“Imitaw lil Alla, bħala wlied maħbubin.”—EFESIN 5:1.

1. Liema abbiltà tistaʼ tgħinna nimitaw lil Ġeħova?

ĠEĦOVA ħalaqna bl-abbiltà li nidħlu fiż-żarbun taʼ ħaddieħor, jiġifieri li nifhmu kif iħossu dak li jkun anke jekk qatt ma konna fis-sitwazzjoni tiegħu. (Aqra Efesin 5:1, 2.) Din l-abbiltà kif tistaʼ tgħinna nimitaw lil Ġeħova? U għala rridu noqogħdu attenti dwar kif nużaw din l-abbiltà?

2. Ġeħova kif jirreaġixxi meta nbatu?

2 Ġeħova wegħedna futur tal-għaġeb fejn mhux se jkun hemm tbatija. Kemm il-midlukin u kemm in-“nagħaġ oħrajn” jistgħu jħarsu ’l quddiem għall-ħajja taʼ dejjem, sew jekk fis-sema u sew jekk fuq l-art. (Ġwanni 10:16; 17:3; 1 Korintin 15:53) Imma Ġeħova jifhem l-uġigħ li nħossu meta jiġrulna affarijiet ħżiena llum. Fil-passat, Ġeħova ħassu mweġġaʼ meta l-poplu tiegħu bata fl-Eġittu. “Kien imnikket.” (Isaija 63:9) U iktar tard, meta n-nies tiegħu kienu qed jerġgħu jibnulu t-tempju u kienu mbeżżgħin minħabba l-għedewwa tagħhom,  Ġeħova fehem kif kienu qed iħossuhom. Hu qalilhom: “Dak li qed imisskom qed imiss il-mimmi t’għajnejja.” (Żakkarija 2:8) Bħalma omm tħoss imħabba għat-tarbija tagħha, hekk ukoll Ġeħova jħoss imħabba għall-qaddejja tiegħu u jrid jgħinhom. (Isaija 49:15) Aħna nimitaw l-imħabba taʼ Ġeħova meta nipprovaw nifhmu kif iħossu ħaddieħor billi nidħlu fiż-żarbun tiegħu.—Salm 103:13, 14.

ĠESÙ IMITA LIL ĠEĦOVA U ĦABB LIN-NIES

3. Ġesù kif ħassu dwar in-nies?

3 Ġesù fehem kif ħassewhom in-nies meta kienu qed ibatu, avolja qatt ma kien fis-sitwazzjoni tagħhom. Pereżempju, kien jaf li ħafna nies kellhom ħajja iebsa. Il-mexxejja reliġjużi gidbulhom u vvintaw ħafna liġijiet li ma kinux ġejjin mingħand Alla. In-nies kienu jibżgħu minn dawn il-mexxejja. (Mattew 23:4; Marku 7:1-5; Ġwanni 7:13) Għalkemm Ġesù qatt ma beżaʼ minnhom u qatt m’emmen il-gideb tagħhom, xorta setaʼ jifhem kif ħassewhom in-nies. Ġesù kien iħossu mweġġaʼ ħafna meta kien jara kemm kienu ttrattati ħażin. Kienu ġew mitluqin għal riħhom, “bħal nagħaġ mingħajr ragħaj.” (Mattew 9:36) Ġesù tgħallem minn Missieru kif iħobb lin-nies u kif ikun “ħanin u grazzjuż.”—Salm 103:8.

4. Meta Ġesù ra lin-nies ibatu, x’għamel?

4 Meta Ġesù ra n-nies ibatu, għenhom għax kien iħobbhom. Kien eżatt bħal Missieru. Pereżempju, darba waħda, wara li Ġesù u l-appostli tiegħu kienu vvjaġġaw distanza twila biex jippritkaw, kienu għajjenin u kellhom bżonn jistrieħu f’xi post għall-kwiet. Imma Ġesù ra li kien hemm ħafna nies qed jistennewh. Fehem li kellhom bżonn l-għajnuna tiegħu, u għalhekk għalkemm kien għajjien “beda jgħallimhom ħafna affarijiet.”—Marku 6:30, 31, 34.

