Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

It-Tmiem tat-Tbatija Huwa Qrib!

It-Tmiem tat-Tbatija Huwa Qrib!

Immaġinak tgħix f’dinja ħielsa mit-tbatija—dinja mingħajr kriminalità, gwerer, mard, u diżastri naturali. Immaġinak tqum kull filgħodu u ma jkollokx għalfejn tinkwieta dwar id-diskriminazzjoni, il-moħqrija, jew l-inċertezzi ekonomiċi. Taħseb li dan huwa impossibbli? Veru, ebda bniedem jew organizzazzjoni fuq l-art ma tistaʼ ġġib kundizzjonijiet bħal dawn. Imma Alla wiegħed li jelimina dak kollu li jikkaġuna t-tbatija umana, inkluż dak li ddiskutejna fl-artiklu taʼ qabel. Innota l-wegħdi li ġejjin mill-Kelma t’Alla, il-Bibbja:

IL-ĦAKMA TAʼ TMEXXIJA TAJBA

“L-Alla tas-sema jwaqqaf saltna li qatt ma tinqered. U din is-saltna ma tgħaddix għal għand poplu ieħor. Hi se tfarrak u ttemm dawn is-saltniet kollha, u hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem.”—Danjel 2:44.

Is-Saltna t’Alla hija gvern tas-sema. Il-Ħakkiem magħżul tagħha, Ġesù Kristu, se jaħkem flok il-ħakmiet kollha tal-bnedmin u se jiżgura li r-rieda t’Alla ma ssirx biss fis-sema imma wkoll hawnhekk fuq l-art. (Mattew 6:9, 10) L-ebda tmexxija umana mhi se tieħu post din it-tmexxija għaliex din hi “s-saltna taʼ dejjem tal-Mulej u s-Salvatur tagħna Ġesù Kristu.” Paċi dejjiema se tkun garantita.—2 Pietru 1:11.

DAQSHEKK RELIĠJON FALZA

“Satana nnifsu jibqaʼ jinbidel f’anġlu tad-dawl. Għalhekk, mhix ħaġa kbira li l-ministri tiegħu wkoll jibqgħu jinbidlu f’ministri tal-ġustizzja. Imma tmiemhom ikun skond għemilhom.”—2 Korintin 11:14, 15.

Ir-reliġjon falza se tiġi mikxufa bħala li hi x-xogħol tax-Xitan u se tiġi eliminata minn fuq wiċċ l-art. Se jispiċċa l-preġudizzju u t-tixrid taʼ demm kaġunati mir-reliġjon. Dan se jippermetti lil dawk kollha li jħobbu lill-“Alla ħaj u veru” biex iqimuh b’“fidi waħda” u “bl-ispirtu u l-verità.” X’paċi u unità se jkun hemm!—1 Tessalonikin 1:9; Efesin 4:5; Ġwanni 4:23.

MA JKUNX HEMM IKTAR IMPERFEZZJONI UMANA

“Alla stess ikun magħhom. U jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ. L-affarijiet taʼ qabel ikunu spiċċaw.”—Rivelazzjoni 21:3, 4.

 Alla Ġeħova jagħmel dan possibbli permezz taʼ Ibnu, Ġesù, li ta ħajtu għad-dinja tal-bnedmin. (Ġwanni 3:16) Bid-direzzjoni taʼ Ġesù, il-bnedmin se jsiru perfetti. Mhux se jkun hemm iktar tbatija għaliex “Alla stess ikun magħhom” u se “jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom.” L-imperfezzjoni u t-tbatija tal-bniedem dalwaqt se jkunu xi ħaġa tal-imgħoddi; “il-ġusti se jirtu l-art, u jgħammru fiha għal dejjem.”—Salm 37:29.

MA JKUNX HEMM SPIRTI MILL-AGĦAR

Ġesù Kristu “ħataf lid-dragun, is-serp oriġinali, li hu x-Xitan u Satana, u rabtu għal elf sena. U xeħtu fl-abbiss, li mbagħad għalqu fih u ssiġillah, biex ma jqarraqx iktar bil-ġnus.”—Rivelazzjoni 20:2, 3.

L-influwenza satanika kollha se tispiċċa meta Satana u d-demonji jiġu marbutin u mixħutin “fl-abbiss,” stat taʼ inattività totali. Huma mhux se jeżerċitaw iktar il-kontroll mill-agħar tagħhom fuq il-kwistjonijiet tal-bnedmin. Kemm se jkun taʼ serħan li tgħix f’dinja ħielsa mill-influwenza taʼ Satana u l-ispirti mill-agħar!

