Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 Imita l-Fidi Tagħhom

“Għalkemm Miet, Għadu Jitkellem”

“Għalkemm Miet, Għadu Jitkellem”

ABEL taʼ daqqa t’għajn lejn il-merħla tan-nagħaġ tiegħu huma u jirgħu fil-kwiet fuq l-għolja. Imbagħad, forsi ħares lil hinn minn fejn kienu n-nagħaġ tiegħu lejn post fil-bogħod fejn setaʼ jilmaħ dawl inemnem. Hu kien jaf li hemmhekk kien hemm xafra taqbad, dejjem iddur, ma tħalli lil ħadd jidħol fil-ġnien tal-Għeden. Xi darba, il-ġenituri tiegħu kienu jgħixu hemm, imma issa la huma u lanqas uliedhom ma jistgħu jidħlu. Ġib quddiem għajnejk tard wara nofsinhar hekk kif tkun għaddejja żiffa ħelwa tħabbel xagħar Abel hu u jdawwar ħarstu ’l fuq u jaħseb dwar il-Ħallieq. Qatt setgħet tfiq il-ferita bejn il-bniedem u Alla? Din kienet l-akbar xewqa t’Abel.

Abel qed ikellmek illum. Tistaʼ tisimgħu? Għandek mnejn tgħid li ħaġa bħal din hi impossibbli. Wara kollox, it-tieni wild taʼ Adam miet bosta snin ilu. Il-fdalijiet tiegħu ilhom li spiċċaw u tħalltu mat-trab taʼ kważi 6,000 sena. Rigward il-mejtin, il-Bibbja tgħallimna: “Ma jafu assolutament xejn.” (Ekkleżjasti 9:5, 10) Iktar minn hekk, Abel qatt ma lissen kelma waħda li hi mniżżla fil-Bibbja. Allura kif jistaʼ jkellimna?

L-appostlu Pawlu kien ispirat biex jgħid dan dwar Abel: “Permezz tagħha, għalkemm miet, għadu jitkellem.” (Ebrej 11:4) Permezz taʼ xiex jitkellem Abel? Permezz tal-fidi. Abel kien l-ewwel bniedem li qatt żviluppa din il-kwalità mill-aqwa. Tant wera fidi qawwija li l-eżempju tiegħu hu ħaj u taʼ min jimitah illum. Jekk nitgħallmu mill-fidi tiegħu u nipprovaw nimitawha, ikun bħallikieku Abel qiegħed ikellimna.

Imma x’nistgħu nitgħallmu dwar Abel u l-fidi tiegħu ladarba fil-Bibbja ftit li xejn insibu dwaru? Ejja naraw.

JITRABBA FIL-BIDU TAL-UMANIT

Abel twieled fil-bidu tal-istorja umana. Ġesù iktar tard tkellem dwar Abel bħala li għex fi żmien “it-tisjis tad-dinja.” (Luqa 11:50, 51) Evidentement Ġesù ried ifisser id-dinja taʼ nies li għandhom it-tama li jiġu mifdijin mid-dnub. Filwaqt li Abel kien ir-rabaʼ bniedem li eżista, milli jidher hu kien l-ewwel wieħed li Alla ra li jistħoqqlu jiġi mifdi. * B’mod ċar, Abel ma trabbiex fost nies taʼ ħajja eżemplari.

Għalkemm il-bnedmin ma kinux ilhom jeżistu, diġà kellhom jiffaċċjaw ċirkustanzi tal-biki. Il-ġenituri t’Abel, Adam u Eva, x’aktarx li kienu nies sbieħ u dinamiċi. Imma għamlu żball enormi f’ħajjithom, u dan huma kienu jafuh. Darba kienu perfetti, u quddiemhom kellhom il-prospett li jgħixu għal dejjem. Imbagħad irribellaw kontra Alla Ġeħova u ġew imkeċċijin mill-ġnien tal-Għeden li kien darhom. Billi poġġew ix-xewqat tagħhom stess qabel kwalunkwe ħaġa—saħansitra qabel il-bżonnijiet tan-nisel tagħhom—tilfu l-perfezzjoni u l-ħajja taʼ dejjem.—Ġenesi 2:15–3:24.

