“Ħassejtni qisni waqajt minn xi rdum. Filli ħajtek tkun mixja ħarir u filli f’daqqa waħda m’għandek xejn.”—MARK, * ilu sena ddivorzjat.

“Ir-raġel tiegħi qalibhieli maʼ waħda daqs it-tifla tagħna. Meta ddivorzjajna, għalkemm ħadt ir-ruħ li ma kellix inħabbat iktar wiċċi mar-rabja li spiss kien ikollu, ħassejtni wkoll umiljata u ma niswa għalxejn.”—EMMELINE, ilha 17-il sena ddivorzjata.

Xi nies jiddivorzjaw bit-tama li jkollhom ħajja aħjar, filwaqt li oħrajn iridu jibqgħu miżżewġin imma ma jistgħux iġiegħlu lis-sieħeb jew is-sieħba tibqaʼ magħhom. Madankollu, kważi kull min jiddivorzja jinduna li l-ħajja taʼ wara d-divorzju hija iktar diffiċli milli stenna. Fil-fatt, jekk m’ilekx li ddivorzjajt, tistaʼ ssib li d-divorzju hu waħda mill-iktar affarijiet stressanti li qatt ikollok tiffaċċja. Allura, ikun taʼ benefiċċju li tikkunsidra xi pariri prattiċi mill-Bibbja li jistgħu jgħinuk tkampa tajjeb mal-isfidi tad-divorzju.

L-1 SFIDA: SENTIMENTI NEGATTIVI.

Forsi tħoss li ma tkunx tiflaħ għall-istress relatat mal-problemi finanzjarji, mat-trobbija tat-tfal, u mas-solitudni, u s-sentimenti mhux dejjem jitilqu malajr. Il-psikologa Judith Wallerstein li llum hija mejta sabet li snin wara li jġibu divorzju, xi nies jibqgħu jħossuhom traduti u abbandunati, u jemmnu li “l-ħajja mhix ġusta u tħallik diżappuntata u waħdek.”

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL

  • Tnikket minħabba dak li tlift. Għandek mnejn  tħoss in-nuqqas tas-sieħeb li għadek tħobb. * Anki jekk ir-relazzjoni tagħkom kienet taʼ dwejjaq, għandek mnejn titnikket għax m’għandekx il-ferħ li ttamajt għalih fiż-żwieġ. (Proverbji 5:18) Tistħix tibki!—Ekkleżjasti 3:1, 4.

  • Evita li tinqataʼ għalik waħdek. Għalkemm għandek bżonn tkun waħdek biex titnikket, li tinqataʼ għalik għal tul taʼ żmien mhuwiex għaqli. (Proverbji 18:1) Tkellem mal-ħbieb fuq affarijiet li jibnu, għax it-tgergir kontra l-eks raġel, anki jekk validu, jistaʼ jdejjaq lil ħaddieħor. Jekk għandek tieħu xi deċiżjonijiet importanti eżatt wara d-divorzju, ikseb għajnuna imparzjali mingħand xi ħadd li tafda.

  • Ħu ħsieb saħħtek. L-istress tad-divorzju spiss iġib miegħu problemi fiżiċi, bħal pressjoni għolja jew migranja. Kul tajjeb, agħmel l-eżerċizzju, u orqod biżżejjed.—Efesin 5:29.

  • Warrab l-affarijiet li jerġgħu jqajmu r-rabja lejn ir-raġel li kellek jew li m’għadx għandek bżonnhom, imma żomm dokumenti importanti. Jekk affarijiet bħal ritratti tat-tieġ iġibu wġigħ taʼ qalb, agħmilhom f’kaxxa u erfagħhom għal uliedek.

  • Iġġieled kontra ħsibijiet negattivi. Olga, li ddivorzjat lil żewġha wara li qalibhielha, qalet: “Bqajt insaqsi lili nnifsi, ‘X’għandha li m’għandix jien?’” Iżda bħalma rrealizzat Olga iktar tard, li toqgħod tirripeti ħsibijiet negattivi jistaʼ jirriżulta fi “spirtu mdejjaq.”—Proverbji 18:14.

