Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Uża l-qawwa tal-ilsien b’mod tajjeb

Uża l-qawwa tal-ilsien b’mod tajjeb

‘Ħa jkun kliem fommi pjaċevoli quddiemek, O Ġeħova.’—SALM 19:14.

GĦANJIET: 82, 77

1, 2. Il-Bibbja għala tqabbel l-abbiltà tagħna li nitkellmu maʼ nar?

FIS-sena 1871, qabad in-nar fil-foresti taʼ Wisconsin, l-Istati Uniti. In-nar malajr infirex u nħarqu għalkollox madwar żewġ biljun siġra. Inqatlu iktar minn 1,200 persuna. Infatti, inqatlu iktar nies minn dak in-nar milli mietu fi kwalunkwe nar ieħor fl-Istati Uniti. Jidher li hekk kif kienu għaddejjin it-trejns minn ġol-foresta, dawn qabbdu xrar tan-nar u dan wassal biex qabad nar kbir. Dan ifakkarna f’vers tal-Bibbja: “Ara! Kif jaqbad bosk sħiħ b’daqsxejn nar!” (Ġakbu 3:5) Dan il-kittieb tal-Bibbja Ġakbu għala qal dan?

2 Hu jispjega: “L-ilsien hu nar.” (Ġakbu 3:6) “L-ilsien” ifisser l-abbiltà tagħna li nitkellmu. U eżatt bħan-nar, dak li ngħidu jistaʼ jagħmel ħafna ħsara. Kliemna jistaʼ jkollu effett qawwi fuq ħaddieħor. Il-Bibbja tgħidilna wkoll li dak li ngħidu lin-nies jistaʼ jġibilhom il-ħajja jew il-mewt. (Proverbji 18:21) Imma jfisser dan li jkun aħjar jekk qatt ma ngħidu xejn li ma mmorrux ngħidu xi ħaġa ħażina? Dażgur li le. Mhux se nieqfu nużaw in-nar sempliċement għax jistaʼ jkun li ninħarqu. Minflok, noqogħdu attenti kif nużawh.  Pereżempju, nużaw in-nar biex insajru l-ikel, biex inżommu ruħna sħan, u biex ikollna d-dawl. Bl-istess mod, jekk noqogħdu attenti dwar il-mod kif nitkellmu, nistgħu nużaw din l-abbiltà biex nonoraw lil Ġeħova u biex ħaddieħor jibbenefika.—Salm 19:14.

3. Liema tliet affarijiet se jgħinuna ninkuraġġixxu lil oħrajn meta nitkellmu?

3 Ġeħova tana l-abbiltà li ngħidu lil oħrajn x’naħsbu u xi nħossu, jew billi nitkellmu jew billi nagħmlu sinjali b’idejna. Allura kif nistgħu nużaw din l-għotja meraviljuża biex ninkuraġġixxu lil oħrajn? (Aqra Ġakbu 3:9, 10.) Irridu nkunu nafu meta għandna nitkellmu, x’għandna ngħidu, u kif għandna ngħiduh.

META GĦANDNA NITKELLMU?

4. Meta għandna noqogħdu kwieti?

4 Kultant ikun aħjar li ma titkellimx. Il-Bibbja tgħid li hemm “żmien li toqgħod kwiet.” (Ekkleżjasti 3:7) Pereżempju, noqogħdu kwieti waqt li jitkellmu oħrajn ħalli nuruhom li nirrispettawhom. (Ġob 6:24) Ukoll, ma nitkellmux dwar affarijiet li huma privati u li nies oħra m’għandhomx għalfejn ikunu jafu. (Proverbji 20:19) U meta xi ħadd jirrabjana, inkunu għaqlin jekk nigdmu lsienna u nipprovaw nibqgħu kalmi.—Salm 4:4.

5. Kif nistgħu nuru lil Ġeħova li aħna grati li tana l-abbiltà li nitkellmu?

5 Imma hemm ukoll drabi meta jkun tajjeb li tgħid xi ħaġa. (Ekkleżjasti 3:7) Hemm żmien li nfaħħru lil Ġeħova, li ninkuraġġixxu lil oħrajn, li nesprimu kif inħossuna, u li ngħidu lil oħrajn dak li għandna bżonn. (Salm 51:15) U jekk nużaw l-abbiltà tagħna biex nitkellmu b’dan il-mod, inkunu qed nuru lil Ġeħova li aħna grati li tana din l-għotja. Wara kollox, meta ħabib jagħtina rigal mill-isbaħ, inkunu rridu nużawh bl-aħjar mod possibbli.

