Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Kont taf?

Kont taf?

Kif kienu jsiru l-kontribuzzjonijiet fit-tempju fi żmien Ġesù?

It-teżor tat-tempju kien qiegħed fil-Bitħa tan-Nisa. Il-ktieb The Temple—Its Ministry and Services jgħid: “Dawramejt kien hemm loġġa sempliċi, u taħtha, mal-ħajt kien hemm tlettax-il senduq, jew ‘trumbetta,’ [li fihom] kienu jitpoġġew il-kontribuzzjonijiet.”

Is-sniedaq kienu jissejħu trumbetti għax kienu dojoq fuq u wesgħin isfel. Kull senduq kellu tabella għal kull tip taʼ offerta, u l-fondi miġburin kienu jinżammu għal użu speċifiku. Ġesù kien qiegħed fil-Bitħa tan-Nisa meta osserva lil ħafna nies, inkluż armla fil-bżonn, joffru l-kontribuzzjonijiet.—Luqa 21:1, 2.

Żewġ sniedaq kienu riservati għat-taxxa tat-tempju—waħda għas-sena kurrenti u waħda għas-sena taʼ qabel. Mit-tielet sas-sebaʼ senduq kienu għal ġbir taʼ fondi tal-valur stipulat tal-gamiem, ħamiem, injam, inċens, u reċipjenti tad-deheb rispettivament. Jekk min joffri s-sagrifiċċju jkun warrab iktar mill-valur stipulat għal offerta, kien jiddepożita l-ammont li jkun fadal f’wieħed mis-sniedaq l-oħra. It-tmien senduq kien għall-flus li kien ikun għad fadal mill-offerti għad-dnub. Mid-disaʼ sat-12-il senduq kienu għall-fondi li kien jifdal minn offerti għall-ħtija, mis-sagrifiċċji tal-għasafar, minn offerti tan-Nazarin, u minn offerti tal-lebbrużi. It-13-il senduq kien għall-offerti volontarji.

Kien il-kittieb Bibliku Luqa storjografu metikuluż?

Luqa kiteb l-Evanġelju li jġib ismu kif ukoll l-Atti tal-Appostli. Luqa jgħid li ‘fittex kollox mill-bidu b’eżattezza,’ però xi studjużi ddubitaw ir-rakkonti tiegħu taʼ kif ġraw l-affarijiet. (Luqa 1:3) Mela kemm kien metikuluż?

Luqa jitkellem dwar fatti li jistgħu jiġu vverifikati. Pereżempju, juża ammont taʼ titli taʼ uffiċjali taċ-ċivil Rumani li mhumiex daqshekk magħrufin, bħal maġistrati ċivili fil-Filippi; mexxejja lokali fit-Tessalonika; u amministraturi f’Efesu. (Atti 16:20; 17:6; 19:31) Lil Erodi Antipa, Luqa jsejjaħlu tetrarka, jew ħakkiem taʼ distrett, u lil Serġju Pawlu jsejjaħlu prokonslu taʼ Ċipru.—Atti 13:1, 7.

Li Luqa juża dawn it-titli korrettament hu taʼ min jinnotah għax meta kien jinbidel l-istat taʼ territorju Ruman, kien jinbidel ukoll it-titlu tal-amministratur tiegħu. Però, “darba wara l-oħra referenzi bħal dawn fl-Atti juru li huma eżatti għall-post u ż-żmien partikulari,” jgħid l-istudjuż tal-Bibbja Bruce Metzger. L-istudjuż William Ramsay jsejjaħ lil Luqa “storjografu mill-aqwa.”