Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

“Żommu sod fil-fidi”

“Żommu sod fil-fidi”

“Żommu sod fil-fidi, . . . siru setgħanin.” —1 KORINTIN 16:13.

GĦANJIET: 60, 64

1. (a) Pietru xi ġralu matul maltempata fuq il-Baħar tal-Galilija? (Ara l-ewwel stampa.) (b) Pietru għala beda jegħreq?

LEJLA waħda, l-appostlu Pietru u xi ftit mid-dixxipli kienu qed jitħabtu biex jaqsmu l-Baħar tal-Galilija fuq dgħajsa matul maltempata. F’daqqa waħda, raw lil Ġesù miexi fuq il-baħar. Pietru sejjaħ lil Ġesù u staqsieh jekk setax jimxi fuq l-ilma sa ħdejh. Meta Ġesù qallu biex jiġi ħdejh, Pietru niżel mid-dgħajsa u beda jimxi lejh. Imma ftit wara li beda jimxi, Pietru beda jegħreq. Għala? Għax ħares lejn il-maltempata u l-mewġ u beda jibżaʼ. Pietru għajjat għall-għajnuna u Ġesù malajr qabdu u qallu: “Int taʼ fidi żgħira, għala ddubitajt?”—Mattew 14:24-32.

2. X’se nikkunsidraw issa?

2 Ejja nikkunsidraw tliet affarijiet dwar il-fidi li nistgħu nitgħallmu mill-esperjenza taʼ Pietru: (1) kif Pietru l-ewwel fada li Ġeħova setaʼ jgħinu, (2) għala bdiet tiddgħajjef il-fidi taʼ Pietru, u (3) x’għen lil Pietru jerġaʼ jsaħħaħ il-fidi  tiegħu. Billi neżaminaw dawn il-punti, se niġu megħjunin naraw kif nistgħu ‘nżommu sod fil-fidi.’—1 Korintin 16:13.

FIDI LI ALLA SE JGĦINNA

3. Pietru għala niżel mid-dgħajsa, u aħna kif għamilna xi ħaġa simili?

3 Pietru kellu fidi b’saħħitha. Għala nistgħu ngħidu hekk? Meta Ġesù sejjaħlu, Pietru niżel mid-dgħajsa u mexa fuq l-ilma. Hu kien fiduċjuż li l-qawwa t’Alla kienet se tagħtih l-abbiltà li jimxi fuq l-ilma, sewwasew kif ġara fil-każ taʼ Ġesù. B’mod simili, meta Ġesù stidinna nsegwuh, aħna ddedikajna ruħna lil Ġeħova u tgħammidna. Għala? Għax għandna fidi kemm f’Ġeħova u kemm f’Ġesù u għax fdajna li se jgħinuna.—Ġwanni 14:1; aqra l-1 Pietru 2:21.

Il-fidi taʼ Pietru tatu l-abbiltà li jagħmel xi ħaġa li dehret impossibbli għal bniedem

4, 5. Il-fidi għala hi xi ħaġa prezzjuża?

4 Il-fidi hi xi ħaġa prezzjuża. Il-fidi taʼ Pietru tatu l-abbiltà li jimxi fuq l-ilma, xi ħaġa li dehret impossibbli mill-ħarsa tal-bniedem. Il-fidi tistaʼ tgħin lilna wkoll biex nagħmlu dak li jidher li hu impossibbli. (Mattew 21:21, 22) Xi wħud minna tant biddlu l-attitudni u l-imġiba tagħhom li nies li kienu jafuhom qabel lanqas għadhom jagħrfuhom. Għamlu dawn il-bidliet għax iħobbu lil Ġeħova u għax hu għenhom biex jagħmlu dawn il-bidliet. (Aqra Kolossin 3:5-10.) Il-fidi qanqlitna niddedikaw ruħna lil Ġeħova, u sirna l-ħbieb tiegħu, xi ħaġa li ma stajniex nagħmlu mingħajr l-għajnuna tiegħu.—Efesin 2:8.