 Issa li kienu eżiljati biex jgħixu barra l-ġnien, Adam u Eva sabu l-ħajja diffiċli. Madankollu, meta twieled l-ewwel wild tagħhom, huma semmewh Kajjin li jfisser “Xi Ħaġa Mnissla,” u Eva qalet: “Ulidt raġel bl-għajnuna taʼ Ġeħova.” Kliemha jagħti x’jifhem li f’moħħha setaʼ kellha l-wegħda li Ġeħova għamel fil-ġnien, meta bassar li ċertu mara kien se jkollha ‘nisel’ li xi darba kien se jeqred lill-wieħed mill-agħar li żvija lil Adam u Eva. (Ġenesi 3:15; 4:1) Immaġinat Eva li l-mara fil-profezija kienet hi u li Kajjin kien in-‘nisel’ imwiegħed?

Jekk inhu hekk, arralha bl-ikrah. Iktar minn hekk, jekk hi u Adam imlew moħħ Kajjin b’ideat bħal dawn hu u jikber, ċertament li ma kinux t’għajnuna għall-kburija umana imperfetta tiegħu. Maż-żmien, Eva kellha t-tieni wild, imma ma nsibu l-ebda stqarrija grandjuża dwaru. Semmewh Abel, li jistaʼ jfisser “Nifs,” jew “Vanità.” (Ġenesi 4:2) Irriflettiet l-għażla taʼ dan l-isem inqas stennijiet, bħallikieku kellhom inqas tama f’Abel milli f’Kajjin? Nistgħu biss nissopponu.

Kien x’kien il-każ, il-ġenituri llum jistgħu jitgħallmu ħafna mill-ewwel ġenituri tagħna. Bil-kliem u bl-azzjonijiet tagħkom, se tinkuraġġixxu intom il-kburija, l-ambizzjoni, u t-tendenzi egoistiċi taʼ wliedkom? Jew se tgħallmuhom iħobbu lil Alla Ġeħova u jkollhom ħbiberija miegħu? B’sogħba, l-ewwel ġenituri ma wettqux ir-responsabbiltà li kellhom. Iżda kien hemm tama għan-nisel tagħhom.

X’GĦEN LIL ABEL JIŻVILUPPA L-FIDI F’ALLA?

Hekk kif iż-żewġ subien kien qed jikbru, Adam x’aktarx li ħarriġhom fix-xogħol li kellu jsir biex jipprovdu għall-familja. Kajjin sar bidwi; Abel sar ragħaj.

Però, Abel għamel xi ħaġa bil-wisq iktar importanti. Matul is-snin, hu żviluppa l-fidi—dik il-kwalità mill-isbaħ li iktar tard Pawlu kiteb dwarha. Aħseb dwar dan. Abel ma kellu l-ebda eżempju uman li setaʼ jsegwi. Allura, kif żviluppa l-fidi f’Alla Ġeħova? Ikkunsidra tliet raġunijiet għala Abel setaʼ jkollu fidi soda.

Il-ħolqien taʼ Ġeħova.

Veru, Ġeħova kien seħet l-art u bdiet tipproduċi xewk u għollieq li fixklu l-agrikultura. Xorta waħda, l-art kienet tipproduċi b’mod ġeneruż l-ikel li żamm lill-familja t’Abel ħajja. U ma kien hemm l-ebda saħta fuq l-annimali, inkluż l-għasafar u l-ħut; lanqas fuq il-muntanji, ix-xmajjar, il-lagi, u l-ibħra; u lanqas fuq is-smewwiet, is-sħab, ix-xemx, il-qamar, u l-istilel. Kull fejn kien iħares, Abel kien jara evidenza tal-imħabba, l-għerf, u t-tjubija profonda t’Alla Ġeħova, il-wieħed li ħalaq kollox. (Rumani 1:20) Meta hu mmedita b’apprezzament fuq il-ħolqien u l-kwalitajiet t’Alla, il-fidi tiegħu ssaħħet.

