F’Diċembru ħafna nies madwar id-dinja jaraw stampi u statwi taʼ Ġesù tarbija. Hu jkun f’maxtura, kaxxa kbira li fiha jinżamm it-tiben li jieklu l-annimali. Imma għandna niftakru lil Ġesù biss bħala tarbija? * Ejja nitkellmu dwar mod iktar importanti kif għandna niftakru fih. Nistgħu nitgħallmu dwaru minn dak li ġara lejl wieħed lil grupp taʼ ragħajja fl-għelieqi qrib Betlehem.

F’daqqa waħda jidher anġlu lir-ragħajja. Hu jgħidilhom: “Illum, . . . twildilkom Salvatur li hu Kristu l-Mulej.” L-anġlu jgħidilhom ukoll li kienu se jsibu lil Ġesù ‘mfisqi u mimdud f’maxtura.’ Dak il-ħin, jidhru ħafna anġli oħrajn u jibdew “ifaħħru lil Alla.”

Kif kont tħossok kieku smajt lill-anġli jfaħħru lil Alla?— Ir-ragħajja huma ferħanin! Huma jgħidu: “Ejja mmorru dritt Betlehem u naraw dak li ġara.” Hemmhekk isibu “lil Marija kif ukoll lil Ġużeppi, u t-tarbija mimduda fil-maxtura.”

Ftit wara, oħrajn jiġu Betlehem fejn hemm Marija u Ġużeppi. Meta r-ragħajja jgħidulhom x’kien ġara, ilkoll jistagħġbu. Tieħu gost tkun taf dawn l-affarijiet tant sbieħ?— Dawk kollha li jħobbu lil Alla jieħdu gost. Issa ejja naraw għala t-twelid taʼ Ġesù jġib tant ferħ. Biex nagħmlu dan, irridu mmorru lura lejn iż-żmien meta Marija kienet għadha ma żżewġitx.

Ġurnata waħda, anġlu jismu Gabrijel imur għand Marija. Hu jwegħedha li se jkollha tarbija tifel li se “jkun kbir u jissejjaħ Bin l-Iktar Għoli.” Gabrijel jgħidilha li dan il-wieħed se “jsaltan . . . u ma jkunx hemm tmiem għal saltnatu.”

Marija trid tkun taf kif jistaʼ jkun dan, għax hi qatt ma kellha x’taqsam maʼ raġel. Għalhekk, Gabrijel jispjegalha: “Il-qawwa mingħand l-Iktar Għoli tgħattik bid-dell tagħha,” u “dak li jitwieled  jissejjaħ qaddis, Bin Alla.” Alla jieħu lil Ibnu mis-sema u jpoġġi ħajtu fil-ġuf taʼ Marija biex hemm jikber u jsir tarbija—x’miraklu kbir huwa dan!

Ġieli rajt xi stampi jew xeni li juru tlett “irġiel għorrief” qed iżuru lit-tarbija Ġesù flimkien mar-ragħajja?— Fi żmien il-Milied tara ħafna minn dawn ix-xeni. Imma dawn mhumiex eżatti. Dawk l-“irġiel għorrief” kienu fil-fatt astrologi, li jipprattikaw dak li jikkundanna Alla. Ejja naraw x’ġara meta waslu huma. Il-Bibbja tgħid: “X’ħin daħlu fid-dar raw lit-tifel m’ommu Marija.” Għalhekk, sa dak iż-żmien Ġesù ma kienx għadu tarbija f’maxtura; hu kien tifel żgħir li jgħix maʼ Ġużeppi u Marija f’dar.

L-astrologi kif sabuh lil Ġesù?— Kienu mmexxijin minn “kewkba,” mhux lejn Betlehem, imma din l-ewwel ħadithom għand is-Sultan Erodi f’Ġerusalemm. Il-Bibbja tgħid li Erodi ried isib lil Ġesù sabiex joqtlu. Issa aħseb ftit dwar dan. Min taħseb li ġiegħel dik li dehret li hi kewkba tiggwida lill-astrologi għal għand Erodi?— Ma kienx l-Alla l-veru, Ġeħova, imma l-avversarju, jew l-għadu, tiegħu, Satana x-Xitan!

Illum, Satana jipprova jġiegħel lin-nies jaħsbu f’Ġesù biss bħala tarbija li ma tistaʼ tagħmel xejn. Imma l-anġlu Gabrijel qal lil Marija: “[Hu] jsaltan . . . , u ma jkunx hemm tmiem għal saltnatu.” Issa Ġesù qed jaħkem bħala Sultan fis-sema, u dalwaqt se jeqred l-għedewwa kollha t’Alla. Dan għandna niftakru dwar Ġesù, u hemm bżonn li ngħiduh lil oħrajn.

^ Par. 3 Jekk qed taqra mat-tfal, is-sing twil qiegħed hemm biex ifakkrek li għandek tieqaf u tinkuraġġixxi lit-tfal jesprimu ruħhom.