• SENA TAT-TWELID: 1922

  • POST TAT-TWELID: SPANJA

  • STORJA: KATEKISTA

IL-PASSAT TIEGĦI:

Twelidt f’Bilbao, inħawi fejn jgħixu nies tal-klassi tan-nofs, fi Spanja tat-Tramuntana. Kont it-tieni minn erbat itfal. Il-familja tagħna kienet Kattolika devota, u jien kont immur il-quddies kuljum. Taʼ 23 sena sirt għalliema. Domt 40 sena f’din il-vokazzjoni li tant kienet għal qalbi. Fost suġġetti oħra, ħassejtni kburija li kont ngħallem ir-reliġjon Kattolika, u filgħaxijiet kont katekista, ngħallem lill-bniet għall-preċett.

Wara 12-il sena taʼ żwieġ hieni, mietli r-raġel u ħallieni b’erbat ibniet x’nieħu ħsieb. Kien għad għandi 33 sena! Ipprovajt insib konsolazzjoni fil-fidi Kattolika tiegħi, imma kelli xi mistoqsijiet li bqajt inberren fuqhom. Kont ngħid bejni u bejn ruħi: ‘Ladarba Kristu fdiena, il-bnedmin għala jibqgħu jmutu? Għala nitolbu biex tiġi s-Saltna t’Alla jekk in-nies tajbin imorru l-ġenna?ʼ U fuq kollox, kont naħseb: ‘Jekk Alla jiġġudikana meta mmutu, għala iktar tard ikollna nitilqu mill-ġenna, il-purgatorju, jew l-infern għall-ġudizzju universali?’

Staqsejt dawn il-mistoqsijiet lil xi qassisin li ltqajt magħhom. Wieħed minnhom wiġibni: “Ma nafx. Staqsi lill-isqof. X’differenza tagħmel? Int temmen b’Alla, mhux hekk? Mela tħabbel rasek xejn!” Imma jien bqajt infittex it-tweġibiet. Xi żmien wara, attendejt xi lekċers tal-Ġiżwiti, tal-Pentekostali, u tal-Injostiċi. Iżda ħadd ma kellu tweġibiet sodisfaċenti għall-mistoqsijiet tiegħi.

KIF IL-BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI:

Meta kelli fuq is-60, tifla fil-klassi li kellha 7 snin stidnitni għal laqgħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Dak li rajt u smajt għoġobni, imma peress li ħajti kienet mimlija daqs bajda, ma bqajtx f’kuntatt max-Xhieda f’dak iż-żmien. Sentejn wara, ħabbtuli l-bieb koppja li kienu Xhieda, jisimhom Juan u Maite. Domna tliet xhur nagħmlu sessjonijiet intensivi taʼ mistoqsijiet u tweġibiet li fl-aħħar wasslu għal studju tal-Bibbja.

Kemm kont nistenna bil-ħerqa kull studju! Stħarriġt kollox bir-reqqa billi użajt tliet traduzzjonijiet differenti  tal-Bibbja biex inkun ċerta li x-Xhieda taʼ Ġeħova kienu qed jgħallmu l-verità. Malajr irrealizzajt li kont ili s-snin f’konfużjoni sħiħa reliġjożament. Ħassejtni mħawda minħabba d-differenzi kbar bejn dak li kont nemmen qabel u dak li kont qed nitgħallem mill-Bibbja. Ma kontx naf x’se naqbad nagħmel, kien bħallikieku t-twemmin li kien rabba l-għeruq ġo fija kien tqaċċat.

Naf li kont sibt teżor

Imbagħad, it-tieni raġel tiegħi marad serjament u miet. Għal dik il-ħabta rtirajt mix-xogħol u tlaqt minn Bilbao għal xi żmien. Juan u Maite wkoll telqu minn hemm. Jiddispjaċini ngħid li waqaft nistudja l-Bibbja. Iżda, fil-fond taʼ qalbi kont naf li kont sibt teżor. Dan qatt ma nsejtu.

Madwar 20 sena wara, meta kelli 82, Juan u Maite rritornaw Bilbao u ġew iżuruni. Kemm fraħt li rġajt rajthom! Irrealizzajt li Ġeħova ma kienx insieni, u rġajt bdejt nistudja. Juan u Maite ħadu ħafna paċenzja bija, għax spiss kont nerġaʼ nistaqsihom l-istess mistoqsijiet. Kont inħoss il-bżonn li nismaʼ diskussjonijiet mill-Bibbja iktar minn darba biex ma nibqax marbuta emozzjonalment mat-twemmin li kelli qabel. Ridt ukoll inkun armata tajjeb biex nispjega l-verità tal-Bibbja lil ħbiebi u lil tal-familja.

Dakinhar li tgħammidt—fl-età taʼ 87 sena—kienet l-iktar ġurnata taʼ ferħ f’ħajti. Il-magħmudija saret fl-assemblea tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Anzjan Kristjan ta taħdita bbażata fuq il-Bibbja li kienet immirata speċjalment għal dawk minna li kienu se jitgħammdu. Meta smajtha qabiżli d-dmugħ. Ħassejtni bħallikieku Ġeħova kien qed ikellimni direttament. Wara li tgħammidt, ġew ħafna Xhieda jifirħuli—avolja ħafna minnhom qatt ma kont iltqajt magħhom qabel!

KIF IBBENEFIKAJT:

Minn dejjem kont naf li Ġesù Kristu hu “t-triq.” (Ġwanni 14:6) Imma l-istudju tal-Bibbja għenni nsir naf lil Ġeħova, il-wieħed li Ġesù jwassalna għandu. Issa nistaʼ nitlob lil Alla bħala Missier u Ħabib għażiż tiegħi. Meta qrajt il-ktieb Ersaq Qrib Lejn Jehovah * ħajti nbidlet mil-lejl għan-nhar. L-ewwel darba li qrajtu, spiċċajtu f’lejl wieħed biss! Messli qalbi meta sirt naf kemm hu verament ħanin Ġeħova.

Meta nħares lura u nara kemm domt infittex il-verità reliġjuża, naħseb fi kliem Ġesù: “Ibqgħu itolbu, u jingħatalkom; ibqgħu fittxu, u ssibu; ibqgħu ħabbtu, u jinfetħilkom.” (Mattew 7:7) Issa li sibt it-tweġibiet li tant kont nixxennaq għalihom, inħossni ferħana li nistaʼ ngħidhom lil oħrajn.

Taʼ 90 sena, inħossni għadni żgħira spiritwalment. Kull laqgħa li nattendi fis-Sala tas-Saltna hija okkażjoni speċjali—kemm minħabba l-għarfien prezzjuż li nirċievi u kemm minħabba l-kumpanija tal-għeżież ħuti. Nixxennaq li nerġaʼ nkun għalliema fil-Ġenna tal-Art imwiegħda. (Rivelazzjoni 21:3, 4) Inħares ’il quddiem speċjalment li nara l-maħbubin mejtin tiegħi jirxoxtaw għall-ħajja u wkoll għall-opportunità li ngħallimhom il-verità tal-Bibbja. (Atti 24:15) Kemm nixxennaq li nispjegalhom x’rigal prezzjuż tani Ġeħova fi xjuħiti!

^ par. 15 Ippubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.