Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KONVERSAZZJONI MAʼ ĠARA

Alla għala jippermetti t-tbatija?

Alla għala jippermetti t-tbatija?

Dan li ġej hu konversazzjoni tipika li Xhud taʼ Ġeħova għandu mnejn ikollu maʼ ġar. Immaġina li Xhud jisimha Michelle marret id-dar taʼ mara jisimha Sonia.

ALLA KIF IĦOSSU DWAR IT-TBATIJA LI NGĦADDU MINNHA?

Michelle: Hello Sonia. Qed nieħu gost li sibtek id-dar.

Sonia: Anki jien.

Michelle: L-aħħar darba ddiskutejna kif iħossu Alla dwar it-tbatija li ngħaddu minnha. * Kont għedtli li din kienet xi ħaġa li ilek tberren fuqha, speċjalment wara li ommok kienet korriet f’inċident tat-traffiku. Eh bilħaqq, kif inhi ommok?

Sonia: Daqqa hekk u oħra hekk. Illum tħossha mhux ħażin.

Michelle: Qed nieħu gost. Naħseb li diffiċli tkun pożittiva f’sitwazzjoni bħal din.

Sonia: Veru diffiċli. Xi kultant noqgħod naħseb kemm se ddum issofri.

Michelle: Huwa naturali li taħseb hekk. Meta ġejt l-aħħar darba, ħallejtek b’mistoqsija dwar għala Alla ppermetta din it-tbatija kollha ladarba għandu l-qawwa li jwaqqafha.

Sonia: Iva, niftakar.

Michelle: Qabel ma naraw it-tweġiba mill-Bibbja, ejja nirrivedu xi punti li rajna d-darba l-oħra.

Sonia: Orrajt.

Michelle: Xi ħaġa li tgħallimna kienet li anki raġel leali fiż-żminijiet Bibliċi staqsa għala Alla ppermetta t-tbatija. Madankollu, Alla qatt ma ċanfru talli staqsa dwar dan, u lanqas ma qallu li sempliċement kellu bżonn iktar fidi.

Sonia: Qatt ma kont ħsibt hekk.

Michelle: Tgħallimna wkoll li Alla Ġeħova ma jiħux gost jarana nsofru. Pereżempju, il-Bibbja tgħid li meta l-poplu tiegħu kien għaddej minn żminijiet diffiċli, “hu kien imnikket.” * Mhuwiex taʼ faraġ li tkun taf li Alla jħoss għalina meta nkunu qed insofru?

Sonia: Dażgur.

Michelle: U fl-aħħar konna qbilna li meta tqis x’qawwa kbira għandu l-Ħallieq tagħna, żgur li kapaċi jintervieni u jtemm it-tbatija meta jrid hu.

Sonia: Dak li ma nistax nifhem. Alla għala jħalli dawn l-affarijiet ħżiena kollha jseħħu meta għandu l-qawwa li jwaqqafhom?

MIN KIEN QED JGĦID IL-VERITÀ?

Michelle: Nistgħu nibdew insibu t-tweġiba għall-mistoqsija tiegħek billi niftħu l-ewwel ktieb tal-Bibbja, il-Ġenesi. Tafu r-rakkont t’Adam u Eva u l-frotta pprojbita?

Sonia: Iva, tgħallimt din l-istorja d-duttrina. Alla qalilhom biex ma jiklux minn ċerta siġra, imma webbsu rashom u xorta kielu minnha.

 Michelle: Hekk hu. Issa, ejja niffokaw fuq il-ġrajjiet li wasslu lil Adam u lil Eva biex jidinbu. Dawk il-ġrajjiet għandhom x’jaqsmu direttament mar-raġuni għala nsofru. Jekk jogħġbok tistaʼ taqra Ġenesi kapitlu 3, minn vers 1 sa 5?

