Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

‘Mill-Muntanji Taqta’ r-Ram Aħmar’

‘Mill-Muntanji Taqta’ r-Ram Aħmar’

Tim arkeoloġiku kien qed ifittex bir-reqqa fil-widien dojoq u l-għerien fix-xagħri taʼ Ġuda meta xi membri tat-tim inzertaw għar fl-għoli fuq preċipizju. Kienu se jsibu xi ħaġa taʼ valur fih? Forsi xi artefatti jew xi manuskritti antiki bħar-Rombli tal-Baħar il-Mejjet? Baqgħu mistagħġbin meta skoprew teżor taʼ veru li iktar tard ġie msejjaħ it-teżor taʼ Nahal Mishmar.

MOĦBIJA f’xaqq fil-blat u mgeżwra f’tapit tat-tiben, dik il-kollezzjoni, li nstabet f’Marzu tal-1961, kien fiha mal-400 oġġett, il-maġġoranza minnhom magħmulin mir-ram aħmar. Fosthom kien hemm diversi kuruni, xettri, għodda, mazez, u armi oħrajn. Is-sejba hi taʼ interess għall-qarrejja tal-Bibbja minħabba li Ġenesi 4:22 jirreferi għal Tubal-kajjin bħala “ħaddied [li] jaħdem kull xorta taʼ għodda tar-ram aħmar u tal-ħadid.”

Għad hemm ħafna mistoqsijiet dwar l-oriġini u l-isfond taʼ dan it-teżor. Però, l-iskoperta tiegħu tindika li t-tħaffir fil-minjieri, it-tidwib, u l-fonditura tar-ram kienu ilhom magħrufin f’artijiet Bibliċi minn żmien żemżem.

SITI TAR-RAM AĦMAR FL-ART IMWIEGĦDA

Meta l-Iżraelin kienu fuq l-għatba tal-Art Imwiegħda, Mosè qalilhom: “Mill-muntanji taqtaʼ r-ram aħmar.” (Dewteronomju 8:7-9) F’Iżrael u l-Ġordan, l-arkeoloġi skoprew numru taʼ siti taʼ minjieri u funderiji, bħal pereżempju Feinan, Timna, u Khirbat en-Nahas. X’jirrivelaw dawn is-siti?

Il-pajsaġġ f’Feinan u f’Timna hu miżgħud b’ħofor baxxi, li minnhom ħaddiema tal-minjieri ħadu r-ram fuq medda taʼ mill-inqas 2,000 sena. Sal-lum, viżitatur jistaʼ jsib biċċiet tal-ġebel imxerrdin ’l hawn u ’l hemm ittikkjati bl-aħdar tar-ram. Il-ħaddiema tal-minjieri kienu jqattgħu wiċċ il-blat bi skriepel u għodda oħra magħmulin mill-ħaġar biex joħorġu r-ram minn vini viżibbli. Meta dawn is-sorsi kienu jispiċċaw, kienu jħaffru iktar fil-fond bl-użu taʼ għodda tal-ħadid, ikabbru l-għerien u jħaffru xaftijiet fondi u mini. Fil-ktieb Bibliku taʼ Ġob insibu deskrizzjoni tax-xogħol f’minjieri bħal dawn. (Ġob 28:2-11) Dan kien xogħol fiżiku iebes; fil-fatt, mit-tielet sal-ħames seklu W.K., l-awtoritajiet Rumani kienu jibagħtu lill-agħar kriminali u priġunieri oħrajn jaħdmu fil-minjieri tar-ram aħmar f’Feinan.

F’Khirbat en-Nahas (li jfisser “Fdalijiet tar-Ram”) hemm munzelli daqsiex taʼ materjal skart li jiġi mit-tidwib tal-metall. Dan jagħti x’jifhem li hemmhekk kien isir tidwib tar-ram aħmar fuq skala industrijali. Studjużi jaħsbu li l-minerali kienu jinġiebu hemmhekk minn minjieri fil-qrib,  bħalma huma dawk taʼ Feinan u Timna. Biex jinfired ir-ram aħmar mill-minerali, pajpijiet tal-arja u mniefaħ li jitħaddmu bis-saqajn kienu jintużaw biex it-temperatura tan-nirien tal-faħam togħla għal madwar 1,200 grad Celsius għal bejn tmien u għaxar sigħat. Ġeneralment kien ikun hemm bżonn taʼ 5 kilogrammi minerali biex jiġi prodott kilo taʼ ingotti tar-ram aħmar, li bihom imbagħad setgħu jsiru diversi affarijiet.

