Nannuwi u missieri kienu jgħixu f’dar li ma kinitx lesta minn kollox f’Cotiujeni, raħal fil-kampanja fit-Tramuntana taʼ dik li llum hija l-Moldova. Jien twelidt hemm f’Diċembru tal-1939. Fil-bidu tas-snin 30, huma kienu saru Xhieda taʼ Ġeħova. Ommi wkoll saret Xhud wara li rrealizzat li n-nannu kien jaf il-Bibbja iktar mill-qassis tar-raħal.

Meta kelli tliet snin, missieri, zijuwi, u nannuwi ġew deportati lejn kampijiet taʼ xogħol iebes minħabba li żammew in-newtralità Kristjana. Missieri biss baqaʼ ħaj. Fl-1947, wara t-Tieni Gwerra Dinjija, hu reġaʼ lura d-dar bi ksur f’dahru. Għalkemm fiżikament kien f’qagħda mwiegħra, hu kien għadu sod fil-fidi.

BIDLIET DRAMMATIĊI F’ĦAJJITNA

Meta kelli disaʼ snin, il-familja tagħna u mijiet taʼ Xhieda oħra fil-Moldova ġew eżiljati lejn is-Siberja. Fis-6 taʼ Lulju, 1949, għabbewna f’vaguni tal-bhejjem. Wara 12-il ġurnata u iktar minn 6,400 kilometru taʼ vvjaġġar kontinwu, waqafna fl-istazzjon tal-ferrovija taʼ Lebyazhe. L-awtoritajiet lokali kienu qed jistennewna. Ġejna mqassmin fi gruppi żgħar u mill-ewwel ġejna mferrxin maʼ dawk l-inħawi. Skola żgħira vojta saret id-dar għall-grupp tagħna. Konna għajjenin mejta u qalbna sewda. Mara anzjana li kienet magħna iħħammjat għanja li kitbuha xi Xhieda matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Fi ftit ħin, kollha kemm aħna ngħaqadna magħha nkantaw mill-qalb il-kliem:

“Tant aħwa ġew eżiljati ’l bogħod.

Ħaduhom lejn it-Tramuntana u l-Lvant.

Talli għamlu x-xogħol t’Alla, is-sentenza kienet t’għawġ, u raw il-mewt bil-provi li ssaportew.”

Maż-żmien, stajna nattendu l-laqgħat tal-Bibbja kull nhar taʼ Ħadd f’post xi 13-il kilometru ’l bogħod mid-dar tagħna. Spiss konna nitilqu kmieni fid-dlam taʼ filgħodu u nimxu f’borra m’għola l-qadd meta t-temperaturi kienu 40 grad taħt iż-żero. Ħamsin jew iktar minna konna nkunu marsusin f’kamra taʼ 19-il metru kwadru. Konna nibdew billi nkantaw għanja jew tnejn u ġieli anki tlieta. Kienet tintqal talba sinċiera mill-qalb, u kienu jiġu diskussi mistoqsijiet dwar il-Bibbja. Dan kien ikompli għal xi siegħa. Konna nkantaw iktar għanjiet, u jiġu diskussi iktar mistoqsijiet dwar il-Bibbja. Kemm kien żmien taʼ inkuraġġiment spiritwali!

SFIDI ĠODDA X’NIFFAĊĊJAW

Fl-istazzjon tal-ferrovija fi Dzhankoy, madwar l-1974

Sal-1960, ix-Xhieda eżiljati ngħataw iktar libertà. Għalkemm konna foqra, jien stajt inżur il-Moldova, fejn iltqajt maʼ Nina, li l-ġenituri u n-nanniet tagħha kienu wkoll Xhieda. F’qasir żmien iżżewwiġna u morna lura s-Siberja, fejn fl-1964 kellna tifla, Dina, u fl-1966 kellna tifel, Viktor. Sentejn wara, morna l-Ukraina u konna noqogħdu f’dar  żgħira f’Dzhankoy, belt xi 160 kilometru minn Yalta, fil-peniżola tal-Krimea.

Fil-Krimea, l-attivitajiet tax-Xhieda taʼ Ġeħova kienu pprojbiti, bħalma kienu għadhom fil-bqija tal-Unjoni Sovjetika. Imma x-xogħol tagħna ma kienx ristrett għalkollox u lanqas ma kellna xi persekuzzjoni kbira. Minħabba f’hekk, xi Xhieda bdew jitilfu ż-żelu li kellhom għall-verità. Huma rraġunaw li ladarba kienu tant batew fis-Siberja, kien xieraq li issa jaħdmu iebes biex jiksbu xi kumditajiet.

