Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Għala Din it-Tbatija Kollha?

Għala Din it-Tbatija Kollha?

Biex nifhmu għala hawn daqstant tbatija u għala l-bnedmin bl-isforzi kollha tagħhom ma rnexxilhomx jeliminawha, jeħtieġ li nidentifikaw x’qiegħed verament jikkaġunaha. Għalkemm il-kaġuni huma differenti u komplikati, nistgħu nkunu grati li l-Bibbja tistaʼ tgħinna nidentifikawhom. F’dan l-artiklu se neżaminaw ħames raġunijiet fundamentali għala hawn daqstant tbatija. Nistidnuk tikkunsidra b’attenzjoni dak li tgħid il-Bibbja u tara kif il-Kelma t’Alla tgħinna biex nifhmu sew x’inhu l-kaġun veru taʼ din il-problema importanti. —2 Timotju 3:16.

L-EFFETTI TAʼ TMEXXIJA ĦAŻINA

Il-Bibbja tgħid: “Meta jaħkem xi ħadd mill-agħar, in-nies jitniehdu.”—Proverbji 29:2.

L-istorja hija mimlija b’dittaturi li ħakmu b’id tal-ħadid, u li ġabu tbatija liema bħalha lis-sudditi tagħhom. M’għandniex xi ngħidu, dan ma jgħoddx għall-ħakkiema kollha. Xi wħud għandu mnejn ikollhom intenzjonijiet tajbin għal sħabhom il-bnedmin. Madankollu, ladarba jkunu fil-poter, spiss isibu li l-isforzi tagħhom jiġu mfixklin minħabba ġlied intern u kompetizzjoni għall-poter. Jew inkella jabbużaw mill-poter tagħhom għall-gwadann persunali, b’dannu għan-nies. “L-istorja hija rakkont taʼ sforzi li fallew, taʼ tamiet li ma twettqux,” qal Henry Kissinger, li kien is-Segretarju tal-Istat fl-Amerika.

Rigward il-bniedem, il-Bibbja tgħid ukoll: “Lanqas min jimxi ma jistaʼ jidderieġi l-passi tiegħu.” (Ġeremija 10:23) Bnedmin imperfetti m’għandhomx l-għerf meħtieġ u mhumiex kapaċi jaraw bil-quddiem kif jistaʼ jirnexxilhom iwettqu l-pjanijiet kollha tagħhom stess. Jekk in-nies lanqas biss jafu jidderieġu l-passi tagħhom stess, kif jistgħu jidderieġu l-passi taʼ ġens sħiħ? Tistaʼ int tara għala l-ħakkiema umani m’għandhomx l-abbiltà li jeliminaw it-tbatija? Fil-fatt, iktar iva milli le, tmexxija jew ħakma ħażina hija l-kaġun tat-tbatija!

L-INFLUWENZA TAR-RELIĠJON FALZA

Ġesù qal: “B’dan ikun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.”—Ġwanni 13:35.

Il-mexxejja reliġjużi taʼ kull twemmin u grupp jippritkaw l-imħabba u l-unità. Ir-realtà hi li dawn naqsu li jnaqqxu fis-segwaċi tagħhom imħabba qawwija biżżejjed li tegħleb il-preġudizzji. Minflok ma tgħin biex tiġi kultivata l-imħabba, ir-reliġjon spiss tikkontribwixxi għall-firda, ir-razziżmu, u l-ġlied fost popli u gruppi nazzjonali. Fil-konklużjoni tal-ktieb Christianity and the World Religions, it-teologu Hans Küng kiteb: “L-iktar ġlied politiku fanatiku u kiefer hu dak li ġie influwenzat, ispirat, u permess mir-reliġjon.”

 Barra minn hekk, il-membri tal-kleru taʼ ħafna reliġjonijiet għalqu għajnejhom għas-sess qabel u barra ż-żwieġ kif ukoll għall-omosesswalità. Dan ġab tixrid taʼ mard, abort, tqala mhix mixtieqa, u żwiġijiet u familji mkissrin, u r-riżultat kien uġigħ u tbatija liema bħalhom.

L-IMPERFEZZJONI UMANA U X-XEWQAT EGOISTIĊI

“Kull bniedem jiġi provat billi jkun miġbud u mħajjar mix-xewqa tiegħu stess. Imbagħad, meta x-xewqa ssir fertili, tiled id-dnub.” —Ġakbu 1:14, 15.