L-UŻU TAR-RAM AĦMAR F’IŻRAEL TAL-QEDEM

Fuq il-Muntanja Sinaj, Alla Ġeħova speċifikament ta istruzzjonijiet li dan il-metall ileqq li nkiseb mill-minjieri tal-lokal jintuża fil-bini tat-tabernaklu, u iktar tard it-tempju f’Ġerusalemm inbena fuq l-istess mudell. (Eżodu, kapitlu 27) L-Iżraelin għandhom mnejn kienu jafu jaħdmu l-metall qabel ma marru l-Eġittu jew forsi tgħallmu meta kienu hemm. Sa żmien l-Eżodu, kienu kapaċi jagħmlu għoġol minn metall imdewweb. Kienu wkoll kapaċi jagħmlu l-ħafna oġġetti tar-ram aħmar li kien hemm bżonn għas-servizz tat-tabernaklu—bħal pereżempju, il-vaska l-kbira, borom, kzazel, pali, u frieket.—Eżodu 32:4.

Iktar tard fil-vjaġġ li kellhom fix-xagħri, forsi qrib Punon (aktarx Feinan tal-lum), inħawi fejn jinstab ħafna ram aħmar, in-nies gergru dwar il-manna u n-nuqqas taʼ ilma. Bħala kastig, Ġeħova bagħat sriep velenużi u mietu ħafna nies. Wara li l-Iżraelin nidmu, Mosè qabeż għalihom, u Ġeħova qallu biex jagħmel xbieha taʼ serp tar-ram aħmar u jgħolliha maʼ arblu. L-istorja tgħid: “Ġara li meta serp kien jigdem lil xi ħadd u dan iħares lejn is-serp tar-ram aħmar, imbagħad kien jibqaʼ ħaj.”—Numri 21:4-10; 33:43.

IR-RAM AĦMAR TAS-SULTAN SALAMUN

Ħafna partijiet mit-tempju taʼ Ġerusalemm kienu magħmulin mir-ram aħmar

Is-Sultan Salamun uża ammont kbir taʼ ram aħmar biex iforni t-tempju f’Ġerusalemm. Ħafna minnu kien akkwistah missieru, David, mill-konkwisti tiegħu fuq is-Sirja. (1 Kronaki 18:6-8) Il-“baħar mill-metall imdewweb” magħmul mir-ram aħmar, vaska daqsiex użata mill-qassisin għall-ħasil, kien jesaʼ 66,000 litru u setaʼ kien jiżen mat-30 tunnellata. (1 Slaten 7:23-26, 44-46) Imbagħad kien hemm iż-żewġ pilastri ġganteski li kienu weqfin fid-daħla għat-tempju. Kienu għoljin 8 metri, u fuqhom kellhom kaptelli li kienu għoljin xi 2.2 metri. Il-pilastri kienu vojta minn ġewwa, bi ħxuna taʼ 7.5 ċentimetri, u kellhom dijametru taʼ 1.7 metru. (1 Slaten 7:15, 16; 2 Kronaki 4:17) Tibqaʼ mistagħġeb meta taħseb dwar l-ammont taʼ ram aħmar użat f’dawn l-oġġetti biss.

Ir-ram aħmar kien jintuża spiss ukoll fil-ħajja taʼ kuljum min-nies fi żminijiet Bibliċi. Pereżempju, naqraw dwar armi, ktajjen, strumenti mużikali, u bibien magħmulin mir-ram aħmar. (1 Samwel 17:5, 6; 2 Slaten 25:7; 1 Kronaki 15:19; Salm 107:16) Ġesù tkellem dwar flus “tar-ram aħmar” fil-but tal-ħżiem, u l-appostlu Pawlu semma lil “Alessandru li jaħdem ir-ram aħmar.”—Mattew 10:9; 2 Timotju 4:14.

Baqaʼ ħafna mistoqsijiet dwar xiex iħabblu moħħhom l-arkeoloġi u l-istorjografi rigward is-sorsi kbar tar-ram aħmar fi żminijiet Bibliċi, kif ukoll il-misteru tat-teżor taʼ Nahal Mishmar. Madankollu, jibqaʼ l-fatt, kif ikkonfermat mir-rekord Bibliku, li l-art li wirtu l-Iżraelin kienet verament ‘art tajba, . . . u [li] mill-muntanji tagħha kellhom jaqtgħu r-ram aħmar.’—Dewteronomju 8:7-9.