“Għal kollox hemm żmien stabbilit.”—EKKLEŻJASTI 3:1.

1, 2. L-indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet x’innotaw dwar ħafna anzjani?

L-INDOKRATUR li jżur il-kongregazzjonijiet kien wasal biex jispiċċa l-laqgħa li kellu mal-anzjani. Hu ħares lejn l-aħwa, li wħud minnhom kienu tant kbar fl-età li jiġi qisu t-tifel tagħhom, u ħass imħabba profonda għal dawn l-irġiel li tant jaħdmu iebes. Xorta waħda, kien hemm kwistjoni importanti li kienet qed tinkwetah. Hu saqsiehom: “Ħuti, x’għamiltu biex tħarrġu lil oħrajn ħalli jieħdu iktar responsabbiltà fil-kongregazzjoni?” L-anzjani kienu jafu li l-indokratur kien ħeġġiġhom fl-aħħar żjara tiegħu biex iqattgħu iktar ħin f’li jħarrġu lil oħrajn. Fl-aħħar, anzjan minnhom ammetta: “Ftit li xejn għamilna.” L-anzjani l-oħra kollha qablu miegħu.

2 Jekk int anzjan, forsi kont twieġeb bl-istess mod. L-indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet innotaw li ħafna anzjani għandhom bżonn iqattgħu iktar ħin f’li jħarrġu lil  aħwa rġiel, iżgħar u ikbar fl-età, biex jgħinu f’li jieħdu ħsieb il-kongregazzjoni. Imma dan jistaʼ jkun diffiċli ħafna. Għala?

3. (a) Il-Bibbja kif turi li hu importanti li tħarreġ lil oħrajn, u għala għandna lkoll inkunu interessati f’dan it-taħriġ? (Ara n-nota taʼ taħt.) (b) Għala jistaʼ jkun diffiċli għal xi anzjani biex iħarrġu lil oħrajn?

3 Bħala anzjan, taf li hu importanti li tqattaʼ l-ħin f’li tħarreġ lill-aħwa rġiel. * (Ara n-nota taʼ taħt.) Taf li hemm bżonn taʼ iktar irġiel ħalli jgħinu biex il-kongregazzjonijiet jibqgħu b’saħħithom issa u biex jappoġġaw lil kongregazzjonijiet ġodda fil-futur. (Aqra Isaija 60:22.) Il-Bibbja tgħid li għandek ‘tgħallem lil oħrajn.’ (Aqra t-2 Timotju 2:2.) Minkejja dan, jistaʼ jkun diffiċli biex issib il-ħin biex tagħmel dan. Wara kollox, trid tieħu ħsieb il-bżonnijiet tal-familja tiegħek u trid taqlaʼ l-ħobża taʼ kuljum. Ukoll, għandek tieħu ħsieb il-bżonnijiet tal-kongregazzjoni u affarijiet urġenti oħra. Peress li tant għandna ħajja mimlija, ejja niddiskutu għala hu importanti ħafna li tieħu l-ħin biex tħarreġ lil oħrajn.

IT-TAĦRIĠ HU URĠENTI

4. Kultant, l-anzjani għala jiħduha bil-lajma biex jibdew iħarrġu lill-aħwa rġiel?

4 Għala jistaʼ jkun diffiċli biex wieħed iqattaʼ l-ħin f’li jħarreġ lill-aħwa rġiel fil-kongregazzjoni? Xi wħud forsi jaħsbu: ‘Kwistjonijiet oħra fil-kongregazzjoni huma iktar urġenti u jridu jiġu rranġati malajr kemm jistaʼ jkun. Imbilli ma nħarriġx lil oħrajn mill-ewwel, il-kongregazzjoni mhix se tiġi effettwata.’ Imma hu minnu dan? Veru, forsi hemm kwistjonijiet oħra li għandhom bżonn l-attenzjoni tiegħek bla telf taʼ żmien. Iżda, jekk toqgħod tiħodha bil-lajma biex tibda tħarreġ lill-aħwa rġiel, fil-fatt jistaʼ jkun li tkun qed tagħmel ħsara lill-kongregazzjoni.

