Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 SUĠĠETT PRINĊIPALI | GĦANDNA BŻONNU LIL ALLA?

Għala Għandna Bżonn lil Alla

Għala Għandna Bżonn lil Alla

Esperti tas-saħħa mentali jgħidulna li n-nies għandhom bżonn valuri spiritwali biex ikunu verament ferħanin. Dan narawh mill-fatt li n-nies iridu jagħmlu affarijiet li fihom skop, biex jilħqu mira, jew biex jaqdu lil xi ħadd jew xi ideal ogħla minnhom. Biex jissodisfaw dan il-bżonn, xi wħud jiddedikaw il-ħin liberu tagħhom għan-natura, għall-arti, għall-mużika, u nibqgħu sejrin. Però, il-maġġoranza ma jsibu ebda sodisfazzjon profond jew dejjiemi f’dawn.

Alla jrid lill-bnedmin ikunu ferħanin issa u għal dejjem

Il-fatt li n-nies twieldu b’xenqa spiritwali mhix xi ħaġa taʼ barra minn hawn għall-qarrejja tal-Bibbja. L-ewwel kapitli tal-ktieb tal-Ġenesi jindikaw li wara li Alla ħalaq l-ewwel koppja umana, hu tkellem magħhom regolarment, u dan ippermettielhom li jistabbilixxu relazzjoni spiritwali miegħu. (Ġenesi 3:8-10) Alla ma ħalaqx lin-nies biex jgħixu indipendentement minnu; għandhom bżonn jikkomunikaw mal-Ħallieq tagħhom. Il-Bibbja spiss tirreferi għal dan il-bżonn.

Pereżempju, Ġesù qal: “Henjin dawk li huma konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom.” (Mattew 5:3) Minn dan il-kliem, nistgħu nikkonkludu li ingredjent essenzjali għal ħajja ferħana u kuntenta hu li nissodisfaw ix-xenqa ġewwinija tagħna li nsiru nafu lil Alla. Kif nistgħu nagħmluh dan? Ġesù wera t-tweġiba meta qal: “Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, imma wkoll b’kull kelma li toħroġ minn fomm Ġeħova.” (Mattew 4:4) Il-kliem t’Alla, jiġifieri l-ħsibijiet u l-istruzzjonijiet tiegħu kif misjubin fil-Bibbja, b’liema modi jagħmilha possibbli għalina li ngħixu ħajja ferħana u sodisfaċenti? Ejja nikkunsidraw tliet modi fundamentali.

Għandna Bżonn Direzzjoni Tajba

Illum hemm numru bla għadd taʼ esperti u speċjalisti lesti li joffru pariri dwar ir-relazzjonijiet, l-imħabba, il-ħajja tal-familja, il-ferħ, dwar kif issolvi l-problemi, u saħansitra dwar l-iskop tal-ħajja. Madankollu, min hu l-iktar ikkwalifikat biex jagħti pariri tajbin u bbilanċjati fl-oqsma kollha jekk mhux il-Ħallieq tal-bniedem, Alla Ġeħova?

Bħal manwal, il-Bibbja hija gwida għall-ħajja

 Biex nagħtu eżempju: Meta tixtri xi apparat ġdid, bħal pereżempju xi kamera tar-ritratti jew kompjuter, tippretendi li miegħu jagħtuk manwal, jew ktieb tal-istruzzjonijiet, li jispjega kif l-aħjar tużah u jkollok sodisfazzjon mill-oġġett. Il-Bibbja tistaʼ titqabbel maʼ ktieb bħal dan. Hija manwal għall-ħajja umana li Alla, il-manifattur, għamel disponibbli għalina, dawk li jużaw l-oġġett. Dan il-“manwal” jispjega kif inhu ddisinjat il-prodott u kif għandu jintuża għall-aħjar riżultati.

Bħal kwalunkwe manwal miktub tajjeb, il-Bibbja twissi lill-qarrejja dwar prattiki li jistgħu jirrovinaw il-ħajja tagħna. Pariri jew soluzzjonijiet taʼ malajr li jistaʼ joffri ħaddieħor għandhom mnejn jinstemgħu sbieħ, anke eħfef li nsegwuhom. Imma ma jkunx loġiku li naħsbu li se jkollna l-aħjar riżultati u li se nevitaw il-problemi jekk insegwu d-direzzjonijiet tal-Ħallieq?

“Jien, Ġeħova, jien Alla tiegħek, li ngħallmek għall-ġid tiegħek, li mmexxik fit-triq li għandek timxi. O li kieku fil-fatt tagħti kas il-kmandamenti tiegħi! Imbagħad il-paċi tiegħek tkun bħal xmara, u s-sewwa tiegħek bħall-mewġ tal-baħar.”—Isaija 48:17, 18.