ŻVILUPPI EĊĊITANTI

Fis-27 taʼ Marzu tal-1991, l-attività tagħna f’dik li kienet magħrufa bħala l-Unjoni Sovjetika ġiet rikonoxxuta legalment. Minnufih, saru pjanijiet biex jinżammu sebaʼ konvenzjonijiet speċjali taʼ jumejn madwar il-pajjiż kollu. Aħna kellna nattendu dik li kienet se ssir f’Odessa, l-Ukraina, li kellha tibda fl-24 t’Awwissu. Jien wasalt xahar qabel biex nagħti daqqa t’id biex jiġi ppreparat il-grawnd il-kbir tal-futbol għall-konvenzjoni.

Konna naħdmu sigħat twal, u spiss bil-lejl konna norqdu fuq il-bankijiet. Timijiet taʼ Xhieda nisa naddfu l-ġnien madwar il-grawnd u nġabru mas-70 tunnellata skart. Dawk inkarigati mill-akkomodazzjoni ħartu l-belt biex isibu fejn joqogħdu l-15,000 delegat li kienu mistennijin jattendu. Imbagħad, ħabta u sabta, aħbar xokkanti!

Fid-19 t’Awwissu—ħamest ijiem biss qabel ma kellha tibda l-konvenzjoni tagħna—Mikhail Gorbachev, li dak iż-żmien kien il-president tal-Unjoni Sovjetika, ġie arrestat meta kien qiegħed fuq btala qrib Yalta. L-approvazzjoni għall-konvenzjoni tagħna ġiet ikkanċellata. Id-delegati bdew iċemplu l-uffiċċju tal-konvenzjoni u jistaqsu, “X’għandna nagħmlu peress li bbukkjajna l-kowċ u l-ferrovija?” Wara talb bil-ħrara, dawk li kienu responsabbli biex jorganizzaw il-konvenzjoni qalulhom, “Ejjew xorta waħda!”

Il-preparazzjoni u t-talb komplew. Dawk inkarigati mit-trasport bdew jiltaqgħu mad-delegati li bdew jaslu minn ħafna partijiet tal-Unjoni Sovjetika u jiħduhom fejn kienu se joqogħdu. Kull filgħodu, membri tal-Kumitat tal-Konvenzjoni kienu jitilqu mill-uffiċċju tagħhom biex jiltaqgħu mal-uffiċjali tal-belt. Kull filgħaxija kienu jirritornaw mingħajr aħbar pożittiva.

IT-TALB TAGĦNA MISMUGĦ

Il-Ħamis, 22 t’Awwissu—ġurnata waħda qabel ma kellha tibda l-konvenzjoni—membri tal-Kumitat tal-Konvenzjoni rritornaw b’aħbar tajba: Il-konvenzjoni ġiet approvata! X’ferħ kbir ħassejna waqt li kantajna l-għanja u ngħaqadna fit-talba tal-ftuħ. Is-Sibt, wara s-sessjoni tal-għeluq, bqajna hemm sa tard filgħaxija, nitkellmu u nġeddu l-ħbiberiji. Dawn il-Kristjani kellhom fidi tant qawwija li żammew sodi fl-iktar provi ħorox.

Konvenzjoni f’Odessa, fl-1991

Matul it-22 sena taʼ wara din il-konvenzjoni, sar progress spiritwali liema bħalu. Inbnew Swali tas-Saltna madwar l-Ukraina kollha, u n-numru taʼ pubblikaturi tas-Saltna żdied minn 25,000 fl-1991 għal 150,000 issa!

GĦADNA GĦONJA SPIRITWALMENT

Il-familja tagħna għada tgħix fl-istess dar fi Dzhankoy, li issa hi belt taʼ xi 40,000 ruħ. Għalkemm konna biss ftit familji taʼ Xhieda hawnhekk meta wasalna mis-Siberja fl-1968, issa hawn sitt kongregazzjonijiet fi Dzhankoy.

Anki l-familja tiegħi kibret fin-numru. Issa b’kollox qegħdin erbaʼ ġenerazzjonijiet naqdu lil Ġeħova—jien u marti, it-tfal tagħna, it-tfal tagħhom, u t-tfal tat-tfal.