5, 6. Kemm hu importanti li l-anzjani jħarrġu lil oħrajn? Agħti eżempju.

5 Aħseb f’dan l-eżempju. Biex iżomm karozza f’kundizzjoni tajba, sewwieq jaf li jrid ibiddel iż-żejt b’mod regulari. Imma forsi jħoss li hu iktar urġenti li jagħtiha l-petrol għax mingħajru, il-karozza se tieqaf. Forsi jaħseb ukoll li jekk ikollu wisq x’jagħmel, jistaʼ jbiddel iż-żejt darb’oħra. Wara kollox, il-karozza se tibqaʼ taħdem għal xi żmien. Però, ikun qed jilgħab man-nar jekk jagħmel hekk. Jekk is-sewwieq ma jbiddilx iż-żejt meta jkun hemm bżonn, illum jew għada, il-karozza se ssirilha l-ħsara. Fl-aħħar, se jkollu jqattaʼ ħafna ħin u jonfoq balla flus biex isewwi l-karozza. X’inhi t-tagħlima?

6 L-anzjani għandhom jirranġaw kwistjonijiet importanti bla telf taʼ żmien. Jekk ma jagħmlux dan, il-kongregazzjoni se tbati. Bħas-sewwieq li b’mod regulari jrid jagħti l-petrol lill-karozza, l-anzjani jridu ‘jaċċertaw ruħhom minn dak li hu iktar importanti.’ (Filippin 1:10) Imma xi anzjani għandhom mnejn isiru tant medhijin fi kwistjonijiet importanti li ma jkollhomx il-ħin meħtieġ biex iħarrġu lil oħrajn. Dan ikun bħallikieku jkunu qed jittraskuraw li jbiddlu ż-żejt tal-karozza. Jekk l-anzjani jdumu biex jibdew iħarrġu lil  oħrajn, illum jew għada, il-kongregazzjoni mhix se jkollha biżżejjed aħwa rġiel imħarrġin biex jieħdu ħsieb il-bżonnijiet kollha tagħha.

7. Kif għandna nħarsu lejn anzjani li jagħmlu l-ħin biex iħarrġu lil oħrajn?

7 Għalhekk, qatt taħseb li t-taħriġ mhuwiex prijorità. L-anzjani li huma interessati fil-futur tal-kongregazzjoni u li jieħdu l-ħin biex iħarrġu lil oħrajn huma qaddejja għaqlin u huma taʼ valur għal ħuthom irġiel u nisa. (Aqra l-1 Pietru 4:10.) Il-kongregazzjoni kif tibbenefika?

UŻU TAJJEB TAL-ĦIN

8. (a) L-anzjani x’raġunijiet għandhom biex iħarrġu lil oħrajn? (b) L-anzjani li jaqdu fejn il-bżonn hu akbar, liema responsabbiltà urġenti għandhom? (Ara l-kaxxa “ Inkarigu urġenti.”)

8 Anke l-iktar anzjani t’esperjenza jridu jkunu umli u jifhmu li hekk kif jikbru mhux se jkunu jistgħu jagħmlu daqskemm jagħmlu issa. (Mikea 6:8) Minbarra dan, l-anzjani jridu jkunu jafu li “ż-żmien u l-ġrajjiet mhux mistennijin” jistgħu jiġu fuqhom bħal sajjetta fil-bnazzi. U dawn jistgħu jagħmluha diffiċli għall-anzjani biex jieħdu ħsieb ir-responsabbiltajiet tagħhom. (Ekkleżjasti 9:11, 12; Ġakbu 4:13, 14) Allura, peress li jħobbu lin-nies taʼ Ġeħova u jimpurtahom minnhom, l-anzjani jaħdmu iebes biex jgħallmu lill-aħwa rġiel iżgħar fl-età dak li tgħallmu huma stess tul is-snin.—Aqra Salm 71:17, 18.

