Il-mewt hi għadu tal-biżaʼ. Niġġildulha bis-saħħa kollha. Għandu mnejn li meta tolqot lil xi ħadd għażiż għalina nipprovaw niċħduha. Jew, fl-aqwa taż-żgħożija, nistgħu naħsbu li dan l-għadu ma jistax għalina—delużjoni li nżommu magħha għal kemm nistgħu.

Ftit kienu dawk li ħasbu dwar l-immortalità iktar mill-Fargħunijiet tal-Eġittu tal-qedem. Dawn kienu jqattgħu l-parti l-kbira taʼ ħajjithom—kif ukoll dik taʼ eluf taʼ ħaddiema—jipprovaw jegħlbu l-mewt. Il-piramidi li bnew jixhdu l-għan—u l-falliment—tagħhom.

L-imperaturi Ċiniżi segwew l-istess ħolma tal-immortalità, għalkemm qabdu rotta oħra—dik li jfittxu l-eliżir mitiku tal-ħajja. L-Imperatur Qin Shi Huang insista li l-alkemisti tiegħu jsibu duwa maġika li setgħet tiskansa l-mewt. Però, ħafna mit-taħlitiet tagħhom kien ikollhom il-merkurju, li hu velenuż, u aktarx waħda minn dawn ix-xarbiet qatlitu.

Fis-seklu 16 WK, l-esploratur Spanjol Juan Ponce de León baħħar lejn il-Karibew sabiex, skont ma jgħidu, isib il-funtana taż-żgħożija. Fil-proċess kien skopra Florida, fl-Istati Uniti, imma miet ftit snin wara fi ġlieda mal-Indjani Amerikani. U l-ebda funtana taż-żgħożija ma qatt instabet.

Il-Fargħunijiet, l-imperaturi, u l-esploraturi kollha pprovaw jegħlbu l-mewt. U min minna se jiħodha kontra l-ħsieb li kellhom? Fil-fond taʼ qalbna, prattikament kulħadd irid jibqaʼ jgħix.

IL-MEWT TISTAʼ TINGĦELEB?

Għala nirribellaw kontra l-mewt? Il-Bibbja tispjega għala. Dwar il-Ħallieq tagħna, Alla Ġeħova, * din tgħid: “Kulma għamel għamlu sabiħ u f’waqtu. Saħansitra [lill-bnedmin] poġġielhom f’qalbhom l-eternità.” (Ekkleżjasti 3:11) Aħna nixtiequ ngawdu s-sbuħija tal-art għal dejjem,  mhux għal xi 80 sena biss. (Salm 90:10) Din hi x-xewqa taʼ qalbna.

Alla għala poġġa “l-eternità” f’qalbna? Biex sempliċement inħossuna frustrati? Impossibbli. Għall-kuntrarju, Alla jwegħedna li se jkun hemm rebħa fuq il-mewt. Il-Bibbja kemm-il darba titkellem dwar kif se tiġi eliminata l-mewt u dwar il-wegħda t’Alla taʼ ħajja taʼ dejjem.—Ara l-kaxxa  “Rebħa fuq il-mewt.”

Ġesù Kristu nnifsu qal ċar: “Il-ħajja taʼ dejjem tfisser dan: li jieħdu għarfien dwarek, l-uniku Alla veru, u dwar Ġesù Kristu li int bgħatt.” (Ġwanni 17:3) Għalhekk, it-taqbida kontra l-mewt mhix waħda fil-vojt. Però, Ġesù jikkonferma li Alla biss jistaʼ jirbaħ dik it-taqbida għalina.

^ par. 9 Ġeħova hu l-isem t’Alla kif muri fil-Bibbja.