Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Oqgħod għassa—Satana jrid jibilgħek!

Oqgħod għassa—Satana jrid jibilgħek!

“Oqogħdu għassa. L-avversarju tagħkom, ix-Xitan, iħuf bħal iljun jgħajjat, jipprova jiblaʼ lil xi ħadd.”—1 PIETRU 5:8.

1. Spjega kif anġlu sar Satana.

XI DARBA kellu relazzjoni tajba maʼ Ġeħova. Imma iktar tard, dan l-anġlu, li kien ħliqa spirtu, ried lin-nies iqimuh. Minflok ma rrifjuta malajr malajr din ix-xewqa ħażina, hu ppermetta lil din ix-xewqa tikber sakemm dineb. (Ġakbu 1:14, 15) Ma nafux x’kien jismu fil-bidu, imma aħna nafuh bħala Satana. Hu “ma żammx sħiħ fil-verità.” Hu rribella kontra Ġeħova u sar “missier il-gidba.”—Ġwanni 8:44.

2, 3. Il-kliem “Satana,” “Xitan,” “serp,” u “dragun,” x’juru dwar l-akbar għadu taʼ Ġeħova?

2 Minn mindu rribella, Satana sar l-akbar għadu taʼ Ġeħova u għadu tan-nies kollha. Aħna nistgħu naraw kemm verament Satana hu ħażin billi naraw kif tiddeskrivih il-Bibbja. Satana jfisser “Wieħed li jopponi,” u dan juri li hu anġlu mill-agħar li jobgħod it-tmexxija t’Alla u li l-ħin kollu qed jiġġildilha bil-qawwa kollha tiegħu. Dak li verament  Satana jrid hu t-tmiem tat-tmexxija taʼ Ġeħova.

3 F’Rivelazzjoni 12:9, Satana jiġi msejjaħ Xitan, li jfisser “Wieħed li jimmalafama.” Satana ddiżonora ’l Alla billi sejjaħlu giddieb. Il-kliem “is-serp oriġinali” jfakkarna kif Satana għamel użu minn serp biex iqarraq b’Eva. L-espressjoni “d-dragun il-kbir” ukoll hi deskrizzjoni tajba taʼ Satana. Hu feroċi, kattiv, u mill-agħar. Hu jrid iwaqqaf l-iskop taʼ Ġeħova milli jseħħ u jeqred lin-nies t’Alla.

4. X’se niddiskutu f’dan l-artiklu?

4 B’mod ċar, l-ikbar periklu għall-integrità tagħna hu Satana nnifsu. Mhux taʼ b’xejn li l-Bibbja twissina: “Ibqgħu f’sensikom, oqogħdu għassa. L-avversarju tagħkom, ix-Xitan, iħuf bħal iljun jgħajjat, jipprova jiblaʼ lil xi ħadd.” (1 Pietru 5:8) Għaldaqstant, dan l-artiklu se jiddiskuti tliet kwalitajiet taʼ Satana li juru għala għandna bżonn nipproteġu lilna nfusna minn dan l-għadu mill-agħar taʼ Ġeħova u tan-nies Tiegħu.

SATANA HU QAWWI

5, 6. (a) Agħti eżempji li juru li l-anġli huma “setgħanin fil-qawwa.” (b) F’liema sens Satana “jistaʼ jikkaġuna l-mewt”?

5 L-anġli huma “setgħanin fil-qawwa.” (Salm 103:20) Huma iktar intelliġenti u iktar b’saħħithom min-nies. M’għandniex xi ngħidu, anġli leali jużaw il-qawwa tagħhom biex jagħmlu affarijiet tajba. Pereżempju, wieħed mill-anġli qatel 185,000 suldat Assirjan li kienu l-għedewwa taʼ Ġeħova. Dan kien ikun impossibbli biex isir minn bniedem waħdu u saħansitra diffiċli għal armata sħiħa. (2 Slaten 19:35) Darb’oħra, anġlu uża l-abbiltajiet u l-qawwa tiegħu biex jeħles l-appostli taʼ Ġesù mill-ħabs. Għalkemm kien hemm l-għassiesa fil-viċin, ma nnotawx li l-anġlu fetaħ il-bibien, ħareġ lill-appostli, u mbagħad reġaʼ sakkar il-bibien warajhom!—Atti 5:18-23.

