“Għaddej tajjeb mingħajr Alla? Miljuni huma.” Hekk qal messaġġ li dan l-aħħar deher fuq kartelluni u li tħallas minn grupp taʼ atei. Biċ-ċar, dawn iħossu li m’għandhomx bżonnu lil Alla.

Mill-banda l-oħra, ħafna li jsostnu li jemmnu f’Alla jieħdu deċiżjonijiet bħallikieku ma jeżistix. Dwar il-membri tal-knisja tiegħu stess, Salvatore Fisichella, arċisqof Kattoliku, qal: “Meta n-nies iħarsu lejna, x’aktarx li ħadd ma jagħraf li aħna Kristjani llum għax l-istil taʼ ħajja tagħna hu l-istess bħal taʼ dawk li ma jemmnux.”

Xi wħud għandhom wisq x’jagħmlu biex joqogħdu jħabblu rashom dwar Alla. Huma jqisuh inaċċessibbli jew ’il bogħod wisq biex jagħmel differenza f’ħajjithom. L-iktar l-iktar, individwi bħal dawn iduru lejn Alla meta jinqalgħalhom l-inkwiet jew meta jkollhom bżonn xi ħaġa—kważi kważi bħallikieku hu xi seftur dejjem lest biex jaqdihom.

Oħrajn jaraw ftit valur f’tagħlim reliġjuż, jew inkella ma jagħmlux dak li r-reliġjon tagħhom tgħallem. Biex insemmu eżempju wieħed, 76 fil-mija tal-Kattoliċi fil-Ġermanja jemmnu li hu aċċettabbli għal raġel u mara li jgħixu flimkien qabel iż-żwieġ—ħarsa kuntrarja kemm għat-tagħlim tal-knisja tagħhom kif ukoll għal dak tal-Bibbja. (1 Korintin 6:18; Ebrej 13:4) M’għandniex xi ngħidu, il-Kattoliċi mhumiex waħedhom f’li jagħrfu li hemm differenza bejn l-istil taʼ ħajja tagħhom u dak li tgħallem il-knisja tagħhom. Il-kleru taʼ ħafna reliġjonijiet jgħidu li l-membri tagħhom jaġixxu “prattikament taʼ atei.”

Dawn l-eżempji loġikament iwassluna għall-mistoqsija: Għandna verament bżonnu lil Alla? Din il-kwistjoni bla dubju mhix waħda ġdida. Tqajmet għall-ewwel darba fl-ewwel ftit paġni tal-Bibbja. Sabiex insibu t-tweġiba għal din il-mistoqsija, ejja niffokaw fuq xi kwistjonijiet li tqajmu fil-ktieb Bibliku tal-Ġenesi.