Il-mewt mhix suġġett li tieħu pjaċir titkellem dwaru. Ħafna nies jippreferu ma jsemmuhiex. Però, illum jew għada se nħabbtu wiċċna magħha. U n-niggieża tal-mewt tweġġaʼ.

Xejn ma jistaʼ jippreparana għalkollox għat-telfa taʼ ġenitur, sieħeb fiż-żwieġ, jew tarbija. Traġedja tistaʼ tiġri bla mistenni jew tiġi fuqek bil-mod il-mod. Hu x’inhu l-każ, l-uġigħ tal-mewt ma tistax taħarbu, u fl-aħħar mill-aħħar jistaʼ jkun devastanti.

Antonio, li tilef lil missieru f’inċident tat-traffiku, jispjega: “Hu bħallikieku xi ħadd jissiġillalek id-dar u jiħodlok iċ-ċwievet. Ma tistax terġaʼ lura d-dar, lanqas għal ftit. Jibqagħlek biss il-memorji. Issa din hi r-realtà. Għalkemm tipprova tiċħadha—minħabba li tidher hekk inġusta—m’hemm xejn li tistaʼ tagħmel.”

Meta esperjenzat telfa simili, Dorothy, li romlot meta kellha 47 sena, iddeċidiet li ssib xi tweġibiet. Għalkemm kienet tgħallem lit-tfal x’kien jiġri mal-mewt, hi ma kinitx taf x’jiġri verament wara l-mewt. Ma kellha l-ebda tweġiba ċara. “X’jiġri minna meta mmutu?” staqsiet lil qassis Anglikan. “Ħadd ma jaf verament,” wiġibha. “Irridu nistennew u naraw.”

Aħna kkundannati biex sempliċement “nistennew u naraw”? Hemm xi mezz kif nistgħu nsiru nafu fiċ-ċert x’jiġri verament wara l-mewt?