5 Il-fidi tagħna tkompli ssaħħaħna. Pereżempju, tgħinna niġġieldu kontra l-attakki tax-Xitan, l-għadu setgħan tagħna. (Efesin 6:16) Ukoll, peress li nafdaw f’Ġeħova, m’għandniex għalfejn ninkwetaw daqstant meta ngħaddu minn problemi. Ġeħova wegħedna li se jagħtina dak li għandna bżonn jekk aħna nafdaw fih u npoġġu s-Saltna tiegħu l-ewwel f’ħajjitna. (Mattew 6:30-34) U iktar minn hekk, minħabba l-fidi tagħna, Ġeħova se jagħtina r-rigal mill-isbaħ taʼ ħajja taʼ dejjem.—Ġwanni 3:16.

NISTGĦU NITILFU L-FIDI TAGĦNA JEKK MA NIBQGĦUX IFFOKATI

6, 7. (a) Maʼ xiex nistgħu nqabblu r-riħ u l-mewġ li beżżgħu lil Pietru? (b) Għala rridu nifhmu li hu possibbli li nitilfu l-fidi tagħna?

6 Hekk kif Pietru mexa fuq il-Baħar tal-Galilija, beda jibżaʼ. Għala? Minħabba r-riħ u l-mewġ. Dawn jistgħu jitqabblu mal-ħafna provi u tentazzjonijiet li l-Kristjani jħabbtu wiċċhom magħhom illum il-ġurnata. Anke jekk dawn il-problemi jkunu diffiċli ferm, nistgħu nkunu b’saħħitna bl-għajnuna taʼ Ġeħova. Imma tinsiex x’ġara lil Pietru. Hu m’għeriqx minħabba r-riħ jew għax kien qed jolqtu l-mewġ. Minflok, il-Bibbja tgħid: “X’ħin ra r-riefnu beda jibżaʼ.” (Mattew 14:30) Pietru ma baqax iħares lejn Ġesù imma ffoka fuq il-qawwa tal-maltempata. Imbagħad il-fidi tiegħu  bdiet tiddgħajjef. B’mod simili, jekk niffokaw fuq il-problemi tagħna, nistgħu nibdew niddubitaw jekk Ġeħova hux se jgħinna.

Jekk ma niffokawx fuq dak li hu xieraq, il-fidi tagħna malajr tistaʼ tiddgħajjef

7 Irridu nifhmu li huwa possibbli li nitilfu l-fidi tagħna. Għala? Għax il-Bibbja tgħid li n-nuqqas taʼ fidi hu “d-dnub li faċilment ifixkilna.” (Ebrej 12:1) Bħal Pietru, jekk ma niffokawx fuq dak li hu xieraq, il-fidi tagħna malajr tistaʼ tiddgħajjef. Allura kif nistgħu nkunu nafu jekk il-fidi tagħna hix fil-periklu? Il-mistoqsijiet li ġejjin se jgħinuna neżaminaw lilna nfusna.

8. Il-wegħdi t’Alla kif jistgħu jidhru inqas reali għalina issa milli kienu qabel?

8 Il-wegħdi t’Alla huma reali għalija issa daqs kemm kienu qabel? Pereżempju, Alla wiegħed li jeqred id-dinja taʼ Satana. Madanakollu, niġu aljenati aħna mill-ħafna tipi differenti taʼ divertiment li toffri d-dinja tiegħu? Jekk iva, nafu nibdew niddubitaw li t-tmiem hu fil-qrib. (Ħabakkuk 2:3) Aħseb dwar eżempju ieħor. Ġeħova pprovda l-fidwa, u wiegħed li jaħfer l-iżbalji li nagħmlu. Imma jekk nibqgħu niffokaw fuq l-iżbalji li ħadna fil-passat, nistgħu nibdew niddubitaw li Ġeħova verament ħafrilna. (Atti 3:19) Għalhekk, nistgħu nibdew nitilfu l-ferħ fis-servizz lil Alla u nieqfu nippritkaw lil oħrajn.