Sonia: Orrajt. “Issa s-serp kien l-iktar wieħed attent mill-bhejjem salvaġġi kollha tar-rabaʼ li kien għamel Alla Ġeħova. Għalhekk, qal lill-mara: ‘Veru li Alla qalilkom li ma tistgħux tieklu minn kull siġra tal-ġnien?’ U l-mara qalet lis-serp: ‘Mill-frott tas-siġar tal-ġnien nistgħu nieklu. Imma dwar il-frott tas-siġra li qiegħda f’nofs il-ġnien, Alla qalilna, “Ma tistgħux tieklu minnu, le, ma tistgħux tmissuh, inkella tmutu.”’ Għal dan, is-serp qal lill-mara: ‘Żgur li ma tmutux. Għax Alla jaf li fil-jum li tieklu minnu għajnejkom jinfetħu u tkunu bħal Alla, tagħrfu t-tajjeb u l-ħażin.’”

Michelle: Grazzi. Ejja niflu ftit dawn il-versi. L-ewwel, innota li s-serp kellem lill-mara, lil Eva. Xi mkien ieħor fil-Bibbja naraw li Satana x-Xitan kien attwalment qed ikellimha permezz tas-serp. * Satana staqsa lil Eva dwar il-kmand li taha Alla dwar ċerta siġra. Innotajt x’qal Alla li kellu jkun il-kastig jekk Adam u Eva jieklu minnha?

Sonia: Kienu se jmutu.

Michelle: Tajjeb. Imbagħad, bil-kliem li qalilhom wara, Satana għamel akkuża gravi kontra Alla. Innota x’qal: “Żgur li ma tmutux.” Satana kien qed jgħid li Alla hu giddieb!

Sonia: Din qatt ma smajtha.

Michelle: U meta Satana qal li Alla hu giddieb, hu qajjem kwistjoni li kien jeħtieġ iż-żmien biex tiġi setiljata. Qed tifhem għalfejn?

Sonia: Mmm. M’iniex ċerta.

Michelle: Mela forsi nistaʼ nagħtik eżempju. Nagħmlu mod li xi darba niġi fuqek u ngħidlek li jien iktar b’saħħti minnek. Int kif tistaʼ turi li dan mhuwiex minnu?

Sonia: Naħseb billi nagħtu prova taʼ dan.

Michelle: Iva, eżatt. Forzi nagħżlu xi oġġett tqil u mbagħad naraw min minna kapaċi jerfgħu. Fil-fatt, li turi min hu l-iktar b’saħħtu mhuwiex daqshekk diffiċli.

Sonia: Fhimtu l-punt.

Michelle: Imma xi ngħidu jekk minflok ma ngħidlek li jien iktar b’saħħti, ngħidlek li jien iktar onesta minnek? Din tkun kwistjoni differenti, mhux hekk?

Sonia: Hekk naħseb.

Michelle: Wara kollox, l-onestà mhijiex xi ħaġa bħas-saħħa li tistaʼ tiġi provata minn sempliċi prova.

Sonia: Veru.

Michelle: Mela, l-uniku mod biex tiġi setiljata l-isfida jkun li jitħalla biżżejjed żmien jgħaddi biex ħaddieħor josservana t-tnejn u jaraw min tassew hu l-iktar onest.

Sonia: Dan jagħmel sens.

Michelle: Issa, erġaʼ ħares lejn dan ir-rakkont fil-Ġenesi. Sostna Satana li hu iktar b’saħħtu minn Alla?

Sonia: Le.

Michelle: Alla setaʼ faċilment juri li din kienet gidba. Minflok, Satana sostna li hu iktar onest minn Alla. Kien bħallikieku qed jgħid lil Eva, ‘Alla qed jigdiblek, imma jien qed ngħidlek il-verità.’

Sonia: Interessanti.

Michelle: Mela Alla, fl-għerf kbir tiegħu, kien jaf li l-aħjar mod kif jissetilja din l-isfida kien billi jħalli ż-żmien jgħaddi. Eventwalment, kien se jidher iktar ċar min kien qed jgħid il-verità u min kien qed jigdeb.

