“Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.”—MATTEW 22:39.

GĦANJIET: 73, 36

1, 2. L-Iskrittura kif turi l-importanza tal-imħabba?

L-IMĦABBA hi l-kwalità prinċipali t’Alla Ġeħova. (1 Ġwanni 4:16) L-ewwel ħolqien tiegħu, Ġesù Kristu, qattaʼ biljuni taʼ snin fis-sema maʼ Missieru u sar jaf kemm Ġeħova hu Alla taʼ mħabba. (Kolossin 1:15) Ġesù wera l-istess tip taʼ mħabba matul ħajtu kollha, kemm fis-sema u kemm fuq l-art. Allura, nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova u Ġesù dejjem se jmexxu bi mħabba.

2 Meta xi ħadd saqsa lil Ġesù x’kien l-akbar kmandament, Ġesù qal: “‘Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu.’ Dan hu l-akbar u l-ewwel kmandament. It-tieni jixbhu u hu dan, ‘Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.’”—Mattew 22:37-39.

3. Min hu “l-proxxmu” tagħna?

3 Huwa importanti li nuru l-imħabba fir-relazzjonijiet  kollha tagħna. Ġesù qal li għandna nħobbu lil Ġeħova u anki lill-proxxmu tagħna. Imma min hu “l-proxxmu” tagħna? Jekk aħna miżżewġin, il-mara jew ir-raġel hu l-iktar proxxmu li hu qrib tagħna. L-aħwa rġiel u nisa fil-kongregazzjoni huma l-proxxmu tagħna wkoll, u anki n-nies li niltaqgħu magħhom fil-ministeru. F’dan l-artiklu, se nitgħallmu dwar kif nistgħu nuru l-imħabba lejn il-proxxmu tagħna.

ĦOBB LIS-SIEĦEB JEW IS-SIEĦBA TIEGĦEK FIŻ-ŻWIEĠ

4. Żwieġ kif jistaʼ jkun taʼ suċċess minkejja l-imperfezzjoni umana?

4 Ġeħova ħalaq lil Adam u Eva u għaqqadhom flimkien. Dan kien l-ewwel żwieġ. Alla ried li jkollhom żwieġ ferħan u jimlew l-art bit-tfal tagħhom. (Ġenesi 1:27, 28) Madanakollu, iż-żwieġ tagħhom ħa daqqa taʼ ħarta meta m’obdewx lil Ġeħova u ġabu d-dnub u l-mewt fuqna lkoll. (Rumani 5:12) Minkejja dan, żwieġ jistaʼ jkun taʼ suċċess illum il-ġurnata. Fil-Bibbja, Ġeħova, il-Ħallieq taż-żwieġ, ta l-aqwa pariri possibbli għall-irġiel u n-nisa miżżewġin.—Aqra t-2 Timotju 3:16, 17.

Ġeħova jistenna li r-raġel ikun kap kollu mħabba

5. L-imħabba kemm hi importanti fiż-żwieġ?

5 Il-Bibbja turi li l-imħabba mill-qalb u tenera hi essenzjali biex ikollna relazzjonijiet ferħanin. Dan ċertament hu minnu fil-każ taż-żwieġ. L-appostlu Pawlu ddeskriva l-imħabba ġenwina meta qal: “L-imħabba tistabar fit-tul u qalbha tajba. L-imħabba ma tgħirx, ma tiftaħarx, ma tintefaħx, ma ġġibx ruħha b’mod indeċenti, ma tfittixx l-interessi tagħha, ma tiġix provokata. Ma żżommx kont tal-ħsara. Ma tithenniex bl-inġustizzja, imma tithenna bil-verità. Kollox tiflaħ, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti. L-imħabba ma tbatti qatt.” (1 Korintin 13:4-8) Meta naħsbu dwar kliem Pawlu u napplikawh, ikun jistaʼ jkollna żwieġ hieni.

Il-Bibbja turina kif ikollna żwieġ taʼ suċċess (Ara paragrafi 6, 7)

6, 7. (a) Il-Bibbja x’tgħid dwar il-kapijiet tal-familja? (b) Raġel Kristjan kif għandu jittratta lil martu?