9. X’jistaʼ jiġri jekk niffokaw ħajjitna fuq l-interessi persunali?

9 Għadni nagħti lil Ġeħova l-aqwa tiegħi? Meta naħdmu iebes għal Ġeħova, dan jgħinna niffokaw fuq it-tama li għandna għall-futur. Però, xi ngħidu jekk bdejna niffokaw iktar fuq l-interessi tagħna stess? Pereżempju, forsi naċċettaw xogħol li jrendi l-flus imma li jnaqqas mill-ħin li nistgħu nqattgħu fl-attivitajiet spiritwali. Dan jistaʼ jdgħajfilna l-fidi, u nistgħu nibdew ‘nitgħażżnu’ u nagħmlu inqas għal Ġeħova milli fil-fatt nistgħu nagħmlu.—Ebrej 6:10-12.

Id-dixxipli taʼ Ġesù tgħallmu li hemm bżonn il-fidi biex dak li jkun jaħfer

10. Kif nuru fidi f’Ġeħova meta naħfru lil oħrajn?

10 Huwa diffiċli għalija li naħfer lil ħaddieħor? Meta xi ħadd iweġġagħna jew jirfsilna l-kallu, ikollna aptit nirrabjaw miegħu jew nieqfu milli nkellmuh? Jekk inhu hekk, jistaʼ jagħti l-każ li qed niffokaw wisq fuq is-sentimenti tagħna stess. Aħna nuru li għandna fidi f’Ġeħova meta naħfru lil oħrajn. F’liema sens? Jekk xi ħadd jidneb kontrina, nistgħu ngħidu li hu jkollu d-dejn magħna. Meta aħna nidinbu kontra Ġeħova,  aħna jkollna d-dejn miegħu. (Luqa 11:4) Allura meta naħfru lil oħrajn, inkunu qed nafdaw lil Ġeħova. Aħna nkunu qed nafdaw li hu se jbierek l-attitudni tagħna, u l-barka tiegħu hi bil-wisq iktar taʼ valur milli li npattuha lil xi ħadd talli weġġagħna. Id-dixxipli taʼ Ġesù tgħallmu li hemm bżonn il-fidi biex dak li jkun jaħfer. Meta Ġesù qalilhom biex jaħfru anki lil dawk li dinbu kontrihom ħafna drabi, id-dixxipli tiegħu talbuh bil-ħrara: “Agħtina iktar fidi.”—Luqa 17:1-5.

11. X’jistaʼ jżommna lura milli nitgħallmu meta ningħataw parir?

11 Nieħu għalija meta ningħata parir? Fittex għal modi kif titgħallem mill-parir minflok ma tfittex għal żbalji fil-parir jew dgħufijiet f’dak li tak il-parir. (Proverbji 19:20) Aħtaf kull opportunità biex titgħallem iġġib il-ħsibijiet tiegħek iktar fi qbil maʼ dawk taʼ Ġeħova.

12. X’tistaʼ tkun il-problema jekk individwu dejjem igerger dwar dawk li jieħdu t-tmexxija?

12 Ingerger jien dwar dawk li jieħdu t-tmexxija fil-kongregazzjoni? Meta l-Iżraelin iffokaw fuq ir-rapport ħażin tal-10 spiji, huma gergru dwar Mosè u Aron. Imbagħad Ġeħova staqsa lil Mosè: “Kemm se jdumu jirrifjutaw li jpoġġu l-fidi fija?” (Numri 14:2-4, 11) Iva, Ġeħova kien jaf li l-Iżraelin ma kinux qed jafdawh għax gergru kontra Mosè u Aron, irġiel li kien ħatar hu. B’mod simili, jekk dejjem ingergru dwar dawk li Ġeħova juża biex imexxi n-nies tiegħu llum, dan jistaʼ juri li l-fidi tagħna f’Alla ddgħajfet.

13. Għala m’għandniex naqtgħu qalbna jekk nindunaw li l-fidi tagħna ddgħajfet xi ftit?

13 Wara li tikkunsidra dawn il-mistoqsijiet, taqtax qalbek jekk tinduna li l-fidi tiegħek iddgħajfet. Ftakar li anki  l-appostlu Pietru beda jibżaʼ u jiddubita. U kultant, Ġesù wissa lill-appostli kollha tiegħu għax kellhom “fidi żgħira.” (Mattew 16:8) Imma nistgħu nitgħallmu lezzjoni importanti mill-esperjenza taʼ Pietru. Innota x’għamel wara li beda jiddubita u jegħreq fil-baħar.