KWISTJONI IMPORTANTI

Sonia: Imma l-mewt taʼ Eva ma tatx prova li Alla kien qed jgħid il-verità?

 Michelle: F’ċertu sens iva. Imma kien hemm iktar involut fl-isfida taʼ Satana. Erġaʼ ara vers 5. Qed tinnota Satana x’qalilha iktar lil Eva?

Sonia: Qalilha li jekk tiekol mill-frotta, għajnejha kienu se jinfetħu.

Michelle: Iva, u li kienet se ssir ‘bħal Alla, tagħraf it-tajjeb u l-ħażin.’ Għalhekk, Satana sostna li Alla kien qed iżomm lura xi ħaġa tajba mill-bnedmin.

Sonia: Qed nifhem.

Michelle: U din ukoll kienet sfida kbira.

Sonia: Xi trid tgħid biha?

Michelle: Bi kliemu, Satana ried jgħid li Eva—u b’hekk, il-bnedmin kollha—kienet se tkun aħjar mingħajr il-ħakma t’Alla. F’din il-ħaġa wkoll, Ġeħova kien jaf li l-aħjar mod kif titwieġeb l-isfida kien billi jagħti ċans lil Satana juri kellux raġun. Għalhekk, Alla ppermetta lil Satana jaħkem din id-dinja għal xi żmien. Dan jispjega għala naraw tant tbatija madwarna—għax Satana, u mhux Alla, hu tassew il-ħakkiem tad-dinja. * Imma hemm aħbar tajba.

Sonia: X’aħbar hi?

Michelle: Il-Bibbja tgħallem dawn iż-żewġ veritajiet mill-isbaħ dwar Alla. L-ewwel, Ġeħova jimpurtah minna meta jarana nsofru. Pereżempju, ikkunsidra l-kliem tas-Sultan David, kif insibuh f’Salm 31:7. David għadda minn ħafna tbatija matul ħajtu, imma nnota x’setaʼ jitlob lil Alla. Tistaʼ jekk jogħġbok taqra dan il-vers?

Sonia: Orrajt. Dan jgħid: “Se nifraħ u nithenna bil-qalb tajba bl-imħabba tiegħek, għax int rajt is-sofferenza tiegħi; kont taf bin-niket taʼ ruħi.”

Michelle: Mela, avolja David għadda minn tbatijiet, hu tfarraġ għax kien jaf li Ġeħova ra kulma kien ġralu. Issibu taʼ faraġ il-ħsieb li Ġeħova hu konxju taʼ kulma jiġri, anki tal-emozzjonijiet taʼ wġigħ tagħna li ħaddieħor ma jistax jifhimhom għalkollox?

Sonia: Iva.

Michelle: It-tieni verità mill-isbaħ hi li Alla mhux se jħalli t-tbatijiet tagħna jibqgħu sejrin għal dejjem. Il-Bibbja tgħallem li hu dalwaqt se jtemm il-ħakma mill-agħar taʼ Satana. U se jneħħi kompletament l-affarijiet ħżiena kollha li ġraw, inkluż l-affarijiet li ġarrabtu int u ommok. Nistaʼ niġi l-ġimgħa d-dieħla u nurik għala nistgħu nkunu ċerti li dalwaqt Alla se jtemm it-tbatija kollha? *

Sonia: Mela le.

Hemm xi suġġett Skritturali partikulari li ħsibt dwaru? Tiġik kurżità dwar xi twemmin jew prattiki reliġjużi tax-Xhieda taʼ Ġeħova? Jekk inhu hekk, iżżommx lura milli tistaqsi lil xi wieħed jew waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Huma jieħdu gost jiddiskutu miegħek dawn l-affarijiet.

^ par. 7 Ara “A Conversation With a Neighbor—Does God Care About Our Suffering?” fil-ħarġa bl-Ingliż tal-1 taʼ Lulju, 2013, taʼ din ir-rivista.

^ par. 61 Għal iktar informazzjoni ara kapitlu 9 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? ippubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Disponibbli wkoll f’www.jw.org/mt.