Abel ċertament li ħa l-ħin biex jaħseb fuq affarijiet spiritwali. Immaġinah jieħu ħsieb il-merħla tiegħu. Il-ħajja taʼ ragħaj kienet tirrikjedi ħafna mixi. Hu mexxa lil dawn il-ħlejjaq ġentili fuq l-għoljiet, mill-widien, mix-xmajjar—dejjem ifittex l-aħjar  ħaxix, l-aħjar għadajjar għax-xorb, u l-iktar postijiet kennija fejn jistrieħu. Mill-ħlejjaq kollha t’Alla, in-nagħaġ jidhru li huma l-iktar vulnerabbli, bħallikieku ġew maħluqin bil-bżonn li l-bniedem jiggwidahom u jipproteġihom. Ħass Abel li anki hu kellu bżonn il-gwida u l-protezzjoni taʼ Xi Ħadd iktar għaref u qawwi minn kwalunkwe bniedem, u l-bżonn li Dan jieħu ħsiebu? Mingħajr dubju, hu esprima ħafna ħsibijiet bħal dawn fit-talb, u minħabba f’hekk il-fidi tiegħu baqgħet tikber.

Fil-ħolqien, Abel sab raġunijiet sodi biex ikollu l-fidi fil-Ħallieq kollu mħabba

Il-wegħdi taʼ Ġeħova.

Adam u Eva żgur li rrakkontaw lil uliedhom l-affarijiet li ġraw fil-ġnien tal-Għeden u li wasslu għat-tkeċċija tagħhom. B’hekk, Abel kellu ħafna fuqiex jimmedita.

eħova qal li l-art kienet se tiġi misħuta. Abel setaʼ jara ċar ix-xewk u l-għollieq li wettqu dan il-kliem. Ġeħova bassar ukoll li Eva kienet se tbati l-uġigħ fit-tqala u fil-ħlas. Hu żgur li ra dan il-kliem jitwettaq ukoll jekk sakemm miet laħqu twieldu ħutu oħrajn. Ġeħova bassar li Eva kien se jkollha bżonn esaġerat għall-imħabba u l-attenzjoni taʼ żewġha u li Adam, min-naħa tiegħu, kien se jiddominaha. Abel ra din ir-realtà tal-biki tiġri quddiem għajnejh. F’kull każ, Abel ra li l-kelma taʼ Ġeħova hi taʼ min joqgħod fuqha għalkollox. B’hekk, Abel kellu raġunijiet sodi biex ipoġġi l-fidi fil-wegħda t’Alla dwar ‘nisel’ li xi darba kien se jirranġa l-affarijiet ħżiena li kienu bdew fl-Għeden.—Ġenesi 3:15-19.

Il-qaddejja taʼ Ġeħova.

Abel ma ra ebda eżempju tajjeb fil-familja umana, imma dak iż-żmien il-bnedmin ma kinux l-uniċi ħlejjaq intelliġenti fuq l-art. Meta Adam u Eva tkeċċew mill-ġnien, Ġeħova għamel ċert li la huma u lanqas nisilhom ma setgħu jidħlu f’dik il-Ġenna tal-art. Biex jgħasses id-daħla, Ġeħova poġġa kerubini—anġli taʼ kariga għolja ħafna—flimkien max-xafra taqbad taʼ xabla li kienet iddur kontinwament.—Ġenesi 3:24.

Immaġina lil Abel taʼ tifel li kien jara lil dawk il-kerubini. Ladarba kienu jidhru b’iġsma umani, Abel setaʼ jara li kellhom saħħa immensa. U dik ix-“xabla,” dejjem taqbad, dejjem iddur, kienet tqanqal il-biżaʼ wkoll. Waqt li Abel kien qed jikber, qatt ra hu li dawn il-kerubini ddejqu u telqu posthom? Le. Lejl u nhar, xahar wara xahar, sena wara l-oħra, dawn il-ħlejjaq intelliġenti u b’saħħithom baqgħu eżatt f’posthom. B’hekk, Abel sar jaf li Alla Ġeħova kellu qaddejja leali u sodi. F’dawk il-kerubini, Abel ra tip taʼ lealtà u ubbidjenza lejn Ġeħova li ma setax jara fil-familja tiegħu stess. Ċertament li dak l-eżempju anġeliku saħħaħ il-fidi tiegħu.