6 L-anġli leali jużaw il-qawwa biex jagħmlu affarijiet tajba, iżda Satana juża l-qawwa biex jagħmel affarijiet mill-agħar. U Satana żgur li għandu qawwa u influwenza kbira. Il-Bibbja tirreferi għalih bħala “l-ħakkiem taʼ din id-dinja” u “l-alla taʼ din is-sistema.” (Ġwanni 12:31; 2 Korintin 4:4) Barra minn hekk, Satana “jistaʼ jikkaġuna l-mewt.” (Ebrej 2:14) Dan ma jfissirx li joqtol lin-nies kollha direttament. Allura xi jfisser? L-ewwel nett, din id-dinja hi mimlija bl-attitudni taʼ Satana—attitudni taʼ mibegħda u vjolenza. It-tieni nett, minħabba li Eva emmnet il-gidba taʼ Satana u Adam m’obdiex ’l Alla, in-nies kollha jidinbu u jmutu. (Rumani 5:12) Satana hu “qattiel.” Dan hu fi qbil maʼ kif sejjaħlu Ġesù. (Ġwanni 8:44) Satana, bħala għadu, huwa verament qawwi.

Mingħajr l-għajnuna taʼ Ġeħova, qatt ma nkunu nistgħu nirbħu l-ġlieda tagħna kontra Satana

7. Id-demonji kif urew li huma qawwijin?

7 Meta niħduha kontra Satana, inkunu wkoll qed niħduha kontra dawk kollha li jappoġġawh u li jirribellaw  kontra t-tmexxija t’Alla. Dan jinkludi grupp kbir t’anġli li rribellaw bħal Satana u li jissejħu demonji. (Rivelazzjoni 12:3, 4) Ħafna drabi wrew li huma ħafna iktar b’saħħithom min-nies, u ġegħluhom isofru ħafna. (Mattew 8:28-32; Marku 5:1-5) Qatt tinsa kemm verament huma qawwijin id-demonji u l-ħakkiem tagħhom. (Mattew 9:34) Mingħajr l-għajnuna taʼ Ġeħova, qatt ma nkunu nistgħu nirbħu l-ġlieda tagħna kontra Satana.

SATANA HU KATTIV

8. (a) X’inhu l-iskop taʼ Satana? (Ara l-ewwel stampa.) (b) Minn dak li rajt, din id-dinja kif inhi kattiva bħal Satana?

8 L-appostlu Pietru qabbel lil Satana maʼ “ljun jgħajjat.” Ktieb taʼ referenza jispjega li l-kelma tradotta mill-Grieg “jgħajjat” tfisser “l-għajta t’annimal meta jkollu ħafna ġuħ.” Kemm hi deskrizzjoni tajba tal-attitudni kattiva u mill-agħar taʼ Satana! Hu diġà jikkontrolla d-dinja kollha, madankollu dan mhuwiex biżżejjed għalih. Satana hu bħal iljun bil-ġuħ, lest biex jiblaʼ iktar vittmi. (1 Ġwanni 5:19) Il-miri prinċipali tiegħu huma l-midlukin li għadhom fuq l-art, li magħhom hemm in-“nagħaġ oħrajn.” (Ġwanni 10:16; Rivelazzjoni 12:17) L-iskop taʼ Satana hu li jeqred in-nies taʼ Ġeħova. Il-persekuzzjoni tal-Kristjani veri mill-ewwel seklu s’issa tagħti prova kemm Satana hu kattiv.

