Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Sem Ra l-Ħażen taʼ Żewġ Dinjiet

Sem Ra l-Ħażen taʼ Żewġ Dinjiet

 Għallem Lil Uliedek

Sem Ra l-Ħażen taʼ Żewġ Dinjiet

IT-TIFEL taʼ Noè, Sem, salva mit-tmiem taʼ dinja waħda u għex biex jara oħra. Taf għaliex l-ewwel dinja li Sem għex fiha nqerdet u kif hu u l-bqija tal-familja tiegħu setgħu jibqgħu jgħixu għal ġo dinja oħra?— * Ejja ħa nitkellmu dwar dan.

Il-Bibbja tgħid li meta Sem kien żgħir, “il-ħażen tal-bniedem” kien kbir. Kulma kienu jaħsbu dwaru n-nies kien ‘ħażin il-ħin kollu.’ Allura, taf x’għamel Alla?— Hu ġab dilluvju li kines dik id-dinja mill-agħar. L-appostlu Pietru kiteb: “Id-dinja taʼ dak iż-żmien inqerdet meta ġiet mgħarrqa bl-ilma.”—Ġenesi 6:5; 2 Pietru 3:6.

Qed tifhem għaliex Alla qered dik id-dinja?— In-nies kienu ħżiena u kienu jaħsbu dwar dak li hu ‘ħażin il-ħin kollu.’ Ġesù tkellem dwar dan. Hu qal li “qabel id-dilluvju” n-nies kienu qed jieħdu pjaċir “jieklu u jixorbu” kif ukoll “jiżżewġu u . . . jingħataw fiż-żwieġ.” Ġesù żied: “Ma tawx kas sakemm ġie d-dilluvju u kinishom ilkoll.”—Mattew 24:37-39.

Taʼ xiex ma tawx kas dawn in-nies?— Missier Sem, Noè, kien “predikatur tal-ġustizzja” imma n-nies ma semgħux minn dak li kien qed jgħidilhom. Noè semaʼ minn Alla u bena arka, speċi taʼ vapur li kellu jżomm lilu u lill-familja tiegħu qawwijin u sħaħ matul id-Dilluvju. Kienu biss Noè, il-mara tiegħu, uliedhom—Sem, Ħam, u Ġafet—u n-nisa tagħhom li taw kas taʼ x’riedhom jagħmlu Alla. Il-bqija għamlu dak li riedu huma, għalhekk Ġeħova kinishom permezz tad-Dilluvju.—2 Pietru 2:5; 1 Pietru 3:20.

Wara xi sena mindu beda d-Dilluvju, Sem u l-familja tiegħu ħarġu mill-arka għal fuq art niexfa. In-nies il-ħżiena kienu nqerdu kollha, imma l-affarijiet malajr inbidlu. Kangħan, it-tifel taʼ Ħam, ħu Sem, għamel xi ħaġa tant ħażina li Noè qal: “Misħut ikun Kangħan.” Nimrod, in-neputi taʼ Ħam, kien ħażin ukoll. Hu ħadha kontra l-Alla l-veru Ġeħova u qal lin-nies biex jibnu  torri għoli bl-isem taʼ Babel, biex b’hekk isiru famużi. Kif taħseb li ħassewhom Sem u missieru dwar dan?—Ġenesi 9:25; 10:6-10; 11:4, 5.

Huma ddispjaċiehom u Ġeħova wkoll. Taf x’għamel Ġeħova?— Hu ħawwad il-lingwa tan-nies biex ma jifhmux lil xulxin. Imbagħad in-nies kellhom jieqfu jibnu u jmorru f’postijiet differenti maʼ dawk li kienu jitkellmu bl-istess lingwa. (Ġenesi 11:6-9) Iżda Alla ma biddilx il-lingwa taʼ Sem u l-familja tiegħu. Għalhekk, huma setgħu jibqgħu qrib xulxin u jgħinu lil xulxin biex jaqdu lil Alla. Qatt ħsibt dwar kemm Sem dam jaqdi lil Ġeħova?—

Sem għex 600 sena, 98 sena qabel id-Dilluvju u 500 u sentejn wara. Nistgħu nkunu ċertu li hu għen lil Noè jibni l-arka u jwissi lin-nies dwar id-Dilluvju li kien ġej. Imma x’taħseb li għamel Sem matul l-iktar minn 500 sena li għex wara d-Dilluvju?— Noè sejjaħ lil Ġeħova l-“Alla taʼ Sem.” Sem żgur li kompla jaqdi lil Ġeħova u jgħin lill-membri tal-familja tiegħu biex jagħmlu l-istess. Iktar tard, il-familja taʼ Sem saret tinkludi lil Abraham, Sara, u Iżakk.—Ġenesi 9:26; 11:10-31; 21:1-3.

Issa aħseb dwar id-dinja tal-lum li dejjem qed issir iktar mill-agħar minn żmien Sem ’l hawn. X’se jsir minnha?— Il-Bibbja tgħid li se “tgħaddi.” Imma wkoll twiegħed: “Min jagħmel ir-rieda t’Alla jibqaʼ għal dejjem.” Allura jekk nagħmlu r-rieda t’Alla nistgħu nkunu fost dawk li jsalvaw għal ġod-dinja l-ġdida t’Alla. Imbagħad, bl-għajnuna t’Alla nistgħu nibqgħu ngħixu għal dejjem ferħanin fuq l-art!—1 Ġwanni 2:17; Salm 37:29; Isaija 65:17.

[Nota taʼ taħt]

^ Par. 3 Jekk qed taqra mat-tfal, is-sinjal qiegħed hemm biex ifakkrek li għandek tieqaf u tinkuraġġixxi lit-tfal jesprimu ruħhom.

Mistoqsijiet:

○ F’liema tip taʼ dinja għex Sem għall-ewwel, u għal liema żewġ raġunijiet qeridha Alla?

○ Kemm għex Sem u x’tip taʼ raġel kien?

○ X’se jiġri dalwaqt minn din id-dinja?

○ X’għandna nagħmlu biex nibqgħu ħajjin wara t-tmiem taʼ din id-dinja?