IFFOKA FUQ ĠESÙ ĦALLI SSAĦĦAĦ IL-FIDI TIEGĦEK

14, 15. (a) Pietru x’għamel meta beda jegħreq? (b) Kif nistgħu “nħarsu fiss” lejn Ġesù?

14 Pietru x’għamel meta beda jegħreq? Pietru kien jaf jgħum sew, u allura setaʼ ddeċieda li jgħum lura lejn id-dgħajsa. (Ġwanni 21:7) Imma għala m’għamilx hekk? Għax ma straħx fuqu nnifsu għall-għajnuna. Hu reġaʼ ffoka fuq Ġesù u aċċetta l-għajnuna tiegħu. Jekk nindunaw li l-fidi tagħna ddgħajfet, għandna nimitaw lil Pietru. Kif?

15 Bħalma Pietru reġaʼ ffoka fuq Ġesù għall-għajnuna, aħna wkoll għandna “nħarsu fiss” lejn Ġesù. (Aqra Ebrej 12:2, 3.) Imma ma nistgħux narawh b’għajnejna stess bħalma setaʼ Pietru. Allura kif nistgħu “nħarsu fiss” lejn Ġesù? Nistgħu nistudjaw l-affarijiet li għallem u għamel u mbagħad nimitawh kemm jistaʼ jkun. Meta nagħmlu dan, se jkollna l-għajnuna li għandna bżonn biex insaħħu l-fidi tagħna. Ejja nikkunsidraw xi modi kif nistgħu nimitaw lil Ġesù.

Meta niffokaw fuq l-eżempju taʼ Ġesù u nimitawh mill-qrib, jistaʼ jkollna fidi soda (Ara paragrafu 15)

16. Il-Bibbja kif tistaʼ tgħinna nsaħħu l-fidi tagħna?

16 Saħħaħ il-fiduċja tiegħek fil-Bibbja. Ġesù kien konvint li l-Bibbja hi l-Kelma t’Alla u li tagħtina l-aqwa pariri. (Ġwanni 17:17) Biex nimitaw lil Ġesù, irridu naqraw il-Bibbja kuljum, nistudjawha, u nimmeditaw fuq il-lezzjonijiet li nitgħallmu minnha. Ukoll, irridu nfittxu għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet li jaf ikollna. Pereżempju, temmen int b’mod sod li qed ngħixu fl-aħħar jiem? Saħħaħ il-fiduċja tiegħek li t-tmiem hu fil-qrib billi tistudja profeziji tal-Bibbja li juru b’mod ċar u tond li qed ngħixu fl-aħħar jiem. Tixtieq issaħħaħ il-fidi tiegħek fil-wegħdi t’Alla għall-futur? Mela studja l-profeziji tal-Bibbja li diġà twettqu. Tassew temmen li l-Bibbja hi prattika llum il-ġurnata? Int tistaʼ taqra dwar aħwa rġiel u nisa li biddlu ħajjithom għall-aħjar grazzi għall-għajnuna tal-Bibbja. * (Ara n-nota taʼ taħt.)—1 Tessalonikin 2:13.

17. Ġesù kif irnexxielu jissaporti provi diffiċli ferm, u kif tistaʼ timitah?

17 Iffoka fuq il-barkiet li Ġeħova wiegħed. Ġesù ffoka fuq il-barkiet futuri tiegħu, u dan għenu jissaporti provi diffiċli ferm. (Ebrej 12:2) Qatt ma ġie aljenat minn dak li kellha x’toffri d-dinja. (Mattew 4:8-10) Kif nistgħu nimitaw l-eżempju taʼ Ġesù? Immedita fuq il-wegħdi mill-isbaħ taʼ Ġeħova. Immaġinak fid-dinja l-ġdida. Ikteb jew pinġi dak li se tagħmel fil-Ġenna tal-art. Jew agħmel lista taʼ nies li se jirxoxtaw li tixtieq titkellem magħhom u ikteb x’tixtieq tgħidilhom. Qis dawn il-wegħdi bħala wegħdi li Alla għamel miegħek persunalment, u mhux biss wegħdi li għamel man-nies inġenerali.