URI MĦABBA BĦAL ĠEĦOVA

5, 6. Jekk irridu nuru l-imħabba bħal Ġeħova, xi rridu nagħmlu? Agħti eżempju. (Ara l-ewwel stampa.)

5 Jekk irridu nuru mħabba bħal Ġeħova, xi rridu nagħmlu? Aħseb dwar din is-sitwazzjoni. Hemm ħu żagħżugħ li jismu Alan. Qed jaħseb dwar ħu avvanzat fl-età li ma jistax jimxi sew u li għandu vista batuta. Alan jaħseb fil-kliem taʼ Ġesù: “Bħalma tridu li l-bnedmin jagħmlulkom, agħmlu l-istess lilhom.” (Luqa 6:31) Għalhekk, Alan isaqsi lilu nnifsu, ‘Xi rrid li n-nies jagħmluli?’ Hu jgħid, ‘Jien nixtieq li jilagħbu logħba futbol miegħi!’ Imma dan il-ħu avvanzat fl-età ma jistax joqgħod jiġri u jilgħab il-futbol. Allura dak li Alan verament irid isaqsi lilu nnifsu hu, ‘Li kieku kont flok dan il-ħu, kieku xi rrid li n-nies jagħmluli?’

6 Għalkemm Alan għadu żagħżugħ, jipprova jimmaġina kif kien iħossu li kieku kien imdaħħal fiż-żmien. Hu jqattaʼ l-ħin mal-ħu avvanzat fl-età u jismaʼ bir-reqqa meta jitkellem. Imbagħad jibda jifhem li hu diffiċli għall-ħu biex jaqra l-Bibbja u jimxi minn dar għal dar fil-ministeru. Alan jara kif jistaʼ jgħin, u jrid jagħmel  kulma jistaʼ għalih. Meta nifhmu kif nies oħra jħossuhom u nuruhom l-imħabba, inkunu qed nimitaw lil Ġeħova.—1 Korintin 12:26.

Uri mħabba bħal Ġeħova (Ara paragrafu 7)

7. Kif nistgħu nifhmu dak li għaddejjin minnu ħutna?

7 Mhux dejjem ikun faċli li nifhmu dak li għaddejjin minnu ħutna, speċjalment jekk qatt ma konna fis-sitwazzjoni tagħhom. Pereżempju, ħafna minn ħutna jbatu għax huma morda, għax weġġgħu serjament, jew għax qed jixjieħu. Xi wħud qed ibatu ħafna minħabba d-dipressjoni jew għax huma ansjużi ħafna jew inkella għax kienu abbużati fil-passat. Oħrajn qed irabbu t-tfal waħedhom jew għandhom membri tal-familja li mhux qed jaqdu lil Ġeħova. Kulħadd għandu l-problemi tiegħu u l-maġġuranza minn dawn il-problemi huma differenti minn tagħna. Imma aħna rridu nuru mħabba m’oħrajn u ngħinuhom. Allura x’nistgħu nagħmlu? Jistaʼ jkun li kull persuna jkollha bżonn xi ħaġa differenti. Għalhekk, jekk nisimgħu bir-reqqa u nibqgħu nipprovaw nifhmu kif tħossha dik il-persuna, se nsiru nafu l-aħjar mod kif nistgħu ngħinuha. Forsi nistgħu nfakkruha kif Ġeħova jħossu dwar il-problema tagħha. Jew forsi nistgħu ngħinuha b’modi oħra. Meta nagħmlu hekk, inkunu qed nimitaw lil Ġeħova.—Aqra Rumani 12:15; 1 Pietru 3:8.

