Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 FATTURI ESSENZJALI GĦALL-HENA FIL-FAMILJA

Tkellem mal-Adoloxxent Tiegħek—Bla Ma Targumenta

Tkellem mal-Adoloxxent Tiegħek—Bla Ma Targumenta

“Meta t-tifla tiegħi kellha 14-il sena, bdiet tirrispondini. Meta kont ngħidilha, ‘Sar il-ħin għall-ikel,’ kienet tgħidli, ‘Niekol meta jkolli aptit jien.’ Meta kont nistaqsiha jekk kinitx għamlet xi biċċa xogħol li nkun qabbadtha, kienet tgħidli ‘Tiffittanix!’ Ħafna drabi kemm jien u kemm hi konna ngħajtu maʼ xulxin.”—MAKI, IL-ĠAPPUN. *

Jekk int ġenitur t’adoloxxent, in-nuqqas taʼ qbil għandu mnejn ikun waħda mill-iktar sfidi diffiċli li se tiffaċċja bħala ġenitur, u dan jirrikjedi paċenzja kbira. “Meta t-tifla tiegħi tisfida l-awtorità tiegħi, demmi jibda jbaqbaq,” tgħid Marija, omm taʼ tfajla tʼ14-il sena mill-Brażil. “Tant insiru frustrati li nibdew ngħajtu maʼ xulxin.” Carmela, mill-Italja, tiffaċċja sfida simili. Hi tgħid: “L-argumenti mat-tifel tiegħi dejjem ikunu sħan, u jispiċċaw billi jingħalaq f’kamartu.”

Xi adoloxxenti għala jħobbu jargumentaw daqshekk? Huwa dan tort taʼ dawk tamparhom? Jistaʼ jkun. Il-Bibbja tgħid li l-ħbieb taʼ dak li jkun jistgħu jinfluwenzawh ħafna, sew għat-tajjeb u sew għall-ħażin. (Proverbji 13:20; 1 Korintin 15:33) Barra minn hekk, ħafna mid-divertiment li jogħġob liż-żgħażagħ illum juri li r-ribelljoni u n-nuqqas taʼ rispett fosthom huma aċċettabbli.

Imma hemm fatturi oħrajn x’jiġu kkunsidrati—fatturi li mhumiex diffiċli wisq biex tpoġġihom fil-prattika ladarba tifhem kif jistgħu jeffettwaw lill-adoloxxent tiegħek. Ikkunsidra xi eżempji.

QED JIŻVILUPPA L-“QAWWA TAR-RAĠUNI”

L-appostlu Pawlu kiteb: “Meta kont tifel ċkejken, kont nitkellem taʼ tifel, naħseb taʼ tifel, nirraġuna taʼ tifel; imma issa li sirt raġel, neħħejt il-karatteristiki taʼ tifel ċkejken.” (1 Korintin 13:11) Bħalma jindika kliem Pawlu, it-tfal u l-adulti jaħsbu differenti. B’liema mod?

 It-tfal għandhom ħabta jaħsbu li kollox hu jew tajjeb jew ħażin. Għall-kuntrarju, l-adulti spiss ikunu iktar kapaċi jirraġunaw fuq affarijiet li ma jkunux ċari ħafna u jaħsbu iktar fil-fond biex jaslu għal konklużjonijiet jew biex jieħdu deċiżjonijiet. Pereżempju, l-adulti x’aktarx li iktar jikkunsidraw l-etika li jkun hemm wara xi kwistjoni u jaħsbu dwar kif l-azzjonijiet tagħhom se jeffettwaw lil oħrajn. Forsi jkunu mdorrijin jaħsbu b’dan il-mod. Għall-kuntrarju, l-adoloxxenti jkunu għadhom mhumiex familjari maʼ dan il-proċess.

Il-Bibbja tinkuraġġixxi liż-żgħażagħ biex jikkultivaw ‘l-abbiltà li jaħsbu.’ (Proverbji 1:4) Infatti, il-Bibbja tħeġġeġ lill-Kristjani kollha biex jużaw il-“qawwa tar-raġuni” tagħhom. (Rumani 12:1, 2; Ebrej 5:14) Iżda kultant, minħabba r-raġunar limitat tiegħu, l-adoloxxent jistaʼ jibda jargumenta miegħek, saħansitra fuq ħmerija. * Jew forsi jesprimi xi opinjoni li jkun jidher ċar li mhijiex korretta. (Proverbji 14:12) F’sitwazzjoni bħal din, kif tistaʼ tirraġuna miegħu minflok ma targumenta?

