Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

SUĠĠETT PRINĊIPALI | GIDEB LI JĠIEGĦLEK TAĦSEB LI MA TISTAX TĦOBB LIL ALLA

Il-Verità Tista’ Teħilsek

Il-Verità Tista’ Teħilsek

Darba f’Ġerusalemm, Ġesù kien qed jitkellem dwar Missieru, Ġeħova, u jikxef lill-mexxejja reliġjużi foloz taʼ żmienu. (Ġwanni 8:12-30) Dak li qal f’din l-okkażjoni jgħallimna kif nistgħu neżaminaw twemmin popolari dwar Alla llum. Ġesù qal: “Jekk tibqgħu fil-kelma tiegħi, tkunu tassew dixxipli tiegħi, u tkunu tafu l-verità, u l-verità teħliskom.”—Ġwanni 8:31, 32.

“Ibqgħu fil-kelma tiegħi.’ Hawn Ġesù juri kif għandna neżaminaw jekk tagħlim reliġjuż ikunx “il-verità” jew le. Meta tismaʼ stqarrija dwar Alla, staqsi lilek innifsek: ‘Dan jaqbel maʼ kliem Ġesù u l-bqija tal-Iskrittura Mqaddsa?’ Imita lil dawk li semgħu lill-appostlu Pawlu jitkellem u li “kienu jeżaminaw bir-reqqa l-Iskrittura kuljum biex jaraw jekk dak li semgħu [tgħallmu] kienx minnu.”—Atti 17:11.

Marco, Rosa, u Raymonde, li ssemmew fl-ewwel artiklu taʼ din is-serje, eżaminaw bir-reqqa t-twemmin tagħhom billi studjaw il-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova. X’tgħallmu?

Marco: “Dak li għallimna l-Bibbja uża l-Iskrittura biex iwieġeb kull mistoqsija li kellna jien u marti. Imħabbitna għal Ġeħova bdiet tikber, u aħna sirna eqreb taʼ xulxin bħala koppja miżżewġa!”

Rosa: “Għall-ewwel, kont naħseb li l-Bibbja mhi xejn għajr ktieb taʼ filosofija li jipprova jispjega lil Alla billi juża raġunar uman. Però, gradwalment sibt it-tweġibiet għall-mistoqsijiet tiegħi mill-Bibbja. Issa, Ġeħova hu reali għalija. Hu Xi Ħadd li nistaʼ nafdah.”

Raymonde: “Jien tlabt lil Alla għall-għajnuna biex nitgħallem dwaru. Ftit wara, jien u żewġi bdejna nistudjaw il-Bibbja. Sa fl-aħħar, tgħallimna l-verità dwar Ġeħova! Konna se ntiru bil-ferħ meta sirna nafu x’tip taʼ Alla hu.”

Il-Bibbja mhux sempliċement tikxef biss il-gideb dwar Alla; imma wkoll tirrivela l-verità dwar il-kwalitajiet li jiġbduk tiegħu. Hi l-Kelma ispirata tiegħu, u tgħinna “nkunu nafu dak li ngħatalna b’qalb tajba minn Alla.” (1 Korintin 2:12) Għala ma tarax għalik innifsek kif il-Bibbja tistaʼ twieġeb mistoqsijiet komuni imma fundamentali dwar Alla, l-iskop tiegħu, u l-futur tagħna? Aqra t-tweġibiet għal ftit minn dawn il-mistoqsijiet taħt “Tagħlim tal-Bibbja > Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin” f’www.jw.org/mt. Tistaʼ wkoll titlob studju tal-Bibbja minn fuq din il-Websajt jew mingħand wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Aħna fiduċjużi li jekk tagħmel dan, se ssib li hu iktar faċli li tħobb lil Alla milli qatt ħsibt.