“Iż-żelu għal darek jikolni.”—ĠWANNI 2:17.

GĦANJIET: 127, 118

1, 2. (a) Fil-passat, il-qaddejja taʼ Ġeħova fejn kienu jqimuh? (b) Ġesù kif ħassu dwar it-tempju taʼ Ġeħova f’Ġerusalemm? (ċ) X’se niddiskutu f’dan l-artiklu?

IL-QADDEJJA t’Alla, fil-passat u llum, kellhom u għad għandhom postijiet fejn jistgħu jqimu ’l Alla. Pereżempju, meta Abel offra sagrifiċċji lil Ġeħova, għandu mnejn bena artal. (Ġenesi 4:3, 4) Noè, Abraham, Iżakk, Ġakobb, u Mosè lkoll għamlu artali. (Ġenesi 8:20; 12:7; 26:25; 35:1; Eżodu 17:15) Ġeħova qal lill-Iżraelin biex jibnu tabernaklu. (Eżodu 25:8) Imbagħad, tahom istruzzjonijiet biex jibnu tempju. (1 Slaten 8:27, 29) Wara li n-nies t’Alla rritornaw mill-eżilju f’Babilonja, b’mod regulari ltaqgħu f’sinagogi. (Marku 6:2; Ġwanni 18:20; Atti 15:21) U l-ewwel Kristjani kienu jiltaqgħu fi djar. (Atti 12:12; 1 Korintin 16:19) Illum, in-nies taʼ Ġeħova madwar id-dinja kollha jiltaqgħu f’għaxriet t’eluf taʼ Swali tas-Saltna, fejn jitgħallmu dwar Ġeħova u jqimuh.

2 Ġesù kellu rispett profond għat-tempju taʼ Ġeħova f’Ġerusalemm. L-imħabba taʼ Ġesù għat-tempju fakkret lid-dixxipli tiegħu dwar kliem is-salmista: “Iż-żelu għal darek kielni.” (Salm 69:9; Ġwanni 2:17) Sala tas-Saltna mhix “id-dar taʼ Ġeħova” bħalma kien it-tempju f’Ġerusalemm. (2 Kronaki 5:13;  33:4) Imma xorta għandna nirrispettaw ħafna l-postijiet taʼ qima tagħna. F’dan l-artiklu, se niddiskutu prinċipji Bibliċi li jgħallmuna kif għandna nġibu ruħna meta nkunu fis-Swali tas-Saltna, kif għandna nieħdu ħsiebhom, u kif nistgħu ngħinu biex inħallsu għalihom. *—Ara n-nota taʼ taħt.

NURU RISPETT GĦAL-LAQGĦAT TAGĦNA

3-5. X’inhi Sala tas-Saltna, u kif għandna nħossuna dwar il-laqgħat tagħna?

3 Sala tas-Saltna hi l-post prinċipali fejn in-nies jistgħu jiltaqgħu biex iqimu lil Ġeħova. Il-laqgħat huma rigal minn Alla, u jgħinuna nsaħħu r-relazzjoni tagħna miegħu. Waqt il-laqgħat tagħna, l-organizzazzjoni tiegħu tagħtina l-inkuraġġiment u d-direzzjoni li għandna bżonn. Huwa unur għalina li nkunu mistidnin minn Ġeħova u Ibnu biex kull ġimgħa nieklu mill-“mejda taʼ Ġeħova.” (1 Korintin 10:21) M’għandna qatt ninsew kemm din l-istedina hi speċjali!

4 Ġeħova b’mod ċar jgħidilna li jridna nkunu fil-laqgħat biex inqimuh u ninkuraġġixxu lil xulxin. (Aqra Ebrej 10:24, 25.) Minħabba li nirrispettaw lil Ġeħova, aħna ma nitilfux il-laqgħat għal xejn b’xejn. Inkunu qed nuru li aħna grati għal-laqgħat tagħna meta nippreparaw għalihom u meta b’ħeġġa nipparteċipaw fihom.—Salm 22:22.

5 Il-mod kif inġibu ruħna fil-laqgħat u kif nieħdu ħsieb is-Swali tas-Saltna juri kemm nirrispettaw lil Ġeħova. Aħna rridu li l-kondotta tagħna ġġib tifħir l-isem taʼ Ġeħova, li normalment jidher fuq it-tabella tas-Sala tas-Saltna.—Qabbel l-1 Slaten 8:17.