KUN QALBEK TAJBA BĦAL ĠEĦOVA

8. X’għen lil Ġesù jkun qalbu tajba?

8 Ġeħova qalbu tajba maʼ kulħadd. (Luqa 6:35)U Ġesù hu eżatt bħal Missieru. X’għen lil Ġesù jkun qalbu tajba man-nies meta kien fuq l-art? Hu immaġina kif kienu se jħossuhom dwar dak li setaʼ jgħid jew jagħmel. Pereżempju, mara li kienet għamlet ħafna affarijiet ħżiena ġiet għand Ġesù. Tant kienet qed tibki li d-dmugħ tagħha waqaʼ fuq saqajn Ġesù. Ġesù setaʼ jara li tassew iddispjaċieha għall-affarijiet ħżiena li kienet għamlet u li kienet nidmet. Hu rrealizza li jekk ma kienx se juri qalb tajba magħha, iktar kienet se tħossha ħatja. Allura, faħħarha għat-tajjeb li għamlet u ħafrilha. Ukoll, tkellem b’qalb tajba maʼ Fariżew li ma kienx qabel maʼ dak li Ġesù kien għamel għal din il-mara.—Luqa 7:36-48.

Qabel ma nieħdu xi deċiżjoni, nistgħu nimmaġinaw kif din tistaʼ teffettwa lilna jew lil oħrajn

9. X’jistaʼ jgħinna nuru qalb tajba bħal Ġeħova? Agħti eżempju.

9 Kif nistgħu nuru qalb tajba bħal  Ġeħova? Irridu naħsbu qabel ma ngħidu jew nagħmlu xi ħaġa ħalli nkunu ġentili m’oħrajn u ma nweġġgħulhomx is-sentimenti. Pawlu kiteb li Kristjan “m’għandux għalfejn jiġġieled, imma għandu jkun ġentili maʼ kulħadd.” (2 Timotju 2:24) Pereżempju, aħseb dwar kif tistaʼ turi qalb tajba f’dawn is-sitwazzjonijiet: Jekk l-imgħallem tiegħek mhux qed jagħmel xogħlu sew, x’se tagħmel? Jekk ħu jiġi s-Sala tas-Saltna wara li jkun ilu diversi xhur ma jiġi, x’se tgħidlu? Jekk qed tipprietka u xi ħadd jgħidlek li għandu wisq x’jagħmel biex joqgħod ikellmek, kif tistaʼ turi qalb tajba miegħu? Jekk martek issaqsik għala m’għedtilhiex b’xi pjanijiet li għamilt, se tkellimha b’qalb tajba? Irridu nimmaġinaw kif oħrajn qed iħossuhom u kif kliemna jaf jeffettwahom. Imbagħad se nsiru nafu xi jmissna ngħidu u nagħmlu biex b’hekk nuru qalb tajba bħal Ġeħova.—Aqra Proverbji 15:28.

KUN GĦAQLI BĦAL ĠEĦOVA

10, 11. Kif nistgħu nitgħallmu minn Ġeħova u nkunu għaqlin? Agħti eżempju.

10 Ġeħova hu tassew għaqli, jew għaref, u jistaʼ jagħżel li jara x’se jiġri fil-futur. Għalkemm ma nafux il-futur, aħna wkoll nistgħu nkunu għaqlin. Kif? Qabel ma nieħdu xi deċiżjoni, nistgħu nimmaġinaw kif din tistaʼ teffettwa lilna jew lil oħrajn. M’għandniex inkunu bħall-Iżraelin li raw biss sal-ponta taʼ mneħirhom. Huma ma ħasbux dwar x’kien se jiġrilhom jekk ma jobdux lil Ġeħova. U ma ħasbux dwar ir-relazzjoni tagħhom miegħu u dwar dak kollu li kien għamel għalihom. Minħabba li Mosè rrealizza dan, kien jaf li l-Iżraelin kienu se jagħmlu dak li hu ħażin. Hu qal: “Israel hu ġens nieqes mill-għaqal, u fosthom m’hemmx abbiltà li jifhmu. O li kienu għorrief! Kieku kienu jirriflettu dwar dan. Kienu jqisu x’se jkun tmiemhom wara.”—Dewteronomju 31:29, 30; 32:28, 29.