Fil-Bibbja nistgħu nsibu d-direzzjoni u l-għajnuna li għandna bżonn

Għalkemm Alla Ġeħova jagħti d-direzzjonijiet u l-istruzzjonijiet, hu ma jisforzaniex biex naċċettawhom. Minflok, bħala Benefattur taʼ mħabba, hu b’qalb tajba jgħidilna: “Jien, Ġeħova, jien Alla tiegħek, li ngħallmek għall-ġid tiegħek, li mmexxik fit-triq li għandek timxi. O li kieku fil-fatt tagħti kas il-kmandamenti tiegħi! Imbagħad il-paċi tiegħek tkun bħal xmara, u s-sewwa tiegħek bħall-mewġ tal-baħar.” (Isaija 48:17, 18) Fi ftit kliem, jekk nobdu d-direzzjoni t’Alla se ngħixu tajjeb. Fi kliem ieħor, biex ngħixu tajjeb u nkunu ferħanin, għandna bżonn lil Alla.

Għandna Bżonn Soluzzjonijiet għall-Problemi fil-Ħajja

Xi wħud jaħsbu li m’għandhomx bżonn lil Alla minħabba li jsibu li ħafna kwistjonijiet taʼ taħbil il-moħħ huma f’konflitt maʼ twemmin f’Alla taʼ mħabba. Pereżempju għandhom mnejn jaħsbu: ‘Nies tajbin għala għandhom isofru?’ ‘Għala xi trabi innoċenti jitwieldu mmankati?’ ‘Għala hi tant inġusta l-ħajja?’ Dawn huma mistoqsijiet serji tabilħaqq, u li nsibu tweġibiet sodisfaċenti għalihom jistaʼ jkollu effett profond fuq ħajjitna. Imma minflok ma naqbdu u nwaħħlu f’Alla għal problemi bħal dawn, ejja naraw kif il-Kelma t’Alla, il-Bibbja, tistaʼ tagħti iktar dettalji dwar dan is-suġġett.

Fit-tielet kapitlu tal-ktieb tal-Ġenesi, insibu r-rakkont taʼ Satana, li, waqt li għamilha taʼ serp, ipprova jġiegħel lill-ewwel koppja umana jmorru kontra l-kmand taʼ Alla Ġeħova biex ma jiklux mis-siġra tal-għarfien tat-tajjeb u tal-ħażin. “Żgur li ma tmutux,” qal Satana lil Eva. “Għax Alla jaf li fil-jum li tieklu minnu għajnejkom jinfetħu u tkunu bħal Alla, tagħrfu t-tajjeb u l-ħażin.”—Ġenesi 2:16, 17; 3:4, 5.

B’dan il-kliem, Satana mhux biss saħaq li Alla hu giddieb imma wkoll implika li t-tmexxija t’Alla ma kinitx ġusta. Ix-Xitan sostna li jekk l-umanità tismaʼ minnu, l-affarijiet kienu se jmorru aħjar għalihom. Dawn il-kwistjonijiet kif setgħu jiġu solvuti? Ġeħova għażel li jħalli l-affarijiet jieħdu ż-żmien tagħhom sabiex iħalli lil kulħadd jara jekk l-akkużi miġjuba kontrih kinux  minnhom jew le. Fil-fatt, Alla kien qed jagħti ċans lil Satana u lil dawk li ssieħbu miegħu juru jekk in-nies jistgħux jgħixu tajjeb mingħajr Alla.

X’taħseb int li hi t-tweġiba għall-istqarrijiet taʼ Satana? Jistgħu l-bnedmin jgħixu tajjeb u jmexxu lilhom infushom b’suċċess mingħajr Alla? It-tbatija, l-inġustizzja, il-mard, u l-mewt kif ukoll il-kriminalità, il-kollass morali, il-gwerer, il-ġenoċidji, u atroċitajiet oħrajn li filġu lill-umanità għal sekli sħaħ huma evidenza li ħadd ma jistaʼ jiċħadha li l-attentati tal-bniedem biex imexxi lilu nnifsu indipendentement minn Alla kienu falliment totali. Il-Bibbja ma tgħidx li Alla hu responsabbli għall-inkwiet tal-umanità. Pjuttost, turi x’inhu l-kaġun ewlieni tiegħu: “Il-bniedem iddomina lill-bniedem bi ħsara għalih.”—Ekkleżjasti 8:9.

Meta naraw dan kollu, ma jidhirx ċar li għandna bżonn li nduru lejn Alla mhux biss għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet li qed tiffaċċja l-umanità imma wkoll għas-soluzzjoni? X’se jagħmel Alla?