6. Xi nies x’qalu dwar is-Swali tas-Saltna tagħna u dwar dawk li jattendu l-laqgħat? (Ara l-ewwel stampa.)

6 Meta nuru rispett għas-Swali tas-Saltna, nies oħrajn jinnotawh dan. Pereżempju, raġel fit-Turkija qal: “Bqajt impressjonat b’kemm is-Sala tas-Saltna hi nadifa u organizzata. In-nies kienu lebsin pulit, kellhom tbissima fuq wiċċhom, u laqgħuni b’mod dħuli. Dan impressjonani ħafna.” Ir-raġel beda jiġi l-laqgħat kollha u ma damx biex jitgħammed. F’belt fl-Indoneżja, l-aħwa stiednu lill-ġirien tagħhom, is-sindku, u uffiċjali oħra biex jaraw is-Sala tas-Saltna l-ġdida. Is-sindku kien impressjonat bil-kwalità tajba, bid-dehra, u bil-ġnien sabiħ tal-bini. Hu qal: “L-indafa taʼ din is-sala turi l-fidi vera tagħkom.”

Il-mod kif inġibu ruħna jistaʼ juri diżrispett għal Alla (Ara paragrafi 7, 8)

7, 8. Kif nuru li nirrispettaw lil Ġeħova meta nkunu fis-Sala tas-Saltna?

7 Ġeħova hu dak li qed jistidinna għal-laqgħat, u hu jagħti kas taʼ kif nidhru u nġibu ruħna meta nkunu hemm. Allura nevitaw l-estremitajiet. Minn banda waħda, m’aħniex stretti u formali żżejjed, u mill-banda l-oħra, m’aħniex laxki u każwali żżejjed. Huwa minnu li Ġeħova jrid lilna u n-nies li nistiednu s-Sala tas-Saltna biex ilkoll inkunu komdi hemm. Imma bl-ebda mod ma rridu nuru diżrispett għal-laqgħat. Huwa għalhekk li ma nilbsux ħwejjeġ b’mod żmattat jew każwali żżejjed, u noqogħdu attenti li ma nibagħtux messaġġi, ma nitkellmux, jew ma niklux u nixorbu waqt il-laqgħat. U l-ġenituri għandhom jgħallmu ’l uliedhom biex  ma joqogħdux jiġru jew jilagħbu fis-Sala tas-Saltna.—Ekkleżjasti 3:1.

8 Meta Ġesù ra nies ibigħu affarijiet fit-tempju t’Alla, irrabja u keċċiehom ’il barra. (Ġwanni 2:13-17) Fis-Swali tas-Saltna tagħna, aħna nqimu lil Ġeħova u nitgħallmu dwaru. Allura ma jkunx sew li nieħdu ħsieb affarijiet taʼ negozju waqt li nkunu hemm.—Qabbel Neħemija 13:7, 8.

NGĦINU BIEX JINBNEW SWALI TAS-SALTNA

9, 10. (a) In-nies taʼ Ġeħova kif jibnu Swali tas-Saltna, u x’kienu r-riżultati? (b) L-organizzazzjoni taʼ Ġeħova kif tgħin lill-kongregazzjonijiet li ma jaffordjawx jibnu s-Sala tas-Saltna tagħhom stess?

9 In-nies taʼ Ġeħova madwar id-dinja jaħdmu iebes biex jibnu Swali tas-Saltna. Volontieri li ma jitħallsux jagħmlu l-pjanti tal-bini, jibnu, u jirranġawhom. B’hekk, fl-aħħar 15-il sena, bnejna iktar minn 28,000  Sala tas-Saltna sabiħa madwar id-dinja, jew bejn wieħed u ieħor ħames Swali tas-Saltna ġodda kuljum.

10 L-organizzazzjoni taʼ Ġeħova tuża l-kontribuzzjonijiet u tassenja volontieri biex jgħinu ħalli jinbnew Swali tas-Saltna kull fejn hemm bżonn. Aħna nimxu fuq il-prinċipju Bibliku li dawk li għandhom iktar jistgħu jgħinu lil dawk li m’għandhomx biżżejjed. (Aqra t-2 Korintin 8:13-15.) X’kienu r-riżultati? Ħafna Swali tas-Saltna nbnew għall-kongregazzjonijiet li m’affordjawx iħallsu għalihom.

