Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 ERSAQ QRIB LEJN ALLA

“Int . . . Kxifthom liċ-Ċkejknin”

“Int . . . Kxifthom liċ-Ċkejknin”

Tixtieq tkun taf il-verità dwar Alla—min hu, dak li jħobb u dak li jobgħod, u x’inhi r-rieda tiegħu? Fil-Kelma tiegħu, il-Bibbja, Alla Ġeħova jirrivela l-verità kollha dwaru nnifsu. Imma mhux kulħadd jistaʼ jaqra l-Bibbja u jifhem għalkollox din il-verità. Għala? Għaliex li wieħed jifhem din il-verità spiritwali huwa privileġġ; mhux kulħadd jingħata dan il-privileġġ. Ejja nikkunsidraw dak li qal Ġesù dwar dan.—Aqra Mattew 11:25.

Dan il-vers jibda bil-kliem: “F’dak il-waqt Ġesù qal.” X’aktarx li hawnhekk Ġesù kien se jwieġeb dwar dak li kien għadu kif ġara. Hu kien għadu kif ċanfar lin-nies minn tlett ibliet Galilin li kienu rawh jagħmel għemejjel setgħanin imma li xorta ma ridux isiru dixxipli tiegħu. (Mattew 11:20-24) Forsi taħseb, ‘Kif jistaʼ xi ħadd jara l-mirakli taʼ Ġesù u ma jwiġibx għall-veritajiet li għallem?ʼ Dan kien għaliex in-nies li ma ridux isiru dixxipli taʼ Ġesù kellhom qalbhom stinata.—Mattew 13:10-15.

Ġesù kien jaf li biex nifhmu l-verità spiritwali li tinsab fil-Bibbja neħtieġu żewġ affarijiet: l-għajnuna t’Alla u l-attitudni xierqa tal-qalb. Ġesù jispjega: “Jien infaħħrek quddiem kulħadd, Missier, Mulej tas-sema u l-art, għax int ħbejt dawn l-affarijiet mill-għorrief u l-intellettwali u kxifthom liċ-ċkejknin.” Tara int għala hu kkunsidrat bħala privileġġ li wieħed jifhem il-verità spiritwali li tinsab fil-Bibbja? Ġeħova għandu d-dritt li jiddeċiedi lil min irid jirrivela l-verità għax hu l-“Mulej tas-sema u l-art.” Imma Alla m’għandux preferenzi; kulħadd għandu l-opportunità li jifhem il-verità. Fuq liema bażi jirrivela l-verità tal-Bibbja lil xi wħud imma lil oħrajn le?

Ġeħova japprova lill-umli, mhux lis-suppervi. (Ġakbu 4:6) Hu jaħbi l-verità “mill-għorrief u l-intellettwali”—l-għorrief u l-bravi tad-dinja li huma kburin wisq biex jaċċettaw l-għajnuna tiegħu. (1 Korintin 1:19-21) Imma hu jirrivela l-verità liċ-“ċkejknin”—dawk li jersqu lejh b’qalb sinċiera u li juru umiltà bħal tat-tfal. (Mattew 18:1-4; 1 Korintin 1:26-28) Ġesù, Bin Alla, kien iltaqaʼ maż-żewġ tipi taʼ nies. Ħafna mexxejja reliġjużi li kienu kburin u taʼ ħafna skola ma fehmux il-messaġġ taʼ Ġesù, imma sajjieda umli fehmuh. (Mattew 4:18-22; 23:1-5; Atti 4:13) Fl-istess ħin, xi wħud għonja u taʼ skola li wrew umiltà ġenwina saru segwaċi taʼ Ġesù.—Luqa 19:1, 2, 8; Atti 22:1-3.

Ħa nerġgħu niġu għall-mistoqsija li staqsejna fil-bidu: Tixtieq tkun taf il-verità dwar Alla? Jekk inhu hekk, tistaʼ ssib il-faraġ f’li tkun taf li Alla ma japprovax lil dawk li jqisu lilhom infushom bħala għorrief tad-dinja. Għall-kuntrarju, hu japprova lil dawk li l-għorrief tad-dinja ma jikkalkulawhomx. Jekk tistudja l-Kelma t’Alla b’attitudni xierqa tal-qalb u l-moħħ, tistaʼ tkun fost dawk li lilhom Ġeħova jagħti għotja prezzjuża—fehma tal-verità dwaru. Meta tifhem din il-verità ħajtek se tkun iktar sinifikanti issa u tistaʼ twassal għall-“ħajja vera”—ħajja taʼ dejjem fid-dinja l-ġdida taʼ ġustizzja mwiegħda minn Alla li se tiġi dalwaqt. *1 Timotju 6:12, 19; 2 Pietru 3:13.

INĦEĠĠUK TAQRA MILL-BIBBJA

Mattew 1-21

^ Par. 7 Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jieħdu pjaċir jgħinuk titgħallem il-verità dwar Alla u l-iskopijiet tiegħu. Huma joffru studji tal-Bibbja fid-djar bla ħlas billi jużaw il-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?