Għandna Bżonn l-Għajnuna t’Alla

In-nies ilhom jixxennqu għal ħelsien mill-mard, ix-xjuħija, u l-mewt. Investew ammont kbir taʼ ħin, sforzi, u riżorsi jsusu warajh, iżda dan kien kollu għalxejn. Xi nies ħasbu li billi jixorbu varjetà taʼ taħlitiet jew ċertu ilma, jew billi jgħixu f’xi post speċifiku, jistgħu jibqgħu żgħażagħ. Din il-ħolma wasslet għal diżappunt.

Alla jrid li n-nies jgħixu tajjeb u jkunu ferħanin. Dan kien l-iskop oriġinali tiegħu f’li joħloq lill-bnedmin, u ma nsiehx. (Ġenesi 1:27, 28; Isaija 45:18) Għandna l-assiguranza t’Alla Ġeħova li dak li għandu f’moħħu li jagħmel bla dubju se jseħħ. (Isaija 55:10, 11) Il-Bibbja tgħidilna dwar il-wegħda t’Alla biex iġib lura l-kundizzjonijiet taʼ Ġenna tal-art li tilfet l-ewwel koppja umana. Fl-aħħar ktieb tal-Bibbja, insibu dan il-kliem: “[Alla Ġeħova] jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ. L-affarijiet taʼ qabel ikunu spiċċaw.” (Rivelazzjoni 21:4) Alla kif se jġib dawn il-kundizzjonijiet meraviljużi, u kif nistgħu nibbenefikaw minn din il-wegħda?

L-Iben t’Alla, Ġesù Kristu, għallem lis-segwaċi tiegħu jitolbu biex issir ir-rieda t’Alla. Ħafna nies huma familjari maʼ din it-talba jew jirripetuha, u xi wħud isejħulha l-Missierna. Tgħid hekk: “Missierna fis-smewwiet, ħa jitqaddes ismek. Ħa tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int, kif fis-sema, ukoll fuq l-art.” (Mattew 6:9, 10) Iva, is-Saltna t’Alla hi l-mezz li bih Alla Ġeħova se jelimina r-riżultati tal-biki taʼ tmexxija mill-bniedem u jġib id-dinja ġdida ġusta li wiegħed. * (Danjel 2:44; 2 Pietru 3:13) X’għandna nagħmlu biex nibbenefikaw mill-wegħda t’Alla?

 Ġesù Kristu juri l-pass faċli li għandna nieħdu: “Il-ħajja taʼ dejjem tfisser dan: li jieħdu għarfien dwarek, l-uniku Alla veru, u dwar Ġesù Kristu li int bgħatt.” (Ġwanni 17:3) Iva, bl-għajnuna t’Alla, ħajja bla tmiem fid-dinja l-ġdida mwiegħda hi possibbli. Dan il-prospett għandu mnejn jikkonvinċik dwar jerġaʼ raġuni oħra għala għandek twieġeb iva għall-mistoqsija, Għandna bżonnu lil Alla?

Żmien li Taħseb f’Alla

Elfejn sena ilu, fl-Arjopagu, jew l-Għolja taʼ Marte, f’Ateni, l-appostlu Pawlu qal hekk dwar Alla lill-Atenjani, nies b’moħħhom miftuħ: “Għax hu stess jagħti lil kulħadd il-ħajja u n-nifs u kollox. Għax bih ngħixu u niċċaqalqu u neżistu, saħansitra bħalma qalu wħud mill-poeti fostkom, ‘Għax aħna wkoll uliedu.’”—Atti 17:25, 28.

Dak li Pawlu qal lil dawk f’Ateni għadu jgħodd sal-lum. Il-Ħallieq tagħna jipprovdilna l-arja biex nieħdu n-nifs, l-ikel li nieklu, l-ilma li nixorbu. Aħna sempliċement ma nistgħux ngħixu mingħajr l-affarijiet li pprovdielna Ġeħova għall-ġid tagħna. Imma Alla għala kompla jagħmel provvedimenti bħal dawn għall-bnedmin kollha, kemm jekk jirrikonoxxuh u kemm jekk le? Pawlu qal li dan hu “biex huma jfittxu ’l Alla, jekk iteftfu fid-dlam għalih u jirnexxilhom isibuh, għalkemm, fil-fatt, m’huwiex ’il bogħod minn kull wieħed minna.”—Atti 17:27.

Tixtieq tkun taf lil Alla aħjar, jiġifieri, titgħallem iktar dwar l-għanijiet u l-pariri tiegħu biex tgħix tajjeb issa u għal dejjem? Jekk inhu hekk, inħeġġuk tkellem lill-persuna li ġabitlek din ir-rivista jew tikkuntattja lill-pubblikaturi tagħha. Se jieħdu pjaċir jgħinuk.

^ Par. 20 Għal iktar informazzjoni dwar kif is-Saltna se ġġiegħel li ssir ir-rieda t’Alla fuq l-art, ara kapitlu 8 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? ippubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova u li tistaʼ ssibu onlajn u tiddawnlowdjah minn www.jw.org/mt.