11. Xi aħwa x’jgħidu dwar is-Sala tas-Saltna ġdida tagħhom, u dan xi jġiegħlek tħoss?

11 Aħwa minn kongregazzjoni fil-Kosta Rika kitbu: “Meta nkunu quddiem is-Sala tas-Saltna, inħossuna qed noħolmu! Ma nistgħux nemmnu ’l għajnejna. Is-sala sabiħa tagħna tlestiet sal-inqas dettall fi tmint ijiem biss! Dan sar possibbli bil-barka taʼ Ġeħova, bl-arranġamenti li saru mill-organizzazzjoni tiegħu, u bl-appoġġ taʼ ħutna l-għeżież. Dan il-post taʼ qima hu fil-fatt rigal prezzjuż, ħaġra prezzjuża li Ġeħova tana. Inħossuna ferħanin se ntiru.” Kemm nieħdu pjaċir li nisimgħu li ħutna rġiel u nisa qed jirringrazzjaw lil Ġeħova għal dak li għamel għalihom! U aħna ferħanin ħafna li ħutna madwar id-dinja kollha jistaʼ jkollhom is-Sala tas-Saltna tagħhom stess. Huwa ċar li Ġeħova qed ibierek ix-xogħol tal-bini tas-Swali tas-Saltna, għax ladarba jinbnew, ħafna iktar nies jibdew jattendu l-laqgħat biex jitgħallmu dwar Ġeħova.—Salm 127:1.

12. Kif tistaʼ tgħin biex jinbnew Swali tas-Saltna?

12 Kif tistaʼ tgħin biex jinbnew Swali tas-Saltna? Forsi tistaʼ toffri biex tgħin f’dan ix-xogħol. U lkoll kemm aħna nistgħu nikkontribwixxu l-flus biex jitħallas il-bini taʼ Swali tas-Saltna. Meta nagħmlu kulma  nistgħu biex nappoġġaw dan ix-xogħol, inħossu l-ferħ li jiġi meta nagħtu, u iktar importanti minn hekk, inġibu tifħir lil Ġeħova. Aħna nimxu skont l-eżempju tan-nies t’Alla fi żminijiet Bibliċi li kienu ħerqanin biex jagħtu ħalli jinbnew il-postijiet taʼ qima tagħhom.—Eżodu 25:2; 2 Korintin 9:7.

INŻOMMU S-SALA TAS-SALTNA TAGĦNA NADIFA

13, 14. X’nitgħallmu mill-Bibbja li juri li għandna nżommu s-Sala tas-Saltna tagħna nadifa u f’ordni?

13 Ġeħova hu Alla nadif u qaddis. Hu Alla t’ordni. Huwa għalhekk li għandna nżommu s-Sala tas-Saltna tagħna nadifa u f’ordni. (Aqra l-1 Korintin 14:33, 40.) Sabiex inkunu nodfa u qaddisin bħal Ġeħova, mhux biss irridu nżommu l-qima tagħna, il-ħsibijiet tagħna, u l-azzjonijiet tagħna nodfa, imma rridu nżommu wkoll ġisimna nadif.—Rivelazzjoni 19:8.

14 Meta nżommu s-Sala tas-Saltna tagħna nadifa u f’ordni, inkunu kburin biex nistiednu lin-nies għal-laqgħat tagħna. U n-nies se jinnotaw li aħna verament inpoġġu fil-prattika dak li nippritkaw dwar dinja ġdida nadifa. Huma se jaraw li nqimu Alla qaddis u nadif li se jagħmel din l-art ġenna sabiħa.—Isaija 6:1-3; Rivelazzjoni 11:18.

15, 16. (a) Għala mhuwiex dejjem faċli li s-Sala tas-Saltna tinżamm nadifa? Imma għala għandna nżommuha nadifa? (b) Fis-Sala tas-Saltna tagħkom kif inhu organizzat it-tindif, u x’unur għandu kull wieħed u waħda minna?

15 Il-Malti jgħid: Mitt bniedem mitt fehma. Dan japplika wkoll dwar it-tindif. Għala? Jistaʼ jkun minħabba l-mod kif trabbejna. Apparti minn hekk, xi wħud jgħixu fi nħawi b’ħafna trab jew f’post fejn it-toroq huma maħmuġa u bit-tajn. Oħrajn m’għandhomx biżżejjed ilma jew prodotti biex inaddfu. Imma ngħixu fejn ngħixu u jaħsbu x’jaħsbu n-nies fl-akkwata tagħna dwar it-tindif, għandna nżommu s-Sala tas-Saltna nadifa u f’ordni. Huwa l-post fejn inqimu lil Ġeħova.—Dewteronomju 23:14.

