Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 ERSAQ QRIB LEJN ALLA

‘Hu Jippremja lil Dawk li Jfittxuh bil-Ħeġġa’

‘Hu Jippremja lil Dawk li Jfittxuh bil-Ħeġġa’

Japprezza Ġeħova dak li l-aduraturi tiegħu jagħmlu biex jipprovaw jogħġbuh? Hemm min iwieġeb fin-negattiv u jgħid li Alla ma jinteressahx minna. Iżda stqarrija bħal din tirrappreżenta ħażin lil Alla mhux bi ftit. Il-Kelma tiegħu, il-Bibbja, turi ċar l-abjad mill-iswed. Hi taċċertana li Ġeħova japprezza l-isforzi tal-aduraturi leali tiegħu. Ikkunsidra l-kliem tal-appostlu Pawlu misjub f’Ebrej 11:6.

Xi trid tagħmel biex togħġob lil Ġeħova? Pawlu jikteb: ‘Mingħajr fidi impossibbli li togħġob [lil Alla] sew.’ Innota li Pawlu ma jgħidx li hu diffiċli li togħġob lil Alla mingħajr fidi. Pjuttost, l-appostlu jgħid li hu impossibbli li tagħmel dan. Fi kliem ieħor, il-fidi hija ingredjent essenzjali biex wieħed jogħġob lil Alla.

X’tip taʼ fidi togħġob lil Ġeħova? Il-fidi tagħna f’Alla għandha tinvolvi żewġ aspetti. L-ewwel, ‘irridu nemmnu li hu jeżisti.’ Kif nistgħu qatt nogħġbu lil Alla jekk niddubitaw l-eżistenza tiegħu? Xorta waħda, fidi ġenwina tinvolvi iktar minn hekk, għaliex anke d-demonji jemmnu li Ġeħova jeżisti. (Ġakbu 2:19) Il-fidi tagħna li Alla hu reali għandha tqanqalna biex naġixxu, jiġifieri, biex nagħtu prova tal-fidi tagħna billi ngħixu b’mod li jogħġob lilu.—Ġakbu 2:20, 26.

It-tieni, ‘irridu nemmnu’ li Alla hu dak li “jippremja.” Bniedem li għandu fidi vera hu konvint għalkollox li l-isforzi tiegħu biex jgħix b’mod li jogħġob lil Alla mhux se jkunu għalxejn. (1 Korintin 15:58) Kif nistgħu nogħġbu lil Ġeħova jekk niddubitaw l-abbiltà jew ix-xewqa tiegħu li jippremjana? (Ġakbu 1:17; 1 Pietru 5:7) Xi ħadd li jikkonkludi li Alla ma jimpurtahx, li ma japprezzax, u li mhux ġeneruż ma jafx lil Alla tal-Bibbja.

Ġeħova lil min jippremja? “Lil dawk li jfittxuh bil-ħeġġa,” jgħid Pawlu. Xogħol taʼ referenza għat-tradutturi tal-Bibbja jgħid li l-kelma Griega għal “ifittxuh bil-ħeġġa” ma tfissirx “joħorġu biex isibu” iżda, minflok, tagħtina x’nifhmu li nersqu lejn Alla “fil-qima.” Xogħol taʼ referenza ieħor jispjega li dan il-verb Grieg huwa f’forma li turi intensità u sforz. Iva, Ġeħova jippremja lil dawk li l-fidi tagħhom tqanqalhom iqimuh b’żelu u mħabba mill-qalb.—Mattew 22:37.

Kif nistgħu nogħġbu lil Ġeħova jekk niddubitaw l-abbiltà jew ix-xewqa tiegħu li jippremjana?

Ġeħova kif jippremja lill-aduraturi leali tiegħu? Hu wiegħed premju imprezzabbli fil-futur li juri kemm huma profondi l-ġenerożità u l-imħabba tiegħu—ħajja taʼ dejjem f’Ġenna fuq l-art. (Rivelazzjoni 21:3, 4) Anke issa, dawk li jfittxu lil Ġeħova bil-ħeġġa jesperjenzaw barkiet kbar. Bl-għajnuna tal-ispirtu qaddis tiegħu u l-għerf misjub fil-Kelma tiegħu, huma jgawdu ħajja premjanti u sodisfaċenti.—Salm 144:15; Mattew 5:3.

Verament, Ġeħova hu Alla li japprezza u li jgħożż is-servizz leali tal-aduraturi devoti tiegħu. Iġiegħlek il-fatt li taf dan tkun trid tersaq eqreb lejh? Jekk inhu hekk, għala ma titgħallimx iżjed dwar kif tistaʼ tkabbar u turi t-tip taʼ fidi li Ġeħova jippremja bil-kbir?

Qari tal-Bibbja għal Novembru

Titu 1-3; Filemon 1-25; Ebrej 1-13Ġakbu 1-5