18. It-talb kif jistaʼ jgħinek issaħħaħ il-fidi?

 18 Itlob għal iktar fidi. Ġesù għallem lid-dixxipli tiegħu biex jitolbu lil Ġeħova għall-ispirtu qaddis. (Luqa 11:9, 13) Hekk kif tagħmel dan, itlob għal iktar fidi. Din hi aspett mill-frott tal-ispirtu qaddis. Tistaʼ tkun speċifiku fit-talb tiegħek. Pereżempju, jekk tinnota li hu diffiċli għalik li taħfer lil oħrajn, itlob lil Ġeħova biex jgħinek iżżomm il-fidi tiegħek b’saħħitha u biex jgħinek taħfer.

19. Kif nistgħu nagħżlu ħbieb tajbin?

19 Agħżel ħbieb li għandhom fidi b’saħħitha. Meta għażel il-ħbieb tal-qalb tiegħu, Ġesù qagħad attent ħafna. L-iktar ħbieb tal-qalb tiegħu, l-appostli, urew fedeltà, kienu leali, u obdewh. (Aqra Ġwanni 15:14, 15.) Imita lil Ġesù u oqgħod attent ħafna meta tiġi biex tagħżel lil ħbiebek. Għandhom ikunu nies b’fidi soda li jobdu lil Ġesù. Ħbieb veri huma onesti maʼ xulxin, anke meta jkollhom jagħtu jew jaċċettaw xi parir.—Proverbji 27:9.

20. X’se jiġri meta ngħinu lil oħrajn jibnu l-fidi tagħhom?

20 Għin lil oħrajn jibnu l-fidi tagħhom. Ġesù għen lid-dixxipli tiegħu jsaħħu l-fidi tagħhom b’dak li qal u għamel. (Marku 11:20-24) Għandna nimitaw l-eżempju taʼ Ġesù. Meta nagħmlu dan, se nsaħħu l-fidi tagħna stess u l-fidi t’oħrajn. (Proverbji 11:25) Kif tistaʼ tgħin lin-nies fit-territorju tiegħek? Meta tgħallem il-Bibbja lil oħrajn, enfasizza l-evidenza li Alla jeżisti, li jimpurtah minna, u li l-Bibbja hi l-Kelma t’Alla. Kif tistaʼ tgħin lil ħutek irġiel u nisa biex iżommu l-fidi tagħhom b’saħħitha? Jekk tinnota lil xi ħadd igerger dwar l-aħwa li jieħdu t-tmexxija, tkunx ħafif biex tevitah. Minflok, bit-tattika pprova għinu jerġaʼ jsaħħaħ il-fidi tiegħu. (Ġuda 22, 23) Jekk għadek l-iskola u l-għalliem tiegħek jitkellem dwar l-evoluzzjoni, kun kuraġġuż u ddefendi l-fidi tiegħek fil-ħolqien. Ir-reazzjoni tal-għalliem u taʼ sħabek tal-klassi taf tissorprendik b’mod pożittiv.

21. Ġeħova x’wiegħed lil kull wieħed u waħda minna?

21 Ġeħova u Ġesù għenu lil Pietru jegħleb id-dubji u l-biżaʼ. Iktar tard f’ħajtu, Pietru sar eżempju sod taʼ fidi għal ħaddieħor. Bl-istess mod, Ġeħova jgħin lil kull wieħed u waħda minna biex jibqaʼ sod fil-fidi. (Aqra l-1 Pietru 5:9, 10.) Teħtieġ sforz biex tibni fidi b’saħħitha, imma Ġeħova se jippremjana meta nagħmlu dan l-isforz.

^ par. 16 Pereżempju, ara s-serje “Il-Bibbja tbiddel il-ħajjiet” fl-edizzjoni għall-pubbliku tat-Torri tal-Għassa.