IPPROVA DAN: Żomm f’moħħok li l-adoloxxent għandu mnejn sempliċement qed jitgħallem kif jirraġuna, u li hu mhux daqshekk deċiż li jrid bilfors tgħaddi tiegħu. Biex tara x’għandu f’moħħu, l-ewwel faħħru għall-abbiltà li għandu biex jaħseb. (“Jogħġobni l-mod kif qed tirraġuna, avolja ma naqbilx mal-konklużjonijiet kollha li tasal għalihom.”) Imbagħad għinu jeżamina l-mod kif jaħseb. (“Taħseb li dak li għadek kif għedt japplika f’kull sitwazzjoni?”) Forsi tibqaʼ mistagħġeb kif l-adoloxxent jerġaʼ jirrifletti fuq l-ideat tiegħu u jtejjibhom.

Oqgħod attent: Meta tkun qed tirraġuna mal-adoloxxent, toqgħodx taħseb li trid tagħti prova li għandek raġun. Anki jekk dak li tgħid jidher li mhux qed jagħti kasu, l-adoloxxent wisq probabbli se jiggwadanja iktar mid-diskussjoni li jkollkom milli taħseb int—jew milli jammetti hu stess. Tiskantax jekk fi ftit jiem l-adoloxxent ikun tal-istess opinjoni tiegħek—forsi saħansitra jibda jgħid li l-idea kienet tiegħu.

“Xi drabi jien u t-tifel tiegħi nargumentaw dwar affarijiet żgħar—pereżempju, dwar li ma jaħlix jew dwar li ma joqgħodx jinki lil oħtu. Imma fil-biċċa l-kbira hu bħallikieku xtaqni nistaqsih kif kien jaħsibha u biex juri li fehem jgħid, ‘Eh, mela dik kienet is-sitwazzjoni’ jew ‘Mela hekk taħseb int.’ Meta nħares lura nara li ħafna mill-argumenti li kellna setgħu jiġu evitati kieku għedt xi ħaġa hekk.”—Kenji, il-Ġappun.

QED JIFFORMA KONVINZJONIJIET

Ġenituri għaqlin joħolqu ambjent li fih l-adoloxxenti jistgħu jesprimu l-konvinzjonijiet tagħhom

Parti importanti mit-taħriġ li jingħata lill-adoloxxent hi biex tippreparah għal dik il-ġurnata meta jkun jistaʼ jitlaq mid-dar u jgħix bħala adult responsabbli. (Ġenesi 2:24) Parti minn dan il-proċess tinvolvi li jifforma identità—sett taʼ karatteristiki, twemmin, u valuri li jidentifikaw min hu. Meta jiffaċċja l-pressjoni biex jagħmel il-ħażin, adoloxxent li jkun jaf eżatt x’tip taʼ persuna jrid ikun mhuwiex se jaħseb biss dwar il-konsegwenzi. Hu se jistaqsi lilu nnifsu: ‘X’tip taʼ persuna jien? X’valuri għandi? Persuna li jkollha dawn il-valuri x’se tagħmel f’sitwazzjoni bħal din?’—2 Pietru 3:11.

Il-Bibbja tgħidilna dwar Ġużeppi, żagħżugħ li kien jaf eżatt x’tip taʼ persuna ried ikun. Pereżempju, meta mart Potifar ħeġġitu biex ikollu x’jaqsam magħha, Ġużeppi wieġeb: “Kif nistaʼ jien nagħmel dan il-ħażen hekk kbir u nidneb kontra Alla?” (Ġenesi 39:9) Għalkemm l-Iżraelin kienu għadhom ma ngħatawx il-liġi li tipprojbixxi l-adulterju, Ġużeppi setaʼ jobsor kif Alla kien jaħsibha dwar din il-kwistjoni. Iktar minn hekk, il-kliem “kif nistaʼ jien” jindika li hu rawwem fih l-istess ħarsa t’Alla—parti mill-identità tiegħu stess.—Efesin 5:1.

L-adoloxxent tiegħek ukoll għadu qed jifforma l-identità tiegħu. Dan huwa tajjeb, għax il-konvinzjonijiet tiegħu se jgħinuh ikampa mal-pressjoni minn dawk tamparu u jiqfilhom. (Proverbji 1:10-15) Mill-banda l-oħra, dak l-istess sens taʼ identità għandu mnejn iqanqlu biex jieqaf lilek. Jekk jiġri dan, x’tistaʼ tagħmel?

IPPROVA DAN: Minflok ma tidħol f’xi argument, sempliċement erġaʼ rripeti l-opinjoni tiegħu. (“Ħa nkun ċert li fhimt. Qed tgħid li . . . ”) Imbagħad, staqsi mistoqsijiet. (“Għala tħossok hekk?” jew “X’wasslek biex tirraġuna hekk?”) Inkuraġġixxi lill-adoloxxent jesprimi s-sentimenti u l-konvinzjonijiet  tiegħu. Jekk id-differenza fl-opinjoni hi sempliċement preferenza u mhux kwistjoni taʼ tajjeb u ħażin, uri lill-adoloxxent li tirrispetta l-opinjoni tiegħu—anki jekk int ma taqbilx għalkollox magħha.