9, 10. (a) Satana kif attakka l-ġens t’Iżrael? (Agħti eżempji.) (b) Satana għala kellu raġuni speċjali biex jimmira l-attakki tiegħu kontra Iżrael tal-qedem? (ċ) Kif taħseb li jħossu x-Xitan meta xi ħadd mill-qaddejja t’Alla jagħmel dnub serju llum?

 9 Satana wera l-kattiverija tiegħu b’mod ieħor. Iljun bil-ġuħ ma jiddispjaċihx għall-annimal li jaqbad. Ma jħoss l-ebda mogħdrija qabel joqtlu u ma jiddispjaċihx wara li joqtlu. B’mod simili, Satana ma jħoss l-ebda mogħdrija għal dawk li jattakka. Pereżempju, kif taħseb li Satana ħassu kull meta l-Iżraelin waqgħu fid-dnub, bħall-immoralità sesswali u r-regħba, jiġifieri li wieħed dejjem ikun irid? Tistaʼ timmaġina kemm ħa pjaċir Satana meta ra li rebaħ hekk kif ra r-riżultat traġiku tal-immoralità taʼ Żimri u tar-regħba taʼ Geħażi?—Numri 25:6-8, 14, 15; 2 Slaten 5:20-27.

Satana jkun ferħan se jtir meta jara lil xi ħadd mill-qaddejja taʼ Ġeħova jagħmel dnub serju (Ara paragrafu 10)

10 Satana kellu raġuni speċjali biex jimmira l-attakki tiegħu kontra Iżrael tal-qedem. Ftakar li l-Messija kellu jiġi minn dan il-ġens, u kellu jkun il-wieħed li jisħaq ras Satana u jagħti prova li Ġeħova għandu d-dritt li jmexxi. (Ġenesi 3:15) Satana ma riedx li l-Iżraelin ikollhom l-approvazzjoni t’Alla, u allura għamel kulma setaʼ biex iwaqqagħhom fid-dnub. Taħsibx li Satana ddispjaċieh għal David talli għamel adulterju. Taħsibx li ġietu xi ħasra minn Mosè talli tilef l-opportunità li jidħol fl-Art Imwiegħda. Anzi, Satana jkun ferħan se jtir meta jara lil xi ħadd mill-qaddejja t’Alla jagħmel dnub serju. Fil-fatt, ix-Xitan juża rebħiet bħal dawn biex jgħajjar lil Ġeħova.—Proverbji 27:11.

11. Satana għala probabbilment ħajjar lil Sara?

11 Satana kien jobgħod b’mod partikulari l-antenati tal-Messija. Pereżempju, aħseb dwar x’ġara wara li Ġeħova qal lil Abraham li kellu jsir “ġens kbir.” (Ġenesi 12:1-3) Waqt li Abraham u Sara kienu l-Eġittu, il-Fargħun ħa lil Sara d-dar tiegħu u riedha ssir il-mara tiegħu. Però, Ġeħova pproteġa lil Sara u ħelisha minn din is-sitwazzjoni diffiċli. (Aqra Ġenesi 12:14-20.) Xi ħaġa simili ġrat fil-belt taʼ Gerar qabel ma twieled Iżakk. (Ġenesi 20:1-7) Huwa possibbli li Satana kien responsabbli għal dawn is-sitwazzjonijiet? Ftakar li Sara kienet ħalliet il-belt sinjura taʼ Ur biex tmur tgħix fit-tined. Allura, ittama Satana li jħajjarha bil-palazzi lussużi tal-Fargħun u Abimelek? Ħaseb Satana li hi kienet se tittradixxi lil żewġha u saħansitra lil Ġeħova billi tiżżewweġ wieħed minn dawn is-slaten? Il-Bibbja ma tgħidx, imma hemm probabbiltà kbira li x-Xitan kien ikun ferħan ħafna li kieku Sara tilfet l-opportunità li ssir waħda mill-antenati tal-Messija. Satana ma kien se jiddispjaċih xejn li kieku ż-żwieġ taʼ din il-mara tajba, ir-reputazzjoni tagħha, u r-relazzjoni li għandha maʼ Ġeħova jinġiebu fix-xejn. Kemm hu kattiv u mill-agħar Satana!