    Ħafna nies isibu li meta jiktbu ħsibijiethom, dan jgħinhom jiċċaraw u jikkontrollaw il-ħsib tagħhom. Jekk tagħmel hekk, ipprova dawwar il-ħsieb negattiv li qed tiġġieled kontrih f’wieħed pożittiv. (Efesin 4:23) Ikkunsidra żewġ eżempji:

    Il-ħsieb taʼ qabel: Kien it-tort tiegħi li żewġi qalibhieli.

    Il-ħsieb il-ġdid: In-nuqqasijiet tiegħi ma tawx id-dritt lil żewġi li jmur maʼ ħaddieħor.

    Il-ħsieb taʼ qabel: Ħlejt l-aħjar żmien taʼ ħajti mar-raġel żbaljat.

    Il-ħsieb il-ġdid: Inkun iktar kuntenta jekk inħares ’il quddiem, u mhux lura.

  • Injora kummenti li jweġġgħu. B’intenzjoni tajba, ħbieb u qraba għandhom mnejn jgħidu affarijiet li jweġġgħu jew saħansitra li jkunu żbaljati fil-każ tiegħek: ‘Insomma, xorta ma kinitx tgħodd għalik’ jew ‘Alla jobgħod id-divorzju.’ * Bir-raġun, il-Bibbja twissi: “Tiħux wisq bis-serjetà l-kliem kollu li jistgħu jgħidu n-nies.” (Ekkleżjasti 7:21) Martina, li ilha sentejn iddivorzjata, tgħid: “Minflok noqgħod naħseb fuq kliem li jweġġaʼ, nipprova nħares lejn l-affarijiet mill-ħarsa t’Alla. Il-ħsibijiet tiegħu huma ogħla minn tagħna.”—Isaija 55:8, 9.

  • Itlob ’l Alla. Hu jinkuraġġixxi lill-aduraturi tiegħu biex ‘jitfgħu l-ansjetà kollha tagħhom fuqu,’ speċjalment meta jkunu mnikktin ħafna.—1 Pietru 5:7.

IPPROVA DAN: Ikteb versi mill-Bibbja li ssib t’għajnuna, u ħallihom f’postijiet fejn tarahom spiss. Apparti l-iskritturi li diġà huma ċitati, ħafna nies iddivorzjati bbenefikaw minn dawn il-versi: Salm 27:10; 34:18; Isaija 41:10; u Rumani 8:38, 39.

Ħalli l-Kelma t’Alla tappoġġak fi żminijiet diffiċli

IT-2 SFIDA: IR-RELAZZJONI TIEGĦEK MAL-EKS RAĠEL.

Juliana, li kienet ilha 11-il sena miżżewġa, tgħid: “Tlabt fuq li tlabt lil żewġi biex ma jitlaqx.  Imma wara li telaq, kont mimlija rabja għalih u għall-mara li mar jgħix magħha.” Ħafna min-nies li jiddivorzjaw jibqgħu ħafna rrabjati għal snin sħaħ mar-raġel jew il-mara li kellhom. Madankollu, huma jkollhom jikkomunikaw fuq bażi regulari, speċjalment jekk ikollhom it-tfal.

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL

  • Żomm relazzjoni suret in-nies mal-eks raġel tiegħek. Iffoka fuq affarijiet neċessarji u ttawwalx il-konversazzjoni. Ħafna nies sabu li dan il-metodu jgħin f’li jkun hemm il-paċi.—Rumani 12:18.

  • Evita kliem li jweġġaʼ. Speċjalment meta tħossok ibbombardjata, dan il-parir għaqli tal-Bibbja jistaʼ jgħin: “Kulmin iżomm lura dak li jkun se jgħid għandu l-għarfien.” (Proverbji 17:27) Jekk ma tistax iddawwar konversazzjoni bla sugu f’waħda bis-sens, forsi tistaʼ tgħid: “Għandi bżonn naħseb fuq dak li għedtli u nerġaʼ nkellmek iktar tard.”

