Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Uri apprezzament għall-ġenerożità taʼ Ġeħova

Uri apprezzament għall-ġenerożità taʼ Ġeħova

ĠEĦOVA hu Alla ġeneruż. (Ġakbu 1:17) Nistgħu naraw il-ġenerożità tiegħu f’dak kollu li ħalaq. Is-smewwiet ksiehom bl-istilel, u l-art imlieha bi pjanti mill-isbaħ.—Salm 65:12, 13; 147:7, 8; 148:3, 4.

Il-kittieb taʼ Salm 104 kien grat ferm għal dak kollu li Ġeħova kien ħalaq, u allura kiteb għanja biex ifaħħru. Meta taqra dan is-salm, tħossok grat daqs kemm kien is-salmista? Hu qal: “Jien se nkanta lil Ġeħova tul ħajti kollha; se ngħanni lil Alla tiegħi kemm indum ħaj.” (Salm 104:33) Tixtieq tagħmel bħalu?

L-AQWA EŻEMPJU TAʼ ĠENEROŻITÀ

Ġeħova jridna nimitaw il-ġenerożità tiegħu. U jagħtina raġunijiet tajbin għala għandna nkunu ġenerużi. Hu nebbaħ lill-appostlu Pawlu biex jikteb: “Ordna lill-għonja f’din is-sistema biex ma jitkabbrux, u ma jqegħdux it-tama tagħhom f’rikkezzi li ma tistax torbot fuqhom imma f’Alla, li jagħtina kollox b’mod għani għat-tgawdija tagħna; biex jagħmlu l-ġid, ikunu għonja f’għemejjel tajbin, ikunu idhom miftuħa, lesti biex jaqsmu m’oħrajn u, bħala t-teżor tagħhom, iqiegħdu fis-sigurtà għalihom infushom pedament tajjeb għall-futur, sabiex jaqbdu qabda soda mal-ħajja vera.”—1 Timotju 6:17-19.

Fit-tieni ittra tiegħu lill-Korintin, Pawlu spjega x’għandu jkun il-mottiv tagħna meta nagħtu xi ħaġa lil oħrajn. Hu qal: “Ħa jagħmel kull wieħed bħalma jkun iddeċieda f’qalbu, mhux kontra qalbu jew bilfors, għax Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ.” (2 Korintin 9:7) Lil min inkunu qed ngħinu meta nkunu ġenerużi? Pawlu qal li nkunu qed ngħinu lil oħrajn meta nagħtuhom dak li għandhom bżonn, imma wkoll inkunu qed ngħinu lilna nfusna għax Ġeħova se jberikna.—2 Korintin 9:11-14.

Pawlu mbagħad irrefera għall-aqwa eżempju tal-ġenerożità t’Alla meta qal: “Grazzi lil Alla għall-għotja b’xejn tiegħu li ma tistax tiġi deskritta.” (2 Korintin 9:15) “L-għotja b’xejn” taʼ Ġeħova tinkludi l-affarijiet tajbin kollha li jagħtina permezz taʼ Ġesù Kristu. Ma nistgħux niddeskrivu bil-kliem kemm hi prezzjuża din l-għotja.

Kif nistgħu nuru li aħna grati għal dak kollu li Ġeħova u Ġesù għamlu u se jagħmlu għalina? Mod wieħed hu billi nkunu ġenerużi meta nagħtu mill-ħin, l-enerġija, u l-affarijiet materjali tagħna biex inqimu lil Ġeħova u ngħinu lil oħrajn jitgħallmu dwaru. Nistgħu nagħmlu dan kemm jekk għandna ħafna materjalment u kemm jekk għandna veru ftit.—1 Kronaki 22:14; 29:3-5; Luqa 21:1-4.