkellem dwar il-mistrieħ fl-irqad. Għalhekk, dak il-ħin Ġesù qalilhom bla tlaqliq: ‘Lazzru miet.’” (Ġwanni 11:11-14) Meta rxoxta lil Lazzru, Ġesù reġaʼ tah il-ħajja, u b’hekk setaʼ jerġaʼ jingħaqad mal-familja tiegħu. X’rigal mill-isbaħ ta Ġesù lil dik il-familja!

L-irxoxtijiet li wettaq Ġesù meta kien fuq l-art jagħtu ħarsa bil-quddiem taʼ x’se jagħmel fil-futur bħala s-Sultan tas-Saltna t’Alla. * Matul it-tmexxija tiegħu għal fuq l-art, Ġesù mis-sema se jerġaʼ jġib għall-ħajja lill-bnedmin li huma reqdin fil-qabar. Għalhekk qal: “Jien l-irxoxt.” Aħseb fil-ferħ li se tħoss meta terġaʼ tara lill-maħbubin tiegħek! Aħseb ukoll dwar il-ferħ li se jħossu dawk li jiġu rxoxtati!—Luqa 8:56.

Aħseb fil-ferħ li se tħoss meta terġaʼ tara lill-maħbubin tiegħek!

FIDI LI TWASSAL GĦALL-ĦAJJA TAʼ DEJJEM

Ġesù qal lil Marta: “Min jeżerċita l-fidi fija, avolja jmut, se jieħu l-ħajja; u kulmin qed jgħix u jeżerċita l-fidi fija ma jmut qatt.” (Ġwanni 11:25, 26) Dawk li lilhom Ġesù jirxoxta matul ir-renju taʼ elf sena tiegħu se jkollhom il-prospett li jgħixu għal dejjem—dment li huma verament ipoġġu l-fidi fih.

“Min jeżerċita l-fidi fija, avolja jmut, se jieħu l-ħajja.”—Ġwanni 11:25

Wara li għamel dawk l-istqarrijiet taʼ min jinnotahom dwar l-irxoxt, Ġesù staqsa lil Marta mistoqsija li ġġiegħlek taħseb: “‘Temmnu dan?’ Qaltlu: ‘Iva, Mulej; jien nemmen li int il-Kristu, l-Iben t’Alla.’” (Ġwanni 11:26, 27) Xi ngħidu għalik—tixtieq li jkollok fidi qawwija fit-tama tal-irxoxt bħalma kellha Marta? L-ewwel pass hu li tieħu għarfien dwar l-iskop t’Alla għall-bnedmin. (Ġwanni 17:3; 1 Timotju 2:4) Għarfien bħal dan jistaʼ jwassal għall-fidi. Għala ma tistaqsix lix-Xhieda taʼ Ġeħova juruk x’tgħallem il-Bibbja dwar dan is-suġġett? Huma jieħdu pjaċir jiddiskutu miegħek it-tama meraviljuża tal-irxoxt.

^ par. 2 Ara l-artiklu “Il-mewt mhix it-tmiem taʼ kollox!” f’paġna 6 taʼ din il-ħarġa.

^ par. 9 Għal iktar informazzjoni dwar il-wegħda tal-Bibbja għall-irxoxt fil-futur, ara kapitlu 7 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? ippubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.