Matul ħajtu kollha, Abel setaʼ jara li l-kerubini kienu qaddejja leali u ubbidjenti taʼ Ġeħova

Meta Abel immedita fuq dak kollu li Ġeħova rrivela dwaru nnifsu permezz tal-ħolqien, tal-wegħdi divini, u tal-eżempji tal-qaddejja Tiegħu, hu sab li l-fidi tiegħu ssaħħet saħansitra iktar. Nistgħu nitgħallmu ħafna mill-eżempju tiegħu, hux hekk? Partikularment iż-żgħażagħ jistgħu jiġu inkuraġġiti li jkunu jafu li hu possibbli jiżviluppaw il-fidi ġenwina f’Alla Ġeħova, jagħmlu x’jagħmlu l-membri tal-familja tagħhom. Bil-meravilji tal-ħolqien taʼ madwarna, bil-Bibbja sħiħa għad-dispożizzjoni tagħna, u b’ħafna eżempji taʼ bnedmin li wrew il-fidi, għandna bosta raġunijiet biex nibnu l-fidi llum.

IS-SAGRIFIĊĊJU T’ABEL—GĦALA KIEN MILL-AQWA

Hekk kif kibret il-fidi t’Abel f’Ġeħova, hu ried isib mezz biex jesprimi l-fidi tiegħu bl-azzjoni. Madankollu, sempliċi bniedem x’jistaʼ jagħti lill-Ħallieq tal-univers? Alla ċertament li ma kellu bżonn l-ebda għotja jew għajnuna mingħand il-bnedmin. Maż-żmien, Abel fehem din il-verità profonda: Kieku—b’motiv xieraq—hu sempliċement offra lil Ġeħova l-aqwa minn dak li kellu, Missieru tas-sema kollu mħabba kien se jieħu pjaċir.

Għalhekk, Abel ipprepara biex joffri xi nagħaġ mill-merħla tiegħu. Hu għażel l-aqwa, l-ewwel imweldin, u offra l-aħjar partijiet taʼ dawn l-annimali. Sadanittant, Kajjin ukoll fittex il-barka u l-approvazzjoni t’Alla u pprepara offerta mill-ħsad tiegħu. Imma l-motivi tiegħu ma kinux bħal t’Abel. Id-differenza saret evidenti meta l-aħwa ppreżentaw l-offerti tagħhom.

Abel offra s-sagrifiċċju tiegħu bil-fidi; Kajjin m’għamilx hekk

Iż-żewġ subien taʼ Adam għandu mnejn użaw l-artali u n-nar għall-offerti tagħhom, forsi fejn setgħu  jarawhom il-kerubini, li kienu l-uniċi rappreżentanti taʼ Ġeħova ħajjin fuq l-art dak iż-żmien. Ġeħova rreaġixxa. Naqraw: “Ġeħova kien qed iħares b’approvazzjoni lejn Abel u l-offerta tiegħu.” (Ġenesi 4:4) Ir-rakkont ma jgħidilniex kif Ġeħova wera l-approvazzjoni tiegħu. Imma għala approva lil Abel?

Kien minħabba l-offerta nfisha? Abel offra ħliqa ħajja li tieħu n-nifs u xerred id-demm prezzjuż tagħha. Irrealizza Abel kemm kien se jkun taʼ valur sagrifiċċju bħal dan? Ħafna sekli wara żmien Abel, Alla uża s-sagrifiċċju taʼ ħaruf bla difett biex jirrappreżenta s-sagrifiċċju tal-Iben perfett tiegħu, “il-Ħaruf t’Alla,” li d-demm innoċenti tiegħu kien se jiġi mxerred. (Ġwanni 1:29; Eżodu 12:5-7) Madankollu, għalkemm ma nafux fiċ-ċert x’kien qed jaħseb jew x’kien jaf Abel dak iż-żmien, nistgħu ngħidu li hu la kien jaf u lanqas fehem kif Ġeħova kien se juża s-sagrifiċċji iktar tard.

