Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 IL-BIBBJA TBIDDEL IL-ĦAJJIET

“Ħafna Nies Kienu Jobogħduni”

“Ħafna Nies Kienu Jobogħduni”
  • SENA TAT-TWELID: 1978

  • POST TAT-TWELID: IĊ-ĊILÌ

  • STORJA: VJOLENTI ĦAFNA

IL-PASSAT TIEGĦI:

Trabbejt f’Santiago, il-belt kapitali taċ-Ċilì, fi nħawi fejn id-droga, il-kriminalità, u gruppi li jaqilgħu l-inkwiet kienu komuni. Meta kelli ħames snin, missieri ġie maqtul. Imbagħad ommi għexet maʼ raġel li kien kattiv. Kien isawwatna b’mod regulari. Għad għandi feriti emozzjonali taʼ dawk is-snin.

Hekk kif kont qed nikber, irreaġixxejt għall-influwenzi negattivi billi sirt vjolenti ħafna. Kont nismaʼ mużika heavy-metal, nixrob iżżejjed, u kultant ħadt xi droga. Spiss kont nieħu sehem fi ġlied li kien isir fit-toroq maʼ bejjiegħa tad-droga, li kemm-il darba pprovaw joqtluni. Darba minnhom, grupp kriminali ħallsu lil raġel magħruf li kellu fama ħażina biex joqtolni, imma rnexxieli naħrab b’daqqa taʼ sikkina biss. Darb’oħra, grupp taʼ bejjiegħa tad-droga għamluli pistola maʼ rasi u pprovaw jgħallquni.

Fl-1996, bdejt inħobb mara jisimha Carolina, u fl-1998 iżżewwiġna. Wara li twieled l-ewwel tifel, bżajt li minħabba l-karattru vjolenti tiegħi, kont se nkun bħar-raġel t’ommi u nabbuża mill-familja tiegħi. Allura fittixt l-għajnuna f’ċentru lokali taʼ riabilitazzjoni. Ingħatajt kura medika u terapija, iżda kien kollu għalxejn. Bqajt nirrabja fuq kull ħaġa taʼ xejn; kont bla kontroll. Biex mingħalija nieqaf inweġġa’ l-familja tiegħi pprovajt nagħmel suwiċidju. Fortunatament, ma rnexxilix.

Għal ħafna snin kont ateu, imma ridt nemmen f’Alla. Allura għal xi żmien bdejt nattendi reliġjon evanġelika. Sadattant, marti kienet qed tistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova. Kont nobgħodhom lix-Xhieda, u ħafna drabi għajjatt magħhom b’mod offensiv. Iżda dejjem wiġbuni bil-kelma t-tajba, xi ħaġa li ma stennejthiex.

Darba Carolina talbitni nfittex Salm 83:18 fil-Bibbja tiegħi stess. Dan il-vers jgħid ċar li isem Alla hu Ġeħova. Bqajt skantat meta rrealizzajt li fir-reliġjon tiegħi kont tgħallimt dwar alla, imma mhux dwar Ġeħova. Fil-bidu tas-sena 2000, anki jien bdejt nistudja l-Bibbja max-Xhieda.

 KIF IL-BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI:

Hekk kif kont qed nagħmel progress, sibt faraġ meta tgħallimt li Ġeħova hu Alla li jaf jagħder u jaħfer. Pereżempju, f’Eżodu 34:6, 7, il-Bibbja tiddeskrivi lil Ġeħova bħala “Alla ħanin u grazzjuż, bil-mod biex jirrabja u għani fil-qalb tajba bl-imħabba u l-verità, jerfaʼ l-qalb tajba bl-imħabba għal eluf, jaħfer l-iżball u l-ksur tal-liġi u d-dnub.”

Sibt faraġ meta tgħallimt li Ġeħova hu Alla li jaf jagħder u jaħfer

Minkejja dan, ma kienx faċli napplika dak li kont qed nitgħallem. Kont konvint li qatt ma kont se nkun nistaʼ nikkontrolla l-karattru vjolenti tiegħi. Kull darba li nqast, Carolina bi mħabba inkuraġġietni. Fakkritni li Ġeħova ta kas l-isforzi tiegħi. L-appoġġ tagħha tani s-saħħa nkompli nipprova nogħġob lil Ġeħova, avolja spiss kont inħossni li ma niswa għalxejn.

Darba, Alejandro, li kien jagħmilli l-istudju, talabni naqra Galatin 5:22, 23. Dawn il-versi jgħidu li l-frott tal-ispirtu t’Alla hu “l-imħabba, il-ferħ, il-paċi, is-sabar fit-tul, il-qalb tajba, it-tjubija, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażna.” Alejandro spjega li biex niżviluppa dawn il-kwalitajiet ma kienx jiddependi mis-saħħa tiegħi stess, imma mill-ispirtu qaddis t’Alla. Din il-verità bidlet kompletament il-ħarsa tiegħi.

Iktar tard, attendejt konvenzjoni kbira tax-Xhieda taʼ Ġeħova. L-ordni, l-indafa, u l-ħbiberija li rajt hemm ikkonvinċewni li kont sibt ir-reliġjon vera. (Ġwanni 13:34, 35) Tgħammidt fi Frar tal-2001.

KIF IBBENEFIKAJT:

Ġeħova biddilni minn raġel vjolenti għal wieħed li jġib il-paċi. Inħoss li refagħni mill-ħama li kont maqbud fiha. Ħafna nies kienu jobogħduni, u ma ntihomx tort. Iżda issa nieħu pjaċir naqdi lil Ġeħova fil-paċi flimkien maʼ marti u ż-żewġ subien tagħna.

Tal-familja u l-ħbieb li kelli qabel ma jistgħux jemmnu kemm inbdilt. B’riżultat taʼ dan, uħud minnhom urew interess f’li jitgħallmu l-verità tal-Bibbja. Barra minn hekk, kelli l-privileġġ li ngħin lil oħrajn isiru jafu lil Ġeħova. Xi pjaċir kien li nara l-verità tal-Bibbja tbiddlilhom ħajjithom ukoll!