6. Għala hu importanti li nagħżlu l-waqt it-tajjeb biex nitkellmu?

6 Għala hu importanti li tagħżel il-waqt it-tajjeb biex titkellem? Proverbji 25:11 jgħid: “Kelma li tingħad f’waqtha hi bħal tuffieħ tad-deheb f’tinqix tal-fidda.” Tuffieħ tad-deheb hu sabiħ, imma jkun saħansitra isbaħ meta warajh ikollu l-fidda. B’mod simili, forsi jkollna xi ħaġa sabiħa xi ngħidu lil xi ħadd. Imma jekk nagħżlu l-waqt it-tajjeb biex nitkellmu, nistgħu ngħinu lit-tali saħansitra iktar. Kif nistgħu nagħmlu dan?

7, 8. L-aħwa fil-Ġappun kif imitaw l-eżempju taʼ Ġesù?

7 Jekk nitkellmu meta ma jkunx ħin tajjeb, in-nies jafu ma jifhmux jew ma jaċċettawx dak li ngħidu. (Aqra Proverbji 15:23.) Pereżempju, f’Marzu tal-2011 terremot u tsunami qerdu ħafna bliet fil-Lvant tal-Ġappun. Mietu iktar minn 15,000 persuna. Għalkemm ħafna mix-Xhieda taʼ Ġeħova tilfu fil-mewt lil membri tal-familja u ħbieb tagħhom, huma riedu jużaw il-Bibbja biex jgħinu lil oħrajn li kienu fl-istess sitwazzjoni. Imma kienu jafu li ħafna min-nies kienu Buddisti u ftit li xejn kienu jafu dwar il-Bibbja. Allura, minflok ma qalulhom dak il-ħin dwar l-irxoxt, l-aħwa farrġuhom u spjegawlhom għala jiġru affarijiet tant terribbli bħal dawn lil nies tajbin.

8 Dawn l-aħwa imitaw lil Ġesù. Hu kien jaf meta għandu jibqaʼ sieket, imma kien jaf ukoll meta għandu jitkellem.  (Ġwanni 18:33-37; 19:8-11) U hu stenna għall-ħin it-tajjeb biex jgħallem lid-dixxipli tiegħu ċerti affarijiet. (Ġwanni 16:12) L-aħwa fil-Ġappun stennew sakemm kien il-waqt it-tajjeb biex jgħidu lin-nies dwar l-irxoxt. Sentejn u nofs wara t-tsunami, huma offrew lin-nies il-fuljett Jistgħu l-Mejtin Verament Jerġgħu Jgħixu? Ħafna wħud ħadu l-fuljett u ġew imfarrġin minn dak li qraw. Aħna wkoll għandna naħsbu dwar il-kultura u t-twemmin tan-nies fit-territorju tagħna ħalli nsibu l-waqt it-tajjeb biex inkellmuhom.

Irridu nkunu paċenzjużi u nsibu ħin tajjeb meta n-nies ikunu lesti li jagħtuna widen

9. F’liema sitwazzjonijiet oħra għandna nistennew għall-ħin it-tajjeb biex nitkellmu?

9 F’liema sitwazzjonijiet oħra għandna nistennew għall-ħin it-tajjeb biex nitkellmu? Forsi xi ħadd jgħidilna xi ħaġa u nieħdu għalina. Minflok ma nkunu taʼ żaqqna f’fommna u ngħidu xi ħaġa banali, inkunu għaqlin jekk nieqfu u naħsbu: ‘Kienet l-intenzjoni tiegħu li juri nuqqas taʼ qalb tajba? Tassew għandi bżonn inkellmu dwar dak li qal?’ Forsi jkun aħjar jekk ma ngħidu xejn. Imma jekk hemm raġuni tajba għala għandna nkellmuh, ikun tajjeb jekk nistennew sakemm nikkalmaw. (Aqra Proverbji 15:28.) Jew jistaʼ jagħti l-każ li nkunu rridu ninkuraġġixxu l-membri tal-familja tagħna li mhumiex Xhieda biex isiru jafu lil Ġeħova. Irridu nkunu paċenzjużi, naħsbu sew dwar x’se ngħidu, u nsibu ħin tajjeb meta għandhom mnejn ikunu lesti li jagħtuna widen.

X’GĦANDNA NGĦIDU?

10. (a) Għala għandna nagħżlu kliemna sew? (b) Liema diskors għandna nevitaw?

