Tixtieq li int u l-familja tiegħek tkunu f’saħħitkom u tgħixu ħajja twila? Tixxennaq biex tgħix f’dinja fejn l-uġigħ, it-tbatija, u l-mewt ikunu affarijiet tal-passat? Dinja bħal din mhijiex xi fantasija tal-moħħ. Għall-kuntrarju, dinja ġdida ġusta dalwaqt se ssir realtà, għaliex hekk ried Alla Ġeħova. Ara kif it-twettiq tal-iskop tiegħu hu deskritt f’Rivelazzjoni 21:3-5.—Aqra.

“[Alla] jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom.” (Rivelazzjoni 21:4) X’tip taʼ dmugħ se jixxotta? La d-dmugħ taʼ ferħ u lanqas id-dmugħ li jipproteġilna għajnejna. Il-wegħda t’Alla tirreferi għad-dmugħ li jkollna minħabba t-tbatija u n-niket. Alla mhux sempliċement se jixxotta dmugħ bħal dan; hu se jixxottah kompletament billi jneħħi l-kaġun taʼ dmugħ li ma rridux—it-tbatija u n-niket.

“Ma jkunx hemm iżjed mewt.” (Rivelazzjoni 21:4) X’jikkaġuna dmugħ taʼ niket iktar mill-għadu l-mewt? Ġeħova se jeħles lill-bnedmin ubbidjenti mill-ħakma tal-mewt. Kif? Billi jneħħi darba għal dejjem il-kaġun veru tal-mewt: id-dnub li ntiret mingħand Adam. (Rumani 5:12) Ġeħova se jagħti l-perfezzjoni lill-bnedmin ubbidjenti fuq il-bażi tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa. * Imbagħad, il-mewt, l-aħħar għadu, “se tinġieb fix-xejn.” (1 Korintin 15:26) Il-bnedmin leali se jkunu jistgħu jgħixu bħalma Alla riedhom jgħixu—għal dejjem f’saħħa perfetta.

“Ma jkunx hemm iżjed . . . uġigħ.” (Rivelazzjoni 21:4) X’tip taʼ wġigħ ma jkunx iżjed? L-uġigħ mentali, emozzjonali, u fiżiku kollu li ġie minħabba d-dnub u l-imperfezzjoni u li għamel il-ħajja miżerabbli għal miljuni bla għadd taʼ nies mhux se jkun iżjed.

Ħajja mingħajr dmugħ, mewt, u wġigħ dalwaqt se ssir realtà. ‘Imma fejn?’ għandek mnejn tistaqsi. ‘Hija l-wegħda t’Alla forsi dwar ħajja fis-sema?’ Le. Ikkunsidra għala le. L-ewwel, il-wegħda tibda bil-kliem “it-tinda t’Alla hi mal-bnedmin,” u l-bnedmin fuq l-art jgħixu. (Rivelazzjoni 21:3) It-tieni, il-wegħda tiddeskrivi dinja fejn “ma jkunx hemm iżjed mewt”—dinja fejn darba eżistiet il-mewt iżda mhix se teżisti iktar. Il-mewt qatt m’eżistiet fis-sema, iżda ilha teżisti ħafna hawn fuq l-art. Biċ-ċar, mela, il-wegħda t’Alla għal ħajja aħjar se titwettaq hawn fuq l-art.

Alla se jixxotta d-dmugħ kollu li xxerred minħabba t-tbatija u n-niket

Ġeħova jridna nemmnu fil-wegħda tiegħu taʼ dinja ġdida ġusta. Eżatt wara li jiddeskrivi l-barkiet li ġejjin, hu jiggarantixxi l-wegħda tiegħu u jgħid: “Ara! Qed nagħmel kollox ġdid.” Imbagħad iżid: “Dan il-kliem hu żgur u veru.” (Rivelazzjoni 21:5) Għala ma titgħallimx iktar dwar kif int u dawk li tħobb tistgħu tkunu fost l-aduraturi ferħanin li se jaraw il-wegħda t’Alla ssir realtà glorjuża?

^ Par. 5 Biex titgħallem iktar dwar is-sagrifiċċju taʼ Kristu bħala fidwa, ara kapitlu 5 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? ippubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.