Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 SUĠĠETT PRINĊIPALI | X’INHU L-MESSAĠĠ TAL-BIBBJA?

Aħbar Tajba għall-Bnedmin Kollha

Aħbar Tajba għall-Bnedmin Kollha

L-irxoxt taʼ Ġesù mela lid-dixxipli tiegħu b’konvinzjoni u żelu. Pereżempju, l-appostlu Pawlu vvjaġġa min-naħa għall-oħra tal-Asja Minuri u l-Mediterran. Hu organizza kongregazzjonijiet u saħħaħ lill-Kristjani biex jibqgħu sodi minkejja l-pressjonijiet morali u l-oppożizzjoni vjolenti. Għalkemm kellhom dawn l-isfidi, il-Kristjanità ssaħħet u nfirxet.

Pawlu nnifsu ġie mitfugħ il-ħabs. Però, anki hemmhekk kiteb ittri taʼ inkuraġġiment u pariri lill-kongregazzjonijiet Kristjani. Hu wissa dwar theddida saħansitra akbar—l-apostasija. Iggwidat mill-ispirtu qaddis, Pawlu ra bil-quddiem li “lpup ħorox” li jitkellmu “affarijiet mgħawġin” kienu se jidħlu fosthom u “jiġbdu lid-dixxipli għal warajhom.”—Atti 20:29, 30.

Sa tmiem l-ewwel seklu, din l-apostasija kienet bdiet. Madwar dak iż-żmien, Ġesù rxoxtat ta lill-appostlu Ġwanni r-Rivelazzjoni, viżjoni simbolika tal-futur. Bħalma kiteb Ġwanni dak iż-żmien, la l-opponenti u lanqas l-għalliema foloz ma kienu se jżommu lil Alla milli jwettaq għalkollox l-iskop oriġinali tiegħu għall-art u għall-umanità. “Kull ġens u tribù u lsien u poplu” se jismaʼ l-aħbar tajba dwar is-Saltna t’Alla. (Rivelazzjoni 14:6) L-art se tiġi restawrata f’Ġenna, u kull min jixtieq jagħmel ir-rieda t’Alla jistaʼ jkun hemm!

Mhijiex din “aħbar tajba” għalik? Jekk inhu hekk, tgħallem iktar dwar il-messaġġ tal-Bibbja li Alla għandu għall-bniedem u kif tistaʼ tibbenefika llum u fil-futur.

Tistaʼ taqra l-Bibbja onlajn minn fuq www.jw.org/mt. Minn fuq din il-Websajt tistaʼ teżamina wkoll il-browxers Il-Bibbja—X’Inhu l-Messaġġ Tagħha? u Aħbar Tajba Mingħand Alla! kif ukoll il-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? flimkien maʼ pubblikazzjonijiet oħrajn li jiddiskutu għala nistgħu nafdaw il-Bibbja u kif nistgħu napplikaw il-pariri prattiċi tagħha fil-familja u f’ħajjitna. Jew staqsi lil wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova għall-iktar informazzjoni.

Ibbażat fuq Atti, Efesin, Filippin, Kolossin, Filemon, 1 Ġwanni, Rivelazzjoni.