Satana ma jħabbilx rasu dwar x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin

12, 13. (a) Satana kif wera li hu kattiv wara li twieled Ġesù? (b) Kif taħseb li jħossu Satana dwar iż-żgħażagħ u t-tfal li jħobbu lil Ġeħova u li qed jipprovaw jaqdu Lilu llum?

12 Ġesù twieled mijiet taʼ snin wara  Abraham. Taħsibx li Satana qies lil din it-tarbija bħala sabiħa jew gustuża. Satana kien jaf li din it-tarbija se tikber u ssir il-Messija mwiegħed. Ġesù kien il-parti prinċipali tan-nisel t’Abraham, u iktar tard kellu “jkisser l-għemejjel tax-Xitan.” (1 Ġwanni 3:8) Kien Satana se jaħseb li jekk joqtol tarbija kien se jkun kattiv wisq? Le. Hu mhux ħa jħabbel rasu dwar x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. U hu aġixxa mill-ewwel biex jipprova joqtol lil Ġesù bħala tarbija. Kif?

13 Meta s-Sultan Erodi semaʼ mingħand l-astrologi li “s-sultan tal-Lhud” twieled, is-sultan irrabja ħafna u ried joqtol it-tarbija. (Mattew 2:1-3, 13) Għaldaqstant, hu ta l-ordni biex jiġu maqtulin is-subien kollha li kellhom sentejn jew inqas f’Betlem u fid-distretti tagħha. (Aqra Mattew 2:13-18.) Ġesù rnexxielu jibqaʼ ħaj minkejja din il-qatla terribbli, imma dan x’jgħidilna dwar l-għadu tagħna Satana? Għax-Xitan, il-ħajja tal-bniedem ma tiswa xejn. Lanqas biss jimpurtah mit-tfal. M’hemm ebda dubju li Satana hu ‘ljun li qed jgħajjat.’ Qatt tinsa kemm hu kattiv!

SATANA HU QARRIEQ

14, 15. Satana kif “għema l-imħuħ taʼ dawk li ma jemmnux”?

14 L-uniku mod kif Satana jistaʼ jdawwar lin-nies kontra Alla tagħna kollu mħabba, Ġeħova, hu billi jqarraq bihom. (1 Ġwanni 4:8) Satana jqarraq bin-nies ħalli ma jkunux “konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom,” jiġifieri biex ma jirrealizzawx li għandhom bżonn relazzjoni m’Alla. (Mattew 5:3) Ix-Xitan “għema l-imħuħ taʼ dawk li ma jemmnux” ħalli ma jkunux jistgħu jaraw il-verità dwar Ġeħova.—2 Korintin 4:4.

15 Wieħed mill-akbar modi kif Satana jqarraq bin-nies hu permezz tar-reliġjon falza. Hu jaf li Ġeħova ‘jesiġi devozzjoni esklużiva.’ (Eżodu 20:5) Allura immaġina kemm Satana jieħu pjaċir meta jara lin-nies iqimu l-antenati tagħhom jew in-natura jew l-annimali, jiġifieri jkun xi jkun basta mhux lil Ġeħova. B’dispjaċir, anki ħafna minn dawk li jaħsbu li l-qima tagħhom hi aċċettabbli għal Alla huma fil-fatt ikkontrollati minn twemmin falz u ritwali mhux bżonjużi. L-Iżraelin fi żmien Isaija kienu f’sitwazzjoni simili. Ġeħova saqsiehom: “Għalfejn tibqgħu tħallsu l-flus għal dak li m’huwiex ħobż, u għala titħabtu għal dak li ma jġibx sodisfazzjon? Isimgħuni sew, u kulu dak li hu tajjeb, u ħa titgħaxxaq ferm ruħkom b’ikel rikk.”—Isaija 55:2.