9. Liema ġrajja fil-futur tagħmel it-taħriġ importanti ħafna?

9 L-anzjani li jħarrġu lil oħrajn huma taʼ valur ukoll għax l-isforzi tagħhom se jgħinu biex tissaħħaħ il-kongregazzjoni. Dan it-taħriġ jagħmilha possibbli li iktar aħwa rġiel ikunu lesti biex jgħinu l-kongregazzjoni tibqaʼ magħquda u leali lejn Alla. Dan hu importanti issa  matul l-aħħar jiem, u se jkun saħansitra iktar importanti matul it-tribulazzjoni l-kbira li ġejja. (Eżekjel 38:10-12; Mikea 5:5, 6) Għalhekk, għeżież anzjani, b’mod regulari ħudu l-ħin biex tħarrġu lil oħrajn u ibdew issa stess.

10. Sabiex ikollu l-ħin biex iħarreġ lil oħrajn, anzjan x’forsi jkollu jagħmel?

10 Aħna nifhmu li bħala anzjan diġà għandek skeda mimlija daqs bajda għax qed tieħu ħsieb kwistjonijiet importanti fil-kongregazzjoni. Għalhekk, forsi jkollok tieħu ftit mill-ħin li tuża biex tieħu ħsieb dawn ir-responsabbiltajiet u tużah biex tħarreġ lil oħrajn. (Ekkleżjasti 3:1) B’hekk, tkun qed tuża b’mod tajjeb ħafna l-ħin tiegħek u l-kongregazzjoni se tibbenefika fil-futur.

ĦEJJI L-QALB TAʼ DAK LI QED TĦARREĠ

11. (a) X’hemm interessanti dwar is-suġġerimenti li taw xi anzjani minn pajjiżi differenti dwar it-taħriġ? (b) Skont Proverbji 15:22, għala hu importanti li niddiskutu s-suġġerimenti t’anzjani oħra?

11 Dan l-aħħar, xi anzjani li kellhom suċċess f’li jħarrġu lil aħwa rġiel biex jagħmlu iktar fil-kongregazzjoni ġew mitluba jgħidu kif jirnexxilhom jagħmlu dan. * (Ara n-nota taʼ taħt.) L-anzjani kollha taw pariri simili avolja għandhom ċirkustanzi differenti ħafna. Dan x’jurina? Jurina li t-taħriġ ibbażat fuq il-Bibbja hu utli għall-aħwa t’inqas esperjenza “kullimkien f’kull kongregazzjoni.” (1 Korintin 4:17) Għalhekk, f’dan l-artiklu u f’li jmiss, se niddiskutu ftit mis-suġġerimenti li taw dawn l-anzjani.—Proverbji 15:22.

12. Anzjan li jħarreġ lil oħrajn xi jrid joħloq, u għala?

12 L-ewwel, dak li jħarreġ għandu joħloq kundizzjonijiet tajbin. Dan għala hu importanti? Bħalma ġardinar ikollu bżonn iħejji l-ħamrija qabel ma jiżraʼ ż-żerriegħa, hekk ukoll anzjan għandu bżonn iħejji l-qalb taʼ dak li qed jitħarreġ qabel ma jkun jistaʼ jgħallmu abbiltajiet ġodda. Allura kif jistaʼ anzjan joħloq kundizzjonijiet tajbin biex iħarreġ? Jistaʼ jsegwi l-eżempju taʼ wieħed li kien iħarreġ lil oħrajn bis-sengħa fil-passat, il-profeta Samwel.

13-15. (a) Ġeħova x’qal lil Samwel biex jagħmel? (b) Samwel kif ħejja lil Sawl għall-inkarigu l-ġdid tiegħu? (Ara l-ewwel stampa.) (ċ) Dan ir-rakkont Bibliku dwar Samwel għala għandu jkun taʼ valur għall-anzjani llum?

13 Ġurnata minnhom, iktar minn 3,000 sena ilu, Ġeħova qal hekk lill-profeta xwejjaħ Samwel: “Għada bħalissa nibgħatlek raġel mill-art taʼ Benjamin, u trid tidilku bħala mexxej fuq il-poplu tiegħi Israel.” (1 Samwel 9:15, 16) Samwel fehem li ma kienx se jibqaʼ jmexxi l-ġens t’Iżrael u li Ġeħova riedu jidlek il-mexxej il-ġdid. Għaldaqstant, biex iħejji lil dan ir-raġel għall-inkarigu l-ġdid, Samwel ġietu idea u fassal pjan.