6 Ġeħova ddeċieda min għandu jkun il-kap tal-familja. Pawlu spjega: “Irridkom tkunu tafu li l-kap taʼ kull raġel hu l-Kristu; u l-kap tal-mara hu r-raġel; u l-kap tal-Kristu hu Alla.” (1 Korintin 11:3) Imma Ġeħova jistenna li r-raġel ikun kap kollu mħabba, u qatt ma jkun kattiv jew krudil. Ġeħova nnifsu hu Kap qalbu tajba u mhux egoist. Għalhekk, Ġesù jirrispetta l-awtorità kollha mħabba t’Alla. Hu qal: “Inħobb lill-Missier.” (Ġwanni 14:31) Ġesù ma kienx se jħossu hekk li kieku Ġeħova kien aħrax miegħu.

7 Veru li r-raġel hu l-kap taʼ martu, imma l-Bibbja xorta waħda tgħidlu li għandu jonoraha. (1 Pietru 3:7) Raġel miżżewweġ kif jistaʼ jagħmel dan? Jistaʼ jikkunsidra x’għandha bżonn u jirrispetta  l-preferenzi tagħha. Il-Bibbja tgħid: “Irġiel, komplu ħobbu lin-nisa tagħkom, bħalma l-Kristu wkoll ħabb lill-kongregazzjoni u ta lilu nnifsu għaliha.” (Efesin 5:25) Iva, Ġesù saħansitra ta ħajtu għas-segwaċi tiegħu. Meta raġel miżżewweġ ikun kap kollu mħabba bħal Ġesù, ikun iktar faċli għal martu biex tħobbu, tirrispettah, u tonora d-deċiżjonijiet tiegħu.—Aqra Titu 2:3-5.

ĦOBB LIL ĦUTEK IRĠIEL U NISA

8. Kif għandna nħossuna dwar ħutna rġiel u nisa?

8 Illum il-ġurnata, miljuni taʼ nies madwar id-dinja jqimu lil Ġeħova. Dawn huma ħutna rġiel u nisa. Kif għandna nħossuna dwarhom? Il-Bibbja tgħid: “Ħa nagħmlu t-tajjeb maʼ kulħadd, imma speċjalment maʼ min jiġi minna fil-fidi.” (Galatin 6:10; aqra Rumani 12:10.) L-appostlu Pietru kiteb li ‘l-ubbidjenza tagħna lejn il-verità’ għandha twassal għal “affezzjoni [ġenwina] lejn l-aħwa.” Ukoll, Pietru qal lill-Kristjani sħabu: “Fuq kollox, ħa jkollkom imħabba profonda lejn xulxin.”—1 Pietru 1:22; 4:8.

9, 10. In-nies t’Alla għala huma magħqudin?

9 L-organizzazzjoni globali tagħna hi  unika. Għala? Għax għandna mħabba profonda u ġenwina għal ħutna rġiel u nisa. Iktar importanti minn hekk, peress li nħobbu lil Ġeħova u nobdu l-liġijiet tiegħu, hu jappoġġana bl-iktar forza setgħana fl-univers, l-ispirtu qaddis tiegħu. L-ispirtu t’Alla jgħinna nkunu fratellanza globali li tassew hi magħquda.—Aqra l-1 Ġwanni 4:20, 21.

10 Pawlu enfasizza l-bżonn tal-imħabba fost il-Kristjani meta kiteb: “Ilbsu sentimenti profondi taʼ mogħdrija, u qalb tajba, umiltà, ħlewwa, u sabar fit-tul. Komplu ssaportu lil xulxin u aħfru lil xulxin mill-qalb jekk xi ħadd għandu għalxiex jilmenta kontra ħaddieħor. Bħalma Ġeħova ħafrilkom mill-qalb, agħmlu hekk intom ukoll. Imma, minbarra dawn l-affarijiet kollha, ilbsu l-imħabba, għax hi rabta perfetta li tgħaqqad.” (Kolossin 3:12-14) Kemm aħna grati li l-imħabba, li hi “rabta perfetta li tgħaqqad,” teżisti fostna, ġejjin minn liema pajjiż ġejjin.