Satana jistaʼ jqarraq saħansitra bil-qaddejja żelużi taʼ Ġeħova

16, 17. (a) Ġesù għala qal lil Pietru: “Itlaq minn quddiemi, Satana”? (b) Satana kif jistaʼ jqarraq bina ħalli nieqfu milli nkunu għassa?

16 Satana jistaʼ jqarraq saħansitra bil-qaddejja żelużi taʼ Ġeħova. Pereżempju, aħseb x’ġara meta Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu li dalwaqt kien se jiġi maqtul. L-appostlu Pietru, li kien iħobb lil Ġesù, qal: “Kun ħanin miegħek innifsek, Mulej; żgur li mhux se jiġrilek  dan.” Ġesù qal lil Pietru: “Itlaq minn quddiemi, Satana!” (Mattew 16:22, 23) Għala Ġesù lil Pietru sejjaħlu “Satana”? Għax Ġesù kien jaf x’kien se jiġri dalwaqt. Kien qed joqrob iż-żmien biex Ġesù jmut bħala s-sagrifiċċju tal-fidwa u biex jagħti prova li x-Xitan hu giddieb. Dan kien żmien kritiku fl-istorja tal-bniedem u mhux iż-żmien għal Ġesù biex ikun “ħanin” miegħu nnifsu. Satana kien jitgħaxxaq li kieku Ġesù waqaf milli jkun għassa.

17 It-tmiem taʼ din is-sistema hu qrib, allura anki aħna qed ngħixu fi żminijiet kritiċi. Satana jridna nuru ‘ħniena’ magħna nfusna billi nkunu moħħna f’li jkollna suċċess f’din id-dinja. Iridna ninsew li qed ngħixu fl-aħħar żminijiet u jridna nieqfu milli nkunu għassa. Tħallix dan jiġri lilek! Minflok, ‘ibqaʼ għassa.’ (Mattew 24:42) Qatt temmen il-gidba taʼ Satana li t-tmiem hu fil-bogħod jew li mhu ġej qatt.

18, 19. (a) Satana kif jistaʼ jipprova jqarraq bina u jġegħelna naħsbu li ma jixirqilniex l-imħabba taʼ Ġeħova? (b) Ġeħova kif jgħinna nibqgħu għassa?

18 Satana jipprova jqarraq bina b’mod ieħor. Iridna nemmnu li ma jixirqilniex l-imħabba taʼ Ġeħova u li Alla qatt ma jaħfer id-dnubiet tagħna. Dan mhu xejn ħlief gideb minn Satana. Aħseb dwar dan, min verament ma jixraqlux l-imħabba taʼ Ġeħova? Huwa Satana. Min hu dak li Alla mhu se jaħfirlu qatt? Huwa Satana. Imma l-Bibbja taċċertana: “Alla mhux inġust biex jinsa għemilkom u l-imħabba li wrejtu għal ismu.” (Ebrej 6:10) Ġeħova japprezza kulma nagħmlu biex nogħġbuh, u s-servizz tagħna għalih qatt mhu għalxejn. (Aqra l-1 Korintin 15:58.) Allura titqarrqux u temmnu l-gideb taʼ Satana.

19 Bħalma rajna, Satana hu qawwi, kattiv, u qarrieq. Kif nistgħu nirbħu l-ġlieda tagħna kontra għadu bħal dan? Ġeħova jagħtina l-għajnuna. Il-Kelma Tiegħu tgħallimna dwar il-metodi taʼ Satana ħalli ‘l-pjanijiet tiegħu nkunu nafuhom.’ (2 Korintin 2:11) Meta nifhmu l-modi differenti taʼ kif Satana jattakkana, ikun eħfef għalina biex nibqgħu għassa. Imma li nkunu nafu bil-metodi taʼ Satana mhuwiex biżżejjed. Il-Bibbja tgħid: “Opponu lix-Xitan, u hu jaħrab minnkom.” (Ġakbu 4:7) L-artiklu li jmiss se jiddiskuti kif nistgħu niġġieldu lil Satana u nirbħulu fi tliet aspetti differenti.