Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Kif Jeffettwawk il-Kuluri?

Kif Jeffettwawk il-Kuluri?

Int u tħares madwarek, għajnejk u moħħok jaħdmu flimkien biex jiġbru informazzjoni. Tinnota li ħdejk hemm frotta u tiddeċiedi jekk tridx tikolha. Int tħares lejn is-sema u taqtagħha li mhix se tagħmel xita llum. Tara l-kliem li qed taqra issa u tifhem xi jfisser. Attwalment, qed tiġi effettwat bil-kuluri. Veru dan?

Il-kulur tal-frotta li rajt jgħinek tiddeċiedi jekk hix misjura u kemm tħajrek tikolha. Il-kulur tas-sema u s-sħab jgħinek tkun taf x’se jkun it-temp. Hekk kif taqra l-kliem f’dan l-artiklu, għajnejk huma komdi bil-kuntrast tal-kulur li hemm bejn il-kliem u l-karta. Iva, forsi mingħajr ma tinduna, int il-ħin kollu tuża l-kuluri biex jgħinuk tifhem informazzjoni dwar id-dinja taʼ madwarek. Iżda wkoll, il-kuluri jeffettwaw l-emozzjonijiet tiegħek.

L-EFFETT EMOZZJONALI TAL-KULURI

Hekk kif timxi fil-passaġġi taʼ ħanut, int tkun imdawwar b’varjetà kbira t’oġġetti li jkunu maħsubin biex jiġbdulek l-attenzjoni lejhom. Tirrealizzax dan jew le, dawk li jirreklamaw jagħżlu kuluri u taħlit taʼ kuluri bir-reqqa biex jolqtu l-gosti speċifiċi tiegħek, l-età tiegħek, u l-fatt jekk intix raġel jew mara. Dawk li xogħolhom hu li jżejnu d-djar, disinjaturi tal-ħwejjeġ, u pitturi wkoll jafu li l-kuluri jistgħu jqanqlu l-emozzjonijiet.

In-nies għandhom mnejn jinterpretaw il-kuluri b’modi differenti minħabba l-kultura u d-drawwiet lokali. Pereżempju, xi nies fl-Asja jassoċjaw l-aħmar maʼ xorti tajba u ċelebrazzjoni, iżda f’xi partijiet tal-Afrika, l-aħmar ifisser vistu. Madankollu, minkejja t-trobbija tagħhom, il-bnedmin jirreaġixxu l-istess emozzjonalment għal ċerti kuluri. Ejja nikkunsidraw tliet kuluri u kif dawn jistgħu jeffettwawk.

L-AĦMAR jidher ħafna. Spiss, l-aħmar ġie assoċjat mal-enerġija, il-gwerra, u l-periklu. Huwa kulur qawwi emozzjonalment u jistaʼ jtejjeb il-metaboliżmu tal-bniedem, iżid ir-rata li biha nieħdu n-nifs, u jgħolli l-pressjoni tad-demm.

Fil-Bibbja, il-kelma Ebrajka għal “aħmar” ġejja minn kelma li tfisser “demm.” Il-Bibbja tuża aħmar jgħajjat, jew skarlat, biex inġibu quddiem għajnejna xbieha li ma tintesiex malajr taʼ prostituta qattiela liebsa l-porpra, jew vjola, u l-iskarlat u riekba fuq “bhima salvaġġa lewn l-iskarlat . . . mimlija ismijiet midgħija.”—Rivelazzjoni 17:1-6.

L-AĦDAR joħloq reazzjoni kuntrarja għall-aħmar, għax inaqqas il-metaboliżmu kif ukoll jipproduċi effett li jikkalma. L-aħdar huwa kulur li jserraħ u spiss hu assoċjat mat-trankwillità. Aħna nħossuna rilassati meta naraw ġonna u għoljiet ħodor. Ir-rakkont fil-ktieb tal-Ġenesi jgħid li Alla pprovda ħaxix aħdar u ħxejjex għall-bniedem.—Ġenesi 1:11, 12, 29, 30.

L-ABJAD hu assoċjat spiss mad-dawl, is-sigurtà, u l-indafa. Għandu x’jaqsam ukoll mal-kwalitajiet tat-tjubija, l-innoċenza, u l-purità. L-abjad hu l-iktar kulur imsemmi fil-Bibbja. Fil-viżjonijiet, il-bnedmin u l-anġli jkunu lebsin l-abjad, u dan jenfasizza s-sewwa u l-indafa spiritwali.  (Ġwanni 20:12; Rivelazzjoni 3:4; 7:9, 13, 14) Żwiemel bojod flimkien maʼ rikkieba lebsin għażel abjad nadif jissimbolizzaw gwerra ġusta. (Rivelazzjoni 19:14) Alla juża l-kulur abjad biex jenfasizza li hu lest li jaħfer id-dnubiet: “Għalkemm dnubietkom ikunu bħall-iskarlat, se jintgħamlu bojod bħas-silġ.”—Isaija 1:18.

IL-KULURI JISTGĦU JGĦINUK TIFTAKAR

L-użu tal-kuluri fil-Bibbja juri li Alla jifhem li l-bniedem jirreaġixxi emozzjonalment għall-kuluri. Pereżempju, il-ktieb Bibliku tar-Rivelazzjoni jbassar dak li aħna għaddejjin minnu issa, inkluż il-gwerer, il-ġuħ, u l-mewt mhux naturali minħabba nuqqas t’ikel u mard. Biex tgħinna nifhmu dan, viżjoni impressjonanti tiddeskrivi rikkieba fuq żwiemel—mhux sempliċement żwiemel komuni iżda kkuluriti.

L-ewwel, hemm żiemel abjad pur, li jissimbolizza l-gwerra ġusta taʼ Kristu Ġesù. Imbagħad, naraw żiemel lewn in-nar, li jirrappreżenta gwerra bejn il-ġnus. Dan iż-żiemel jiġi segwit minn żiemel iswed tal-biżaʼ, li jagħti stampa tal-ġuħ. Imbagħad, naraw “żiemel aħdar safrani; u dak li kien riekeb fuqu kien jismu Mewt.” (Rivelazzjoni 6:1-8) Il-kulur taʼ kull żiemel jistaʼ jqajjem emozzjoni ġo fina li taqbel maʼ dak li ż-żiemel jissimbolizza. Nistgħu faċilment niftakru dawn iż-żwiemel ikkuluriti u dak li jgħallmuna dwar żmienna.

Hemm ħafna eżempji fil-Bibbja li fihom jintuża l-kulur biex b’hekk inġibu stampi ħajjin quddiem għajnejna. Iva, il-Ħallieq tad-dawl, tal-kulur, u tal-għajn umana b’sengħa juża l-kuluri biex jgħallem lill-qarrejja jimmaġinaw stampi li jistgħu jifhmuhom u li jibqgħu jiftakruhom. Il-kuluri jgħinuna niġbru u nifhmu l-informazzjoni. Il-kuluri jeffettwaw l-emozzjonijiet tagħna u jistgħu jgħinuna niftakru tagħlim importanti. Il-kuluri huma għotja bi mħabba mingħand il-Ħallieq tagħna biex jgħinna nieħdu pjaċir bil-ħajja.