11 Pereżempju, jekk int għarusa jew għarus, ftakar li meta tkun miġbud lejn xi ħadd, ikun diffiċli li tikkontrolla s-sentimenti u x-xewqat sesswali tiegħek. Allura tagħmel xejn li jistaʼ jagħmel ħsara lir-relazzjoni tant prezzjuża li għandek maʼ Ġeħova. Minflok, kun għaqli u evita l-periklu. Agħti widen għall-parir għaqli taʼ Ġeħova: “Min hu prudenti jara l-gwaj u jinħeba, imma dawk taʼ bla esperjenza jibqgħu sejrin u jkollhom iħallsu l-piena.”—Proverbji 22:3.

IKKONTROLLA DAK LI TAĦSEB DWARU

12. Dak li naħsbu dwaru, kif jistaʼ jagħmlilna l-ħsara?

12 Bniedem għaqli jikkontrolla dak li jaħseb dwaru. Il-ħsibijiet tagħna jistgħu  jgħinuna jew jagħmlulna l-ħsara, sewwasew bħalma n-nar jistaʼ jgħinna jew jagħmlilna l-ħsara. Pereżempju, permezz tan-nar nistgħu nsajru l-ikel. Imma jekk ma noqogħdux attenti, in-nar jistaʼ jaħarqilna d-dar u anke joqtolna. Hu simili fejn jidħlu l-ħsibijiet tagħna. Meta naħsbu dwar affarijiet li nitgħallmu minn Ġeħova, dan ikun taʼ ġid għalina. Imma jekk noqogħdu nasbu dwar l-immoralità sesswali u nimmaġinaw lilna nfusna nagħmlu affarijiet ħżiena, tant se nixxennqu għal dawn l-affarijiet li jistaʼ jkun li nispiċċaw nagħmluhom. Dan jistaʼ jġib fit-tmiem il-ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova.—Aqra Ġakbu 1:14, 15.

13. Eva x’immaġinat dwar ħajjitha?

13 Nistgħu nitgħallmu mill-eżempju tal-ewwel mara, Eva. Ġeħova kien ikkmanda lil Adam u Eva biex ma jiklux mill-frott tas-“siġra taʼ l-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin.” (Ġenesi 2:16, 17) Imma Satana qal lil Eva: “Żgur li ma tmutux. Għax Alla jaf li fil-jum li tieklu minnu għajnejkom jinfetħu u tkunu bħal Alla, tagħrfu t-tajjeb u l-ħażin.” Eva immaġinat kemm ħajjitha kienet se tkun aħjar jekk tkun tistaʼ tiddeċiedi hi stess x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Baqgħet taħseb dwar dan u “rat li l-frott tas-siġra kien tajjeb għall-ikel u li kien jiġbed l-għajn.” Imbagħad x’ġara? “Ħadet mill-frott u kilitu. U wara, meta żewġha kien magħha, tatu minnu wkoll u beda jieklu.” (Ġenesi 3:1-6) Għalhekk, “id-dnub daħal fid-dinja, u permezz tad-dnub il-mewt.” (Rumani 5:12) Eva ma misshiex baqgħet taħseb dwar li tagħmel xi ħaġa ħażina!

14. Il-Bibbja liema twissijiet tagħtina dwar l-immoralità sesswali?

14 M’għandniex xi ngħidu, id-dnub t’Eva ma kienx jinvolvi l-immoralità sesswali. Imma l-Bibbja b’mod ċar twissina biex ma noqogħdux nimmaġinaw lilna nfusna nagħmlu xi ħaġa li hi immorali sesswalment. Ġesù qal: “Kulmin jibqaʼ jħares lejn mara biex jixtieqha jkun diġà għamel adulterju magħha f’qalbu.” (Mattew 5:28) Ukoll, Pawlu wissa: “Tippjanawx bil-quddiem għax-xewqat tal-laħam.”—Rumani 13:14.

