Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

SUĠĠETT PRINĊIPALI | GIDEB LI JĠIEGĦLEK TAĦSEB LI MA TISTAX TĦOBB LIL ALLA

Il-Gidba li Alla Hu Misteru

Il-Gidba li Alla Hu Misteru

DAK LI ĦAFNA JEMMNU

“It-Trinità hi waħda. Ma nistqarrux tliet allat, imma Alla wieħed fi Tliet Persuni: ‘It-Trinità konsustanzjali’. It-Tliet Persuni ma jaqsmux bejniethom in-natura waħda taʼ Alla, imma kull waħda mill-Persuni hi Alla kollu kemm hu. ‘Il-Missier hu dak l-istess li hu l-Iben, l-Iben dak l-istess li hu l-Missier, il-Missier u l-Iben dak l-istess li hu l-Ispirtu s-Santu, jiġifieri Alla wieħed fin-natura tiegħu’.”—Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika.

IL-VERITÀ MILL-BIBBJA

Ġesù, Bin Alla, qatt ma stqarr li kien ugwali maʼ Missieru jew tal-istess sustanza tiegħu. Minflok, hu qal: “Sejjer għand il-Missier, għax il-Missier akbar minni.” (Ġwanni 14:28) Ukoll, lil wieħed mis-segwaċi tiegħu qallu: “Jien tielaʼ għand Missieri u Missierkom, Alla tiegħi u Alla tagħkom.”—Ġwanni 20:17.

L-ispirtu qaddis mhuwiex persuna. Il-Kristjani tal-bidu “mtlew bl-ispirtu qaddis,” u Ġeħova qal: “Inferraʼ ftit mill-ispirtu tiegħi fuq kull xorta taʼ bnedmin.” (Atti 2:1-4, 17) L-ispirtu qaddis mhuwiex parti minn Trinità. Huwa l-forza attiva t’Alla.

GĦALA HU IMPORTANTI

L-istudjużi Kattoliċi Karl Rahner u Herbert Vorgrimler jispjegaw li t-Trinità “ma setgħetx tkun magħrufa mingħajr rivelazzjoni, u saħansitra wara r-rivelazzjoni ma tistax tinftiehem kompletament.” Tistaʼ verament tħobb lil xi ħadd li ma tistax issir tafu jew tifhmu? Id-duttrina tat-Trinità, mela, hi taʼ xkiel għal min irid ikun jaf u jħobb lil Alla.

Marco, li ssemma qabel, qies it-Trinità bħala xkiel. Hu jgħid: “Jien kont naħseb li Alla kien qed jaħbi l-identità tiegħu minni, u dan wassal biex hu sar iktar imbiegħed, misterjuż, u li ma nistax nersaq lejh.” Però, “Alla mhux Alla tat-taħwid.” (1 Korintin 14:33, Saydon) Hu ma ħebiex l-identità tiegħu minna. Hu jridna nsiru nafuh. Ġesù qal: “Aħna nqimu dak li nafu.”—Ġwanni 4:22.

“Meta sirt naf li Alla mhux parti minn Trinità,” jgħid Marco, “sa fl-aħħar setaʼ jkolli relazzjoni personali miegħu.” Jekk inqisu lil Ġeħova bħala Persuna distinta u mhux xi stranġier misterjuż, ikun bil-wisq eħfef biex inħobbuh. Il-Bibbja tgħid: “Min ma jħobbx ma sarx jaf lil Alla, għax Alla hu mħabba.”—1 Ġwanni 4:8.