10 B’dak li ngħidu nistgħu ntellgħu n-nies is-sema jew nistgħu nkissruhom. (Aqra Proverbji 12:18.) Ħafna nies fid-dinja taʼ Satana jużaw “kliem taʼ mrar,” jew kliem kattiv, li hu bħal “vleġġa” jew “sejf” għax ikunu jridu jweġġgħu u jnikktu lil ħaddieħor. (Salm 64:3) Ħafna nies jitgħallmu jitkellmu b’dan il-mod mill-films u l-programmi tat-televixin li jaraw. Imma l-Kristjani mhux se jgħidu xi ħaġa li hi ħarxa jew kattiva, lanqas biex idaħħqu. L-umoriżmu hu xi ħaġa tajba u jistaʼ jagħmel dak li qed ngħidu jidher iktar interessanti. Imma qatt m’għandna nużaw sarkażmu kattiv, jiġifieri, li ngħidu xi ħaġa li se timbarazza jew saħansitra tweġġaʼ lil xi ħadd sempliċement biex indaħħqu n-nies. Il-Bibbja tikkmanda lill-Kristjani biex ma ‘jgħajrux.’ Tgħid ukoll: “Ħa ma toħroġ minn fommkom ebda kelma mħassra, imma għidu dak li hu tajjeb biex jibni fejn ikun hemm bżonn, sabiex jagħmel il-ġid lil min jisimgħu.”—Efesin 4:29, 31.

11. X’jistaʼ jgħinna nagħżlu l-kliem addattat?

11 Ġesù għallem li “mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm.” (Mattew 12:34) Dan ifisser li l-affarijiet li ngħidu jikxfu kif verament inħossu. Għalhekk, jekk inħobbu n-nies u tassew jimpurtana minnhom, x’aktarx li se nagħżlu l-kliem  addattat meta nkellmuhom. U allura l-affarijiet li ngħidu se jkunu pożittivi u inkuraġġanti.

12. X’hemm iktar li jistaʼ jgħinna nagħżlu kliemna sew?

12 Jeħtieġ sforz biex issib il-kliem it-tajjeb li għandek tgħid. Għalkemm is-Sultan Salamun kien għaref, hu “mmedita u għamel tiftix bir-reqqa” ħalli dak li jikteb ikun korrett u pjaċevoli biex jinqara. (Ekkleżjasti 12:9, 10) X’jistaʼ jgħinna nkunu nafu x’għandna ngħidu? Nistgħu nfittxu fil-Bibbja u fil-pubblikazzjonijiet tagħna biex insibu modi ġodda kif nesprimu ruħna. Nistgħu nitgħallmu xi jfissru ċerti espressjonijiet li ma nifhmux. Nistgħu wkoll nistudjaw l-eżempju taʼ Ġesù biex nitgħallmu kif nitkellmu b’tali mod li jgħin lil oħrajn. Hu kien jaf eżatt x’għandu jgħid għax Ġeħova għallmu ‘kif iwieġeb lill-għajjien b’kelma’ f’waqtha. (Isaija 50:4) Ukoll, huwa importanti li naħsbu dwar kif dak li ngħidu se jeffettwa lil ħaddieħor. (Ġakbu 1:19) Nistgħu nsaqsu lilna nfusna: ‘Jekk ngħid dil-ħaġa, il-persuna se tifhem x’qed nipprova ngħidilha? Kif se tħossha?ʼ

13. Għala għandna nitkellmu b’tali mod li jkun faċli li jinftiehem?

13 L-Iżraelin tal-qedem kienu jużaw id-daqq tat-trumbetti biex jagħtu sinjali. Sinjal minnhom kien ifisser li n-nies għandhom jinġemgħu flimkien. Ieħor kien ifisser li s-suldati għandhom jattakkaw. Immaġina x’setaʼ jiġri lill-armata li kieku d-daqq tat-trumbetta ma kienx ċar! Il-Bibbja tqabbel il-ħoss ċar tad-daqq tat-trumbetti maʼ kliem li hu faċli biex jinftiehem. Jekk ma nispjegawx l-affarijiet b’mod ċar, in-nies jafu jkunu konfużi jew jemmnu xi ħaġa li mhix vera. Għalkemm irridu nesprimu ruħna b’mod ċar, għandna noqogħdu attenti li b’dak li ngħidu ma nurux maledukazzjoni jew diżrispett.—Aqra l-1 Korintin 14:8, 9.

14. Liema eżempju juri li Ġesù tkellem b’tali mod li jkun faċli li jinftiehem?

14 Mattew kapitli 5 sa 7 huma eżempji eċċellenti taʼ kif Ġesù għażel kliem li faċli jinftiehem. Fil-prietka li ta, ma pprovax jimpressjona lin-nies billi juża kliem komplikat jew mhux neċessarju. U ma qalx affarijiet li setgħu jweġġgħu lil oħrajn. Ġesù għallem affarijiet importanti ħafna li kellhom tifsir profond, imma dak li qal kien faċli biex wieħed jifhmu. Pereżempju, Ġesù ried iserraħ moħħ id-dixxipli tiegħu li ma kellhomx għalfejn jinkwetaw dwar x’kienu se jieklu kuljum. Allura spjega li Ġeħova dejjem jitmaʼ l-għasafar. Imbagħad, saqsiehom: “Ma tiswewx intom iktar minnhom?” (Mattew 6:26) B’dan il-kliem sempliċi, Ġesù għenhom biex jifhmu lezzjoni importanti u biex iħossuhom inkuraġġiti.