“L-AĦĦAR JIEM” IKUNU SPIĊĊAW

“L-aħħar jiem” se jispiċċaw b’dik li Ġesù sejħilha “tribulazzjoni kbira.” Hu qal: “Ikun hemm tribulazzjoni kbira li qatt ma kien hawn bħalha mill-bidu tad-dinja s’issa, le, lanqas jerġaʼ jkun hawn.”—Mattew 24:21.

It-tribulazzjoni se tkun kbira fis-sens li se jkun hawn gwajijiet li qatt ma kien hawn bħalhom. Dawn se jilħqu l-quċċata tagħhom fil-“gwerra tal-jum il-kbir t’Alla li Jistaʼ Kollox,” magħrufa l-iktar bħala “Armageddon.”—Rivelazzjoni 16:14, 16, nota taʼ taħt.

Kullimkien, in-nies li jħobbu dak li hu sewwa jħarsu ’l quddiem lejn it-tmiem taʼ din is-sistema. Ikkunsidra biss ftit mill-barkiet li hemm jistennewhom taħt is-Saltna t’Alla.

ALLA SE JAGĦMEL SAĦANSITRA IKTAR!

“Folla kbira” se tibqaʼ ħajja u tidħol f’dinja ġdida taʼ paċi: Il-Kelma t’Alla tgħid li “folla kbira” taʼ nies li ħadd ma jistaʼ jgħoddha se ‘toħroġ mit-tribulazzjoni l-kbira’ u tibqaʼ ħajja f’dinja ġdida taʼ tjieba. (Rivelazzjoni 7:9, 10, 14; 2 Pietru 3:13) Is-salvazzjoni tagħhom se jkunu jafuha lil Ġesù Kristu, “il-Ħaruf t’Alla li jneħħi d-dnub tad-dinja.”—Ġwanni 1:29.

Edukazzjoni divina se ġġib benefiċċji kbar: Fid-dinja l-ġdida, “l-art se tkun mimlija bl-għarfien taʼ Ġeħova.” (Isaija 11:9) Din l-edukazzjoni divina se tinkludi istruzzjonijiet dwar kif wieħed jgħix fil-paċi man-nies kollha u f’armonija mal-ambjent. Alla jwiegħed: “Jien, Ġeħova, jien Alla tiegħek, li ngħallmek għall-ġid tiegħek, li mmexxik fit-triq li għandek timxi.”—Isaija 48:17.

L-għeżież mejtin tagħna se jiġu mqajmin mill-qabar: Waqt li kien fuq l-art, Ġesù qajjem mill-mewt lill-ħabib tiegħu Lazzru. (Ġwanni 11:1, 5, 38-44) B’hekk, hu wera dak li se jagħmel fuq skala ferm akbar taħt l-arranġament tas-Saltna t’Alla.—Ġwanni 5:28, 29.

Il-paċi u s-sewwa se jibqgħu għal dejjem: Taħt il-ħakma taʼ Kristu, il-ksur tal-liġi se jkun xi ħaġa tal-imgħoddi. Kif nafuh dan? Għaliex Ġesù kapaċi jaqra l-qlub, u se juża din l-abbiltà biex jiġġudika bejn il-ġusti u dawk mill-agħar. Dawk li jirrifjutaw li jbiddlu l-modi ħżiena tagħhom mhumiex se jitħallew jgħixu fid-dinja l-ġdida t’Alla.—Salm 37:9, 10; Isaija 11:3, 4; 65:20; Mattew 9:4.

Ikkunsidrajna biss ftit mill-ħafna profeziji tal-Bibbja li jitkellmu dwar iż-żmien meraviljuż li ġej. Meta s-Saltna t’Alla teżerċita l-ħakma fuq l-art, se jkun hawn “sliem kotran” għal dejjem. (Salm 37:11, 29) Dak kollu li jikkaġuna l-uġigħ u t-tbatija u li jnikket lill-bnedmin se jispiċċa. Nistgħu nkunu ċerti minn dan għax Alla wiegħed: “Ara! Qed nagħmel kollox ġdid. . . . Dan il-kliem hu żgur u veru.”—Rivelazzjoni 21:5.