L-imħabba u l-unità jidentifikaw lix-Xhieda taʼ Ġeħova bħala s-segwaċi veri taʼ Ġesù, in-nies li Alla qed juża biex jippritkaw l-aħbar tajba tas-Saltna mad-dinja kollha

11. X’jidentifika lill-organizzazzjoni t’Alla?

11 L-imħabba u l-unità ġenwina tal-qaddejja taʼ Ġeħova jidentifikawhom bħala dawk l-uħud li jipprattikaw ir-reliġjon vera. Ġesù qal: “B’dan ikun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.” (Ġwanni 13:34, 35) U l-appostlu Ġwanni kiteb: “Ulied Alla u wlied ix-Xitan jidhru ċar minn dan il-fatt: Kulmin ma jipprattikax il-ġustizzja ma joriġinax minn Alla, lanqas min ma jħobbx lil ħuh. Għax dan hu l-messaġġ li smajtu sa mill-bidu, li għandna nħobbu lil xulxin.” (1 Ġwanni 3:10, 11) L-imħabba u l-unità jidentifikaw lix-Xhieda taʼ Ġeħova bħala s-segwaċi veri taʼ Ġesù, in-nies li Alla qed juża biex jippritkaw l-aħbar tajba tas-Saltna mad-dinja kollha.—Mattew 24:14.

TINĠABAR “FOLLA KBIRA”

12, 13. Dawk tal-“folla kbira” x’qed jagħmlu llum, u x’se jesperjenzaw dalwaqt?

12 Il-biċċa l-kbira tal-qaddejja taʼ Ġeħova llum jagħmlu parti mill-“folla kbira” li ġejja minn ħafna partijiet differenti tal-art, u dawn juru li jappoġġaw is-Saltna. “Dawn huma l-uħud li ħarġu mit-tribulazzjoni l-kbira, għax ħaslu l-ilbiesi tagħhom u għamluhom bojod fid-demm tal-Ħaruf” billi wrew fidi fis-sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa. Dawk tal-“folla kbira” jħobbu lil Ġeħova u lil Ibnu, u jqimu lil Ġeħova “lejl u nhar.”—Rivelazzjoni 7:9, 14, 15.

13 Alla dalwaqt se jeqred lil din id-dinja mill-agħar fit-“tribulazzjoni kbira.”  (Mattew 24:21; aqra Ġeremija 25:32, 33.) Imma Ġeħova se jipproteġi u jiggwida lill-qaddejja tiegħu għal ġod-dinja l-ġdida tiegħu għax iħobbhom. Bħalma wiegħed kważi 2,000 sena ilu, hu se “jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ.” Tħares int ’il quddiem biex tgħix fil-Ġenna tal-art wara li l-ħażen, it-tbatija, u l-mewt jinġiebu fix-xejn?—Rivelazzjoni 21:4.

14. Kemm saret kbira l-folla kbira?

14 Fil-bidu tal-aħħar jiem fl-1914, kien hemm biss madwar 5,000 qaddej t’Alla. Imqanqal mill-imħabba għall-proxxmu u bl-għajnuna tal-ispirtu qaddis t’Alla, dan il-grupp żgħir t’aħwa midlukin ippritkaw l-aħbar tajba tas-Saltna minkejja l-isfidi. X’kien ir-riżultat? Illum, folla kbira taʼ nies bit-tama li jgħixu għal dejjem fuq l-art qed tinġabar. Hemm madwar 8,000,000 Xhud f’iktar minn 115,400 kongregazzjoni madwar id-dinja, u n-numru dejjem qed jiżdied. Pereżempju, iktar minn 275,500 Xhud ġdid tgħammdu fis-sena taʼ servizz 2014, jew fi kliem ieħor kull ġimgħa tgħammdu 5,300.

15. Ħafna nies kif semgħu bl-aħbar tajba llum?

15 Hu tal-għaġeb li ssir taf kif ħafna nies semgħu bl-aħbar tajba tas-Saltna. Illum, il-pubblikazzjonijiet tagħna huma disponibbli f’iktar minn 700 lingwa. It-Torri tal-Għassa hi l-iktar rivista li titqassam man-nies madwar id-dinja. Kull xahar jiġu stampati iktar minn 52,000,000 kopja taʼ din ir-rivista f’247 lingwa. U l-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?, li nużaw biex nikkonduċu studji tal-Bibbja, ġie tradott f’iktar minn 250 lingwa. S’issa, ġew stampati iktar minn 200,000,000 kopja.

16. L-organizzazzjoni taʼ Ġeħova għala tkompli tikber?

16 L-organizzazzjoni tagħna tibqaʼ tikber għax għandna fidi f’Alla u naċċettaw il-Bibbja bħala l-Kelma mnebbħa tiegħu. (1 Tessalonikin 2:13) Inkomplu ngawdu l-barka taʼ Ġeħova minkejja l-mibegħda u l-oppożizzjoni taʼ Satana.—2 Korintin 4:4.

