Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 SUĠĠETT PRINĊIPALI | X’INHU L-MESSAĠĠ TAL-BIBBJA?

Kif Bdiet l-Umanità?

Kif Bdiet l-Umanità?

Fi ftit kliem, l-ewwel ktieb tal-Bibbja, il-Ġenesi, jispjega l-oriġini tal-univers: “Fil-bidu Alla ħalaq is-smewwiet u l-art.” (Ġenesi 1:1) Wara li Alla ħalaq il-pjanti u l-annimali, hu ħalaq lill-ewwel bnedmin, Adam u Eva. Huma kienu differenti mill-annimali għax il-bnedmin sa ċertu punt għandhom il-kwalitajiet t’Alla stess, inkluż il-libertà tal-għażla. B’hekk, huma kienu responsabbli għall-azzjonijiet tagħhom. Li kieku obdew l-istruzzjonijiet t’Alla, huma setgħu jkollhom sehem fl-iskop t’Alla bħala l-ewwel ġenituri taʼ familja umana globali li kienet se tgawdi ħajja paċifika u perfetta fuq l-art għal dejjem.

Madankollu, ċertu anġlu ħataf l-opportunità biex juża l-bnedmin għall-vantaġġ egoistiku tiegħu. B’hekk hu sar Satana, li jfisser “Wieħed li Jopponi.” Billi tkellem permezz taʼ serp, Satana qarraq b’Eva u qalilha li tkun aħjar mingħajr il-gwida t’Alla. Adam u Eva segwew lil Satana, u ma baqgħux f’relazzjoni mal-Ħallieq tagħhom. Minħabba l-għażla ħażina tagħhom, l-ewwel ġenituri tagħna tilfu ħajja eterna u lilna għaddewlna d-dnub, l-imperfezzjoni, u mewt ċerta.

Minnufih, Alla ddikjara l-intenzjoni tiegħu biex jirranġa din is-sitwazzjoni tal-biki u jipprovdi lid-dixxendenti t’Adam mezz kif jiksbu ħajja taʼ dejjem. Alla bassar li ‘nisel’—individwu speċjali—fl-aħħar mill-aħħar kien se jeqred lil Satana u jneħħi t-tbatija kollha li kkaġunaw Satana, Adam, u Eva. (Ġenesi 3:15) Min kien se jkun dan in-‘nisel’? Kellu jgħaddi ż-żmien biex isir magħruf.

Sadanittant, Satana l-ħin kollu pprova jġib fix-xejn l-iskop tajjeb t’Alla. Id-dnub u l-ħażen infirxu f’ħakka t’għajn. Alla ddeċieda li jeqred lill-ħżiena f’dilluvju. Lill-bniedem ġust Noè tah istruzzjonijiet biex jibni arka—kaxxa kbira li tifflowtja—biex isalva lilu nnifsu u lill-familja tiegħu, flimkien mal-annimali li ntqallu biex idaħħal fl-arka.

Sena wara li beda d-Dilluvju, Noè u l-familja tiegħu ħarġu mill-arka għal fuq art imnaddfa. Imma n-‘nisel’ kien għadu ma deherx.

Ibbażat fuq Ġenesi kapitli 1-11; Ġuda 6, 14, 15; Rivelazzjoni 12:9.