Imma dak li nafu fiċ-ċert hu dan: Abel offra l-aqwa nett minn dak li kellu. Ġeħova ma kienx qed iħares b’approvazzjoni biss lejn l-offerta imma anki lejn ir-raġel innifsu. Imqanqal mill-imħabba għal Ġeħova u minn fidi ġenwina fih, Abel aġixxa.

Il-każ taʼ Kajjin kien differenti. Ġeħova “ma ħarisx b’approvazzjoni lejn Kajjin u lejn l-offerta tiegħu.” (Ġenesi 4:5) Mhux għax l-offerta nfisha taʼ Kajjin kienet difettuża; il-Liġi t’Alla iktar tard ippermettiet offerti minn dak li tipproduċi l-art. (Levitiku 6:14, 15) Imma l-Bibbja dwar Kajjin tgħid li “l-għemejjel tiegħu kienu mill-agħar.” (1 Ġwanni 3:12) Bħal ħafna sal-lum il-ġurnata, Kajjin evidentement ħaseb li sempliċi turija minn barra taʼ devozzjoni lejn Alla kienet biżżejjed. In-nuqqas taʼ fidi tiegħu f’Ġeħova jew in-nuqqas taʼ mħabba vera lejh malajr saru evidenti permezz tal-għemejjel tiegħu.

Meta Kajjin ra li ma kisibx l-approvazzjoni taʼ Ġeħova, ipprova hu jitgħallem mill-eżempju t’Abel? Le. Hu mtela bil-mibegħda għal ħuh. Ġeħova ra dak li kien qed jiġri f’qalb Kajjin u rraġuna miegħu bil-paċenzja. Hu wissa lil Kajjin li dan l-aġir kien se jwasslu għal dnub serju u offra lil Kajjin it-tama li jiġi “milqugħ” jekk biss ibiddel l-aġir tiegħu.—Ġenesi 4:6, 7.

Kajjin injora t-twissija t’Alla. Minflok, hu stieden lil ħuh iżgħar minnu biex imur jimxi miegħu fl-għalqa u bl-innoċenza kollha Abel mar. Hemmhekk Kajjin ħebb għalih u qatlu. (Ġenesi 4:8) F’ċertu sens, Abel sar l-ewwel vittma taʼ persekuzzjoni reliġjuża, l-ewwel martri. Hu miet, imma l-istorja tiegħu ma spiċċatx hemm.

B’mod figurattiv, id-demm t’Abel għajjat lil Alla Ġeħova għall-vendetta, jew ġustizzja. U Alla ra li saret ġustizzja billi kkastiga lil Kajjin li kien mill-agħar għad-delitt tiegħu. (Ġenesi 4:9-12) Iktar importanti, ir-rakkont tal-fidi t’Abel qed ikellem lilna llum. Għomru—forsi madwar mitt sena—kien qasir għall-bnedmin taʼ dak iż-żmien, imma Abel uża ħajtu b’mod li għoġob lil Alla. Qabel miet kien jaf li kellu l-imħabba u l-approvazzjoni taʼ Missieru tas-sema, Ġeħova. (Ebrej 11:4) Allura, nistgħu nkunu fiduċjużi li hu qiegħed fis-sigurtà fil-memorja bla limitu taʼ Ġeħova, jistenna li jiġi rxoxtat għall-ħajja fuq art magħmula ġenna. (Ġwanni 5:28, 29) Se tiltaqaʼ miegħu hemmhekk? Tistaʼ jekk int determinat li tagħti widen hekk kif jitkellem Abel u timita l-fidi mill-aqwa tiegħu.

^ Par. 8 L-espressjoni “t-tisjis tad-dinja” tinvolvi l-idea taʼ prokreazzjoni, u b’hekk għandha x’taqsam mal-bidu tan-nisel uman. Però, Ġesù għala assoċja lil Abel mat-“tisjis tad-dinja” u mhux lil Kajjin, li kien l-ewwel bniedem li twieled? Id-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet taʼ Kajjin wassluh għal ribelljoni intenzjonata kontra Alla Ġeħova. Bħall-ġenituri tiegħu, Kajjin ma jidhirx li se jiġi rxoxtat u mifdi.