Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 ERSAQ QRIB LEJN ALLA

“Alla Jħobb lil Min Jagħti bil-Ferħ”

“Alla Jħobb lil Min Jagħti bil-Ferħ”

Liema tip taʼ rigal iġiegħlek tħossok verament grat? Mingħajr dubju ħafna minna nieħdu pjaċir nirċievu rigal mingħand xi ħadd li jkun imqanqal mill-imħabba, u mhux għax ikun iħossu obbligat. Meta jingħata rigal, il-motiv huwa importanti. Huwa importanti għalina, u iktar minn hekk, hu importanti għal Alla. Ikkunsidra l-kliem ispirat tal-appostlu Pawlu li nsibu fit-2 Korintin 9:7.

Pawlu għala kiteb dan il-kliem? Hu ried jinkuraġġixxi lill-Kristjani Korintin biex jappoġġaw finanzjarjament lil sħabhom fit-twemmin li kienu fil-bżonn fil-Lhudija. Ipprova hu jġiegħel lill-Korintin jikkontribwixxu? Għall-kuntrarju, hu kiteb: “Ħa jagħmel kull wieħed bħalma jkun iddeċieda f’qalbu, mhux kontra qalbu jew bilfors, għax Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ.” Ejja neżaminaw iktar mill-qrib dan il-parir.

“Bħalma jkun iddeċieda f’qalbu.” Pawlu nnota li Kristjan ġenwin jagħti għax ikun iddeċieda ‘f’qalbu’ li jagħmel hekk. B’hekk, Kristjan jaħseb bis-serjetà dwar il-bżonnijiet tal-aduraturi sħabu. Studjuż jgħid li fil-lingwa oriġinali l-kelma tradotta “ddeċieda” “għandha l-idea li wieħed ikun iddetermina minn qabel.” Għalhekk, Kristjan jikkunsidra l-bżonnijiet taʼ sħabu fit-twemmin u jsaqsi lilu nnifsu x’jistaʼ jagħmel biex jgħin.—1 Ġwanni 3:17.

“Mhux kontra qalbu jew bilfors.” Pawlu nnota żewġ modi taʼ għoti—li dak li jkun jagħti fuq qalbu jew jiġi sforzat—li fost il-Kristjani veri m’hemmx posthom. Xi ħadd li jagħti kontra qalbu, jew fuq qalbu, ikun “imnikket bil-ħsieb li jkollu jdaħħal idejh fil-but,” jgħid xogħol taʼ referenza. Wieħed li jagħti għax ikun sforzat, jagħmel hekk minħabba li jħossu mġiegħel. Min minna jixtieq jirċievi rigal mingħand xi ħadd li jagħti fuq qalbu jew għax ikun sforzat?

“Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ.” Ladarba Kristjan ikun iddeċieda li jagħti, Pawlu jgħid li għandu jagħmel dan bil-ferħ. Tabilħaqq, l-hena jiġi meta dak li jkun jagħti b’motiv xieraq. (Atti 20:35) Il-ferħ taʼ dak li jagħti jkun evidenti għal ħaddieħor. Infatti, it-terminu “bil-ferħ” jistaʼ jiddeskrivi tajjeb kemm is-sentimenti kif ukoll l-espressjoni taʼ dak li jagħti. Aħna ninġibdu lejn min jagħti bil-ferħ. Hu jferraħ ukoll qalb Alla. Traduzzjoni oħra tgħid: “Alla jħobb lin-nies li jħobbu jagħtu.”—Contemporary English Version.

“Alla jħobb lin-nies li jħobbu jagħtu”

Il-kliem ispirat tal-appostlu Pawlu hu prinċipju taʼ gwida għal Kristjani. Sew jekk qed nagħtu mill-ħin, mill-enerġija, jew mill-affarijiet materjali tagħna, ejja nagħmlu hekk minn jeddna u għax insibu ferħ ġenwin f’li nkunu ġenerużi maʼ ħaddieħor, speċjalment maʼ dawk fil-bżonn. Għoti bħal dan mhux biss iferraħna imma wkoll jagħmilna għeżież għal Alla, għax hu “jħobb lil min jagħti bil-ferħ.”

QARI TAL-BIBBJA GĦAL SETTEMBRU

L-1 u t-2 Korintin