16 Jekk irridu li s-Sala tas-Saltna tkun nadifa kemm jistaʼ jkun, għandna nkunu  organizzati. L-anzjani jagħmlu skeda għall-kongregazzjoni u jagħmlu ċert li dejjem ikun hemm biżżejjed prodotti tat-tindif u affarijiet bħal xkupi, bramel, u biċċiet tal-art disponibbli għall-aħwa. Apparti minn hekk, l-anzjani jorganizzaw ix-xogħol ħalli jsir kif suppost. Xi affarijiet għandhom jitnaddfu wara kull laqgħa, imma xi affarijiet oħra mhux daqshekk spiss. Ilkoll kemm aħna għandna l-unur li nieħdu sehem fit-tindif tas-Sala tas-Saltna tagħna.

NIEĦDU ĦSIEB IS-SALA TAS-SALTNA TAGĦNA

17, 18. (a) X’nistgħu nitgħallmu mill-mod kif in-nies taʼ Ġeħova fil-passat kienu jieħdu ħsieb it-tempju? (b) Għala għandna nieħdu ħsieb is-Sala tas-Saltna tagħna?

17 Aħna nżommu s-Sala tas-Saltna tagħna f’kundizzjoni tajba wkoll billi ssir kull tiswija li hi neċessarja. Il-qaddejja taʼ Ġeħova fil-passat għamlu l-istess. Pereżempju, matul ir-renju tas-Sultan Ġeħogħas taʼ Ġuda, in-nies ikkontribwew il-flus għat-tempju. Is-sultan ikkmanda l-qassisin biex jużaw dawn il-flus sabiex jissewwa t-tempju kull fejn kien hemm bżonn. (2 Slaten 12:4, 5) Iktar minn 200 sena wara, is-Sultan Ġosija wkoll uża l-kontribuzzjonijiet tat-tempju biex jitħallsu t-tiswijiet.—Aqra t-2 Kronaki 34:9-11.

18 Xi Kumitati tal-Fergħa nnotaw li n-nies fil-pajjiżi tagħhom mhumiex imdorrijin iżommu binjiet jew apparat f’kundizzjoni tajba. Jistaʼ jkun li ftit hemm nies f’dawn il-pajjiżi li jafu jagħmlu dan ix-xogħol. Jew forsi m’għandhomx biżżejjed flus biex iħallsu ħalli jsewwuhom. Imma jekk ma nsewwux is-Sala tas-Saltna tagħna kull meta jkun hemm bżonn, din tibda tidher traskurata u n-nies se jinnotawh dan. Mhux se tkun xhieda tajba għalihom. Mill-banda l-oħra, meta nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nieħdu ħsieb is-Sala tas-Saltna tagħna, inkunu qed infaħħru lil Ġeħova u ma nkunux qed naħlu l-flus li ħutna jkunu kkontribwew.

Għandna nżommu s-Sala tas-Saltna nadifa u f’kundizzjoni tajba (Ara paragrafi 16, 18)

19. X’se tagħmel biex turi r-rispett tiegħek għall-post fejn tqim lil Ġeħova?

19 Is-Sala tas-Saltna hi binja ddedikata lil Ġeħova. Mhijiex taʼ xi ħadd jew taʼ xi kongregazzjoni. Bħalma ddiskutejna f’dan l-artiklu, prinċipji Bibliċi se jgħinuna jkollna l-attitudni t-tajba lejn il-post fejn inqimu ’l Alla. Minħabba li nirrispettaw lil Ġeħova, aħna nuru rispett għal-laqgħat tagħna bħalma nuru rispett għas-Sala tas-Saltna. Aħna ferħanin li nikkontribwixxu l-flus biex jinbnew Swali tas-Saltna ġodda, u naħdmu iebes biex nieħdu ħsiebhom u nżommuhom nodfa. Bħal Ġesù, aħna nuru ż-żelu u r-rispett għall-post fejn inqimu lil Ġeħova.—Ġwanni 2:17.

^ par. 2 Dan l-artiklu qed jirreferi għas-Swali tas-Saltna. Imma dak li se niddiskutu japplika wkoll għas-Swali tal-Assembleat u postijiet oħra li jintużaw biex inqimu lil Ġeħova.