Minħabba li writna l-imperfezzjoni, ilkoll kemm aħna nonqsu u niżbaljaw u jkollna niġġieldu kontra x-xewqa li ‘nagħmlu dak li jrid il-laħam.’ (Efesin 2:3) U jkun speċjalment diffiċli li nwarrbu xewqa ħażina meta jkollna l-opportunità li nwettquha. Imma jekk inċedu għal xi xewqa li tagħmlilna l-ħsara, l-effetti jistgħu jkunu devastanti.

L-awtur P. D. Mehta kiteb: “Il-biċċa l-kbira mit-tbatija li tiġi fuqna hi minħabba l-kilba tagħna, minħabba li nkunu moħħna biss biex infittxu l-pjaċiri u nikkuntentaw lilna nfusna, u minħabba r-regħba u l-ambizzjoni tagħna stess.” Kull xorta taʼ xenqiet u vizzji—l-alkoħol, id-drogi, il-logħob tal-ażżard, is-sess, u affarijiet bħal dawn—kienu r-rovina taʼ ħafna “ċittadini rispettabbli” u ġabu t-tbatija fuq il-familji tagħhom, fuq ħbiebhom, u fuq oħrajn. Peress li l-bnedmin huma imperfetti, ikollna naqblu mal-Bibbja meta tgħid: “Aħna nafu li s’issa l-ħolqien kollu għadu jokrob u jħoss l-uġigħ flimkien.”—Rumani 8:22.

IL-QAWWA TAL-ISPIRTI MILL-AGĦAR

Il-Bibbja tgħid li Satana hu “l-alla taʼ din is-sistema” u li miegħu ngħaqdu spirti qawwijin li jissejħu demonji.—2 Korintin 4:4; Rivelazzjoni 12:9.

Bħal Satana, id-demonji huma attivi f’li jikkontrollaw u jqarrqu bin-nies. L-appostlu Pawlu rrikonoxxa dan meta qal: “Aħna ma nissarawx kontra d-demm u l-laħam, imma kontra l-gvernijiet, kontra l-awtoritajiet, kontra l-ħakkiema dinjin taʼ dan id-dlam, kontra l-forzi taʼ l-ispirti mill-agħar fil-postijiet tas-sema.”—Efesin 6:12.

Filwaqt li d-demonji l-għaxqa tagħhom jaħqru lin-nies, din mhijiex il-mira prinċipali tagħhom. Huma jixtiequ jbiegħdu lin-nies mill-Alla l-Iktar Għoli, Ġeħova. (Salm 83:18) Prattiki bħalma huma l-astroloġija, il-maġija, is-seħer, u l-qari tax-xorti huma biss ftit mill-modi li jużaw id-demonji biex iqarrqu bin-nies u jikkontrollawhom. Huwa għalhekk li Ġeħova jiftħilna għajnejna dwar dawn il-perikli u joffri protezzjoni lil dawk kollha li jopponu lix-Xitan u d-demonji.—Ġakbu 4:7.

QED NGĦIXU “FL-AĦĦAR JIEM”

Xi elfejn sena ilu, il-Bibbja bassret: “Kun af dan, li fl-aħħar jiem ikun hawn żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom.”

Biex turi x’jagħmel lil dawn iż-żminijiet kritiċi, il-Bibbja tkompli tgħid: “Għax in-nies ikunu jħobbu lilhom infushom, iħobbu l-flus, minfuħin bihom infushom, suppervi, . . . mingħajr imħabba naturali, ma jkunux iridu jiftiehmu, kalunnjaturi, mingħajr rażna, feroċi, mingħajr imħabba għat-tajjeb, tradituri, rashom iebsa, imkabbrin, iħobbu l-pjaċiri minflok ma jħobbu lil Alla.” Ċertament, raġuni fundamentali għat-tbatija kollha li naraw illum hi li qed ngħixu “fl-aħħar jiem.”—2 Timotju 3:1-4.

Meta nqisu l-aspetti li kkunsidrajna, ma jidhirx ċar għala l-bnedmin mhumiex kapaċi jtemmu t-tbatija, minkejja l-intenzjonijiet tajbin li jkollhom? Allura, għand min nistgħu mmorru għall-għajnuna? Għandna nduru lejn il-Ħallieq tagħna, li wegħedna li se “jkisser l-għemejjel tax-Xitan” u tas-segwaċi tiegħu. (1 Ġwanni 3:8) L-artiklu li jmiss se jikkunsidra dak li se jagħmel Alla biex jelimina dak kollu li qed jikkaġuna t-tbatija.