KIF GĦANDNA NKELLMU LIL OĦRAJN?

15. Għala għandna nitkellmu b’qalb tajba?

15 Il-mod kif inkellmu lil oħrajn jistaʼ jkun importanti daqs dak li ngħidu. In-nies kienu jieħdu pjaċir jisimgħu lil Ġesù għax tkellem “bil-kliem ħelu,” jew b’qalb tajba. (Luqa 4:22) Meta nitkellmu b’qalb tajba, in-nies abbli iktar se jieħdu pjaċir jagħtuna widen u jaċċettaw dak li ngħidu. (Proverbji 25:15) Se nkunu nistgħu nitkellmu man-nies b’qalb tajba jekk nirrispettawhom  u jekk jinteressana mis-sentimenti tagħhom. Ġesù hekk għamel. Pereżempju, meta ra folla tagħmel sforz kbir biex tisimgħu, hu kien ferħan ħafna li jqattaʼ ħin magħhom u jgħallimhom. (Marku 6:34) Anki meta n-nies għajruh, Ġesù m’għajjarx lura.—1 Pietru 2:23.

16, 17. (a) Meta nitkellmu mal-familja u l-ħbieb tagħna, kif nistgħu nimitaw lil Ġesù? (Ara l-ewwel stampa.) (b) Omm kif għamlet ħafna ġid billi tkellmet b’qalb tajba?

16 Għalkemm inħobbu l-familja u l-ħbieb tagħna, jistaʼ jkun li ngħidulhom affarijiet li jweġġgħu għax nafuhom sew u għandna kunfidenza magħhom. Forsi naħsbu li m’għandniex għalfejn noqogħdu attenti kif inkellmuhom. Imma Ġesù qatt ma kien kattiv meta tkellem mal-ħbieb tiegħu. Meta xi wħud minnhom argumentaw dwar min minnhom kien l-akbar, hu kkoreġiehom b’qalb tajba u uża eżempju taʼ tifel żgħir biex jgħinhom ibiddlu l-mod taʼ kif kienu qed jaħsbu. (Marku 9:33-37) L-anzjani jistgħu jimitaw l-eżempju taʼ Ġesù billi jagħtu pariri lil oħrajn bil-ħlewwa.—Galatin 6:1.

17 Anki jekk xi ħadd jgħidilna xi ħaġa li tweġġagħna, nistgħu nagħmlu ħafna ġid jekk inkellmuh b’qalb tajba. (Proverbji 15:1) Pereżempju, it-tifel żagħżugħ t’omm li kienet qed trabbih waħedha kien qed jagħmel affarijiet ħżiena filwaqt li għamel tabirruħu li kien qed jaqdi lil Ġeħova. Oħt fil-kongregazzjoni tħassret lil din l-omm u qaltilha: “Ħasra li fallejt fejn għandu x’jaqsam it-taħriġ tat-tifel.” L-omm waqfet taħseb u mbagħad qalet: “Veru li l-affarijiet mhux sejrin tajjeb bħalissa, imma t-taħriġ tiegħu hi xi ħaġa li għadha għaddejja. Kellimni wara Armageddon, u nkunu nafu fiċ-ċert jekk fallejtx jew le.” Peress li l-omm baqgħet kalma u wriet qalb tajba mal-oħt, dawn baqgħu ħbieb. Ukoll, it-tifel sar jaf x’kienet qalet ommu u nduna li hi kienet għadha temmen li setaʼ jinbidel. Għalhekk, waqaf jagħmilha maʼ ħbieb ħżiena, tgħammed, u iktar tard mar jaqdi fil-Betel. Jekk qed nitkellmu maʼ ħutna, il-familja tagħna, jew nies li ma nafux, kliemna dejjem għandu jkun “kollu ħlewwa, imħawwar bil-melħ.”—Kolossin 4:6.

18. Kif nistgħu nsegwu l-eżempju taʼ Ġesù bil-mod kif nitkellmu?

18 L-abbiltà li ngħidu lil oħrajn dak li naħsbu u nħossu hi tassew għotja mill-isbaħ mingħand Ġeħova. Jekk insegwu l-eżempju taʼ Ġesù, se nagħżlu l-waqt it-tajjeb biex nitkellmu, se noqogħdu attenti x’ngħidu, u dejjem se nipprovaw nuru qalb tajba. Allura ejja nużaw kliemna biex ninkuraġġixxu lil oħrajn u biex inferrħu lil Ġeħova.