  • Kemm jistaʼ jkun isseparaw l-affarijiet personali tagħkom. Dan jinkludi dokumenti legali, finanzjarji, u mediċi.

IPPROVA DAN: Meta terġaʼ titkellem mal-eks raġel, oqgħod attenta għal sinjali li jagħtuk x’tifhem li bdejtu ssiru difensivi jew mhux flessibbli. Jekk hemm bżonn, ieqaf għal ftit jew aqblu li tużaw l-e-mail biex tiddiskutu l-kwistjoni.—Proverbji 17:14.

IT-3 SFIDA: GĦIN LIT-TFAL JADATTAW RUĦHOM.

Maria tiftakar kif kien iż-żmien taʼ wara li ddivorzjat: “Binti ż-żgħira kienet tibki l-ħin kollu u reġgħet bdiet tagħmel taħtha fis-sodda. U waqt li t-tifla l-kbira pprovat taħbi s-sentimenti tagħha, stajt nara d-differenza fiha wkoll.” B’dispjaċir, forsi tħoss li m’għandekx biżżejjed ħin jew enerġija emozzjonali biex tgħin ’l uliedek meta l-iktar ikollhom bżonnok.

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL

  • Inkuraġġixxi ’l uliedek biex jitkellmu miegħek dwar is-sentimenti tagħhom, anki jekk dan donnu jwassal għal “diskors bla ħsieb.”—Ġob 6:2, 3.

  • Żomm irwoli xierqa. Għalkemm forsi tixxennaq għal appoġġ emozzjonali u t-tfal tiegħek donnhom iridu jagħtuhulek, dan ma jkunx sew u ma jagħmilx ġid li titlob lit-tfal jgħinuk fil-problemi tal-kbar. (1 Korintin 13:11) Evita li tiftaħ qalbek mat-tfal jew li tużahom bħala medjaturi jew messaġġieri bejnek u bejn l-eks raġel tiegħek.

  • Żomm il-ħajja taʼ wliedek stabbli. Li żżomm l-istess residenza u skeda hu t’għajnuna, iżda huwa iktar importanti li żżomm rutina tajba spiritwali, inkluż il-qari tal-Bibbja u l-qima tal-familja.—Dewteronomju 6:6-9.

IPPROVA DAN: F’xi ħin dil-ġimgħa, aċċerta ’l uliedek li int tħobbhom u li ma kinux il-kaġun tad-divorzju tal-ġenituri tagħhom. Wieġeb il-mistoqsijiet li jagħmlulek mingħajr ma titfaʼ t-tort fuq il-ġenitur l-ieħor.

Int tistaʼ tkompli b’ħajtek wara d-divorzju. Melissa, li kienet ilha 16-il sena miżżewġa, tgħid, “Meta ddivorzjajna ħsibt, ‘Ma ridtx li ħajti tispiċċa hekk.’” Iżda issa, hi sabet il-ferħ minkejja ċ-ċirkustanzi tagħha. Hi tgħid, “Kien biss meta qtajt qalbi milli nipprova nbiddel il-passat li ħassejtni ħafna aħjar.”

^ Par. 2 Xi ismijiet f’dan l-artiklu ġew mibdulin.

^ Par. 8 Għalkemm f’dan l-artiklu ntuża spiss il-maskil, il-prinċipji japplikaw kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa.

^ Par. 18 Alla jobgħod divorzju falz u magħmul b’qerq. Iżda jekk raġel miżżewweġ jagħmel fornikazzjoni, Alla jagħti lill-mara innoċenti d-dritt li tiddeċiedi jekk tiddivorzjax jew le. (Malakija 2:16; Mattew 19:9) Ara l-artiklu bl-Ingliż “The Bible’s Viewpoint—What Kind of Divorcing Does God Hate?” fil-ħarġa taʼ Stenbaħ! tat-8 taʼ Frar, 1994, ippubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.

STAQSI LILEK INNIFSEK . . .

  • Ħallejt lili nnifsi nitnikket minħabba dak li tlift?

  • Kif nistaʼ ma nibqax inżomm f’qalbi għall-eks raġel tiegħi?