15. Aħna fuq liema teżori niffokaw, u għala?

15 Il-Bibbja tgħid ukoll li għandna nkunu moħħna f’li nogħġbu lil Ġeħova u mhux f’li nsiru sinjuri. Anki jekk xi ħadd ikun sinjur, il-flus tiegħu ma jistgħux verament jipproteġuh. (Proverbji 18:11) Ġesù qal li individwu jkun iblah jekk jaħżen għalih ħafna teżori imma ma jżommx lil Ġeħova l-ewwel f’ħajtu. “Ma jkunx għani m’Alla.” (Luqa 12:16-21) Meta naħżnu “teżori fis-sema” billi nagħmlu affarijiet li jogħġbu lil Ġeħova, inferrħuh u nħossuna ferħanin aħna wkoll. (Mattew 6:20; Proverbji 27:11) U relazzjoni tajba maʼ Ġeħova hi iktar taʼ valur minn kull ħaġ’oħra.

TIBQAX TINKWIETA

16. X’jistaʼ jgħinna meta ninkwetaw?

16 Jekk nipprovaw nistagħnew f’din id-dinja, dan se jġibilna ħafna inkwiet. (Mattew 6:19) Ġesù qal li dawk li l-ħin kollu jkunu inkwetati dwar il-flus, se jsibuha diffiċli biex iżommu  s-Saltna t’Alla l-ewwel f’ħajjithom. (Mattew 13:18, 19, 22) Minbarra dan, xi nies jinkwetaw il-ħin kollu dwar affarijiet ħżiena li jistgħu jiġrulhom. Imma jekk noqogħdu ninkwetaw, nistgħu nimirdu jew saħansitra nibdew nafdaw inqas f’Ġeħova. Minflok, irridu nkunu fiduċjużi li Ġeħova se jgħinna. Il-Bibbja tgħid li “l-ansjetà f’qalb il-bniedem ittaqqalha, imma l-kelma t-tajba tferraħha.” (Proverbji 12:25) Għalhekk, jekk int inkwetat dwar xi ħaġa, tkellem maʼ xi ħadd li jaqdi lil Ġeħova u li jafek sew. Ġenitur, martek jew żewġek, jew ħabib tal-qalb jistaʼ jħeġġek tafda f’Ġeħova u jgħinek biex tħossok inqas inkwetat.

Meta tkun inkwetat, itlob lil Ġeħova, u aħseb dwar l-għajnuna li jagħtik

17. Ġeħova kif jistaʼ jgħinna meta nkunu inkwetati?

17 Ġeħova jifhem kif inħossuna iktar minn kull persuna oħra u jistaʼ jgħinna nħossuna iktar kalmi meta nkunu inkwetati. Pawlu kiteb: “Tkunu ansjużi fuq xejn, imma f’kollox b’talb u b’suppliki flimkien maʼ radd il-ħajr ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu; u l-paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbkom u l-qawwa mentali tagħkom permezz taʼ Kristu Ġesù.” (Filippin 4:6, 7) Għalhekk, meta tkun inkwetat, aħseb dwar l-għajnuna li Ġeħova jagħtik biex il-ħbiberija tiegħek miegħu tibqaʼ b’saħħitha, bħal pereżempju l-għajnuna li tirċievi minn ħutek irġiel u nisa, l-anzjani, l-ilsir leali, l-anġli, u Ġesù.

18. L-abbiltà tagħna li nimmaġinaw l-affarijiet kif tistaʼ tgħinna?

18 Bħalma tgħallimna, aħna nimitaw lil Ġeħova meta nużaw l-abbiltà tagħna biex nidħlu fiż-żarbun taʼ ħaddieħor. (1 Timotju 1:11; 1 Ġwanni 4:8) Se nkunu ferħanin meta nuru mħabba u qalb tajba m’oħrajn, meta naħsbu minn qabel dwar il-konsegwenzi taʼ dak li nkunu se nagħmlu, u meta nevitaw li ninkwetaw iżżejjed. Ejja nimmaġinaw kif se tkun il-ħajja taħt it-tmexxija tas-Saltna u nagħmlu l-aqwa tagħna biex nimitaw lil Ġeħova.—Rumani 12:12.