DEJJEM ĦOBB LIL OĦRAJN

17, 18. Ġeħova kif jistenna li nħossuna lejn dawk li ma jqimuhx?

17 In-nies jirreaġixxu b’ħafna modi differenti għall-ippritkar tagħna. Xi wħud jagħtuna widen, filwaqt li oħrajn jobogħdu l-messaġġ tagħna. Ġeħova kif jistenna li nħossuna lejn dawk li ma jqimuhx? Jirreaġixxu kif jirreaġixxu għal messaġġ tagħna, aħna nsegwu l-parir li nsibu fil-Bibbja: “Ħa jkun kliemkom dejjem kollu ħlewwa, imħawwar bil-melħ, sabiex tkunu tafu kif għandkom twieġbu lil kulħadd.” (Kolossin 4:6) Kull meta niddefendu t-twemmin tagħna, irridu nagħmlu dan “bil-ħlewwa u b’rispett profond” għax inħobbu lill-proxxmu.—1 Pietru 3:15.

18 Anki meta n-nies jirrabjaw u jiċħdu l-messaġġ tagħna, aħna nuru mħabba għall-proxxmu u nimitaw l-eżempju  taʼ Ġesù. Meta Ġesù “kien mgħajjar, m’għajjarx lura. Meta kien qed isofri, m’heddidx.” Minflok, Ġesù fada f’Ġeħova. (1 Pietru 2:23) Għalhekk, dejjem għandna nuru l-umiltà u napplikaw il-parir: “Tpattux ħsara bi ħsara jew tgħajjir b’tgħajjir, imma, għall-kuntrarju, bierku.”—1 Pietru 3:8, 9.

Aħna għandna nħobbu lill-għedewwa tagħna, jittrattawna kif jittrattawna

19. Kif għandna nittrattaw lill-għedewwa tagħna?

19 L-umiltà tgħinna nobdu prinċipju importanti li ta Ġesù. Hu spjega: “Smajtu li ntqal, ‘Ħobb lill-proxxmu tiegħek u obgħod lill-għadu tiegħek.’ Madankollu, jien ngħidilkom: Komplu ħobbu lill-għedewwa tagħkom u itolbu għal dawk li qed jippersegwitawkom; sabiex turu li intom ulied Missierkom li hu fis-smewwiet, għax hu jtellaʼ x-xemx tiegħu fuq il-ħżiena u fuq it-tajbin u jniżżel ix-xita fuq in-nies sewwa u fuq dawk li m’humiex.” (Mattew 5:43-45) Bħala l-qaddejja t’Alla, aħna għandna nħobbu lill-għedewwa tagħna, jittrattawna kif jittrattawna.

20. Kif nafu li l-art kollha se tkun mimlija bi mħabba għal Alla u għall-proxxmu? (Ara l-ewwel stampa.)

20 Dejjem għandna nuru li nħobbu lil Ġeħova u lill-proxxmu tagħna. Anki jekk in-nies jopponu lilna u l-messaġġ tagħna, aħna ngħinuhom meta jkunu fil-bżonn. L-appostlu Pawlu kiteb: “Ħa ma jkollkom tagħtu xejn lil ħadd, ħlief li tħobbu lil xulxin; għax min iħobb lill-proxxmu tiegħu jwettaq il-liġi. Għax il-kodiċi tal-liġi, ‘Tagħmilx adulterju, Toqtolx, Tisraqx, Tixxennaqx b’għira,’ u kwalunkwe kmandament ieħor, tinġabar f’dan il-kliem, jiġifieri, ‘Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.’ L-imħabba ma tagħmilx ħsara lill-proxxmu; għalhekk, l-imħabba hi t-twettiq tal-liġi.” (Rumani 13:8-10) Din id-dinja maħkuma minn Satana hi vjolenti, mill-agħar, u mhix magħquda. Minkejja dan, il-qaddejja t’Alla juru mħabba ġenwina lejn il-proxxmu. (1 Ġwanni 5:19) Wara li Ġeħova jeqred lil Satana, lid-demonji tiegħu, u lil din id-dinja mill-agħar, l-art se tkun mimlija bi mħabba. X’barka se tkun meta dawk kollha fuq l-art ikunu jħobbu kemm lil Ġeħova kif ukoll il-proxxmu!