Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 IL-BIBBJA TBIDDEL IL-ĦAJJIET

“Sa fl-Aħħar Sibt il-Libertà Vera.”

“Sa fl-Aħħar Sibt il-Libertà Vera.”
  • SENA TAT-TWELID: 1981
  • POST TAT-TWELID: L-ISTATI UNITI TAL-AMERIKA
  • STORJA: IBEN IL-ĦALI

IL-PASSAT TIEGĦI:

Twilidt fʼMoundsville, raħal kwiet biswit ix-Xmara Ohio fit-Tramuntana taʼ West Virginia, l-Istati Uniti tal-Amerika. Jien it-tieni wild minn tliet subien u tifla, u b’hekk fid-dar tagħna konna kuljum b’xi praspura ġdida. Il-ġenituri tiegħi kienu nies beżlin, onesti, u jħobbu lil oħrajn. Qatt ma konna sinjuri, imma dejjem kellna l-bżonnijiet. Bħala Xhieda taʼ Ġeħova, il-ġenituri tagħna għamlu dak kollu li setgħu biex minn ċkunitna jnaqqxu fina l-prinċipji Bibliċi.

Madankollu, sakemm sirt adoloxxent qalbi kienet diġà bdiet titbiegħed minn dak li ġejt mgħallem. Bdejt niddubita jekk ħajja gwidata mill-prinċipji Bibliċi kinitx se tkun sinifikanti jew sodisfaċenti. Irraġunajt li biex tkun verament ferħan irid ikollok libertà assoluta. Ma domtx ma waqaft nattendi l-laqgħat Kristjani. Tnejn minn ħuti għamlu bħali u segwew l-istess triq ribelluża tiegħi. Il-ġenituri tagħna għamlu kulma setgħu biex jgħinuna, imma aħna rrifjutajna l-isforzi li għamlu.

Mur għidli li dik il-libertà li xtaqt kienet se twaqqagħni fix-xibka tal-vizzju. Darba, waqt li kont sejjer lura d-dar mill-iskola, ħabib tiegħi offrieli sigarett. Jien aċċettajtu. Minn dakinhar ’il quddiem, aċċettajt ħafna affarijiet qerrieda oħrajn. Maż-żmien, bdejt nabbuża mid-drogi u l-alkoħol u ngħix ħajja immorali. Matul il-ftit snin taʼ wara bdejt bil-mod il-mod nesperimenta bi drogi iktar qawwijin u sirt skjav taʼ ħafna minnhom. Bdejt nogħdos iktar fil-fond fil-vizzji tiegħi, u bdejt inbigħ id-drogi biex inkun nistaʼ nlaħħaq mal-istil taʼ ħajti.

Ipprovajt fuq li pprovajt ninjora l-kuxjenza tiegħi, imma din fakkritni regolarment li l-mod kif kont qed ngħix kien ħażin. Madankollu, ħassejt li l-ħsara kienet diġà saret u kien tard wisq biex nerġaʼ lura. Minkejja li kont inkun imdawwar bin-nies fil-parties u l-kunċerti, spiss kont inħossni waħdi u dipress. Xi kultant, kont naħseb dwar kemm kienu nies twajba u deċenti l-ġenituri tiegħi u kif kont tbegħedt daqshekk.

 KIF IL-BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI:

Avolja kont tlift kull tama li ninbidel, oħrajn ma kinux qatgħu qalbhom minni. Fis-sena 2000, il-ġenituri tiegħi stidnuni biex nattendi konvenzjoni distrettwali tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Mort b’nofs qalb u bqajt skantat meta ż-żewġ ħuti li kienu għamlu bħali attendew ukoll.

Meta kont il-konvenzjoni rrealizzajt li madwar sena qabel kont mort kunċert tal-mużika rock fl-istess post. Id-differenza li rajt laqtitni fil-laħam il-ħaj. Matul il-kunċert, il-post kien mimli skart u foga tas-sigaretti. Il-biċċa l-kbira minn dawk li marru l-kunċert xejn ma kienu minn tagħna, u l-messaġġ tal-mużika kien dipressanti. Imma fil-konvenzjoni, kont imdawwar b’nies li kienu tassew ferħanin—nies li laqgħuni minn qalbhom, avolja kont ili ma narahom snin sħaħ. Il-post kien nadif u l-messaġġ preżentat kien wieħed taʼ tama. Meta rajt l-effett pożittiv li kellha l-verità tal-Bibbja bdejt naħseb bejni u bejn ruħi għala kont ċħadtha!—Isaija 48:17, 18.

“Il-Bibbja saħħitni biex ma nkomplix nieħu u nbigħ id-drogi, u għenitni nsir persuna aħjar”

Preċiż wara l-konvenzjoni, iddeċidejt li nerġaʼ lura lejn il-kongregazzjoni Kristjana. Dik il-konvenzjoni messet qalb ħuti wkoll, tant li anki huma ddeċidew li jerġgħu lura. It-tlieta li aħna aċċettajna studju persunali tal-Bibbja.

Vers mill-Bibbja li laqatni b’mod partikulari kien Ġakbu 4:8 li jgħid: “Ersqu qrib lejn Alla, u hu jersaq qrib lejkom.” Irrealizzajt li jekk ridt nersaq qrib lejn Alla, kelli bżonn innaddaf ħajti. Fost bidliet oħrajn, kelli bżonn nieqaf inpejjep u ma nibqax nabbuża mid-drogi u mill-alkoħol.—2 Korintin 7:1.

Qtajt il-ħbieb li kelli u għamilt ħbieb ġodda minn fost l-aduraturi taʼ Ġeħova. L-anzjan Kristjan li studja l-Bibbja miegħi għenni ħafna. Hu kien iċempilli regolarment u kien jiġi s’għandi biex jara kif kont sejjer. Sal-ġurnata tal-lum, hu wieħed mill-ħbieb tal-qalb tiegħi.

Fir-rebbiegħa tal-2001, jien issimbolizzajt id-dedikazzjoni tiegħi lil Alla billi tgħammidt fl-ilma, bħalma għamlu ż-żewġ ħuti l-oħra. Tistaʼ timmaġina x’ferħ ħassew il-ġenituri tiegħi u ħija iżgħar minni li kien baqaʼ leali meta l-familja tagħna sa fl-aħħar kienet magħquda tqim lil Ġeħova!

KIF IBBENEFIKAJT:

Kont naħseb li l-prinċipji tal-Bibbja kienu stretti żżejjed, imma issa nqishom bħala protezzjoni imprezzabbli. Il-Bibbja saħħitni biex ma nkomplix nieħu u nbigħ id-drogi, u għenitni nsir persuna aħjar.

Għandi l-privileġġ li nkun parti minn fratellanza taʼ aduraturi taʼ Ġeħova madwar id-dinja. Dawn in-nies verament iħobbu lil xulxin, u huma magħqudin jaqdu lil Alla. (Ġwanni 13:34, 35) Kelli barka speċjali minn din il-fratellanza—marti, Adrianne, li tant inħobb u ngħożż. Aħna ferħanin ferm li naqdu lill-Ħallieq tagħna flimkien.

Minflok ma bqajt infittex ħajja taʼ egoiżmu, jien issa qed nagħmel xogħol volontarju billi naqdi bħala ministru full-time, jiġifieri ngħallem lin-nies kif huma wkoll jistgħu jibbenefikaw mill-Kelma t’Alla. Dan ix-xogħol ġabli l-akbar ferħ possibbli. Nistaʼ ngħid b’konvinzjoni sħiħa li l-Bibbja biddlitli ħajti. Sa fl-aħħar sibt il-libertà vera.