Li wieħed jiżviluppa identità—u l-konvinzjonijiet li jiġu magħha—mhux biss huwa normali imma wkoll taʼ benefiċċju. Wara kollox, il-Bibbja tgħid li l-Kristjani m’għandhomx ikunu bħal tfal żgħar “mitfugħin ’l hemm u ’l hawn qisu mill-mewġ u mtajrin minn kull riħ taʼ tagħlim.” (Efesin 4:14) Għalhekk, lill-adoloxxent ħallih u anki inkuraġġih jiżviluppa identità flimkien maʼ konvinzjonijiet sodi.

“Meta nuri lill-bniet tiegħi li lesta li nismagħhom, huma jkunu iktar lesti li jikkunsidraw l-opinjoni tiegħi, anki jekk din tkun differenti minn tagħhom. Noqgħod b’sebaʼ għajnejn biex ma nġegħelhomx jaħsbuha bħali, imma nħallihom jifformaw il-konvinzjonijiet tagħhom stess.”—Ivana, ir-Repubblika Ċeka.

ĠENITURI, KUNU SODI IMMA RAĠUNEVOLI

Bħal tfal iżgħar, xi adoloxxenti tgħallmu t-tattika li jibqgħu jitolbu xi ħaġa għal darba wara l-oħra sabiex jirnexxilhom iġiegħlu lill-ġenituri tagħhom iċedu. Jekk dan jiġri spiss fil-familja tiegħek, oqgħod attent. Għalkemm li ċċedi jistaʼ jkun taʼ serħan għal mument, dan se jgħallem lill-adoloxxent li jekk jargumenta jkun jistaʼ jikseb dak li jrid. X’inhu r-rimedju? Segwi l-parir taʼ Ġesù: “Il-kelma tagħkom Iva ħa tfisser Iva, u l-Le, Le.” (Mattew 5:37) L-adoloxxenti x’aktarx li inqas se jargumentaw miegħek meta jkunu jafu li int konsistenti.

Fl-istess ħin, kun raġunevoli. Ħalli lill-adoloxxent jispjega, pereżempju, għala jħoss li l-ħin li jidħol id-dar għandu jinbidel meta jkun hemm xi okkażjoni partikulari. F’każ bħal dan, int ma tkunx qed iċċedi għall-pressjoni imma sempliċement tkun qed issegwi dan il-parir tal-Bibbja: “Ħa jkun jaf kulħadd kemm intom raġunevoli.”—Filippin 4:5.

IPPROVA DAN: Laqqaʼ l-familja u ddiskutu r-regoli dwar il-ħin li t-tfal għandhom jidħlu d-dar, u r-regoli li għandhom isegwu. Uri li int lest li tagħti widen u tiżen il-fatturi kollha involuti qabel tieħu xi deċiżjoni. “L-adoloxxenti għandhom jaraw li l-ġenituri tagħhom ikunu lesti li jgħidu iva għal xi ħaġa li jitolbuhom jekk din ma tmurx kontra xi prinċipju tal-Bibbja,” jissuġġerixxi Roberto, missier mill-Brażil.

M’għandniex xi ngħidu, ebda ġenitur mhu perfett. Il-Bibbja tgħid: “Ilkoll nitfixklu ħafna drabi.” (Ġakbu 3:2) Jekk issib li għandek xi ftit mit-tort għala nqalaʼ l-argument, tibqax lura milli titlob skuża lill-adoloxxent. Meta tammetti l-iżball tkun qed tagħti eżempju taʼ umiltà u tgħin lill-adoloxxent jaġixxi bl-istess mod.

“Darba wara argument, meta kont ikkalmajt, tlabt skuża lil ibni talli rrabjajt. Dan għen lilu jikkalma wkoll u kien iktar faċli għalih li jismagħni.”—Kenji, il-Ġappun.

^ Par. 3 L-ismijiet f’dan l-artiklu ġew mibdulin.

^ Par. 10 Għalkemm f’dan l-artiklu qed nirreferu għall-adoloxxent fil-maskil, il-prinċipji diskussi japplikaw kemm għall-ġuvintur u kemm għat-tfajliet.

STAQSI LILEK INNIFSEK . . .

  • B’liema mod nistaʼ jien inkun qed nagħti lok għall-argumenti mal-adoloxxent tiegħi?

  • Kif nistaʼ nuża l-materjal f’dan l-artiklu biex nifhem aħjar lill-adoloxxent tiegħi?

  • X’nistaʼ nagħmel biex nikkomunika mal-adoloxxent tiegħi mingħajr ma nargumentaw?