14 L-għada stess, Samwel iltaqaʼ maʼ Sawl, u Ġeħova qal lill-profeta: “Hawn hu r-raġel.” Mill-ewwel, Samwel għamel eżatt dak li kien beħsiebu jagħmel. Hu ħoloq opportunità tajba biex jitkellem maʼ Sawl. Samwel stieden lil Sawl u lill-qaddej tiegħu biex jiġu jieklu ikla miegħu u tahom l-aqwa postijiet u l-aqwa biċċiet laħam. Samwel qal: “Kulu, għaliex għal din l-okkażjoni refgħuh għalik.”  Wara l-ikla, Samwel stieden lil Sawl lura d-dar tiegħu. Huma u mexjin lejn id-dar, iż-żewġt irġiel kellhom konversazzjoni pjaċevoli. Meta waslu fid-dar taʼ Samwel, telgħu fuq il-bejt, u Samwel “kompla jitkellem maʼ Sawl fuq il-bejt” sakemm raqdu. L-għada, Samwel dilek lil Sawl, biesu, u tah iktar istruzzjonijiet. Wara dan, Sawl telaq, lest għal dak li kien ġej għalih.—1 Samwel 9:17-27; 10:1.

15 Samwel dilek lil Sawl biex ikun il-mexxej taʼ ġens. Ovvjament, dan hu differenti ħafna milli wieħed iħarreġ lil ħu biex ikun anzjan jew qaddej ministerjali fil-kongregazzjoni. Xorta waħda, l-anzjani jistgħu jitgħallmu ħafna lezzjonijiet importanti mill-mod kif Samwel ħejja qalb Sawl. Ejja niddiskutu tnejn minnhom.

KUN LEST LI TGĦALLEM U KUN ĦABIB TAJJEB

16. (a) Samwel kif ħassu meta l-Iżraelin talbu għal sultan? (b) Samwel kif irreaġixxa meta Ġeħova qallu biex jidlek lil Sawl?

16 Kun lest li tgħallem, iżżommx lura. Meta Samwel l-ewwel sar jaf li l-Iżraelin riedu sultan uman, ħassu diżappuntat u miċħud. (1 Samwel 8:4-8) Ġeħova kellu jgħidlu tliet darbiet biex jismaʼ mill-poplu, għax Samwel ma riedx jagħtihom sultan. (1 Samwel 8:7, 9, 22) Għalkemm Samwel ħassu b’dan il-mod, ma sarx għajjur għar-raġel li kien se jieħu postu bħala mexxej u lanqas ma rrabja miegħu. Meta Ġeħova qallu biex jidlek lil Sawl, Samwel ma żammx lura. Kien lest li jobdi, mhux biss għax bilfors kellu jobdi, imma għax kien iħobb lil Ġeħova.

Anzjani, warrbu ħin mill-iskeda mimlija tagħkom biex tkunu maʼ dawk li qed jitħarrġu

17. L-anzjani llum kif jimitaw lil Samwel, u liema ferħ jagħtihom dan?

17 Illum il-ġurnata, hemm ħafna anzjani t’esperjenza li imitaw lil Samwel u ħarrġu lil oħrajn bi mħabba. (1 Pietru 5:2) Dawn l-anzjani taʼ qalb tajba huma lesti li jgħallmu lil oħrajn u ma jiddejqux jaqsmu ftit mill-privileġġi tagħhom fil-kongregazzjoni maʼ dawk li qed jitħarrġu minnhom. Minflok, huma jgħożżu lil dawn l-aħwa u jħossu li huma ‘ħaddiema sħabhom’ li se jgħinuhom jieħdu ħsieb il-bżonnijiet tal-kongregazzjoni. (2 Korintin 1:24; Ebrej  13:16) U dawn l-anzjani mhux egoisti jieħdu pjaċir jaraw lil dawk li qed jitħarrġu jużaw l-abbiltajiet tagħhom biex jgħinu lin-nies taʼ Ġeħova.—Atti 20:35.

18, 19. Anzjan kif jistaʼ jħejji qalb dak li qed jitħarreġ, u dan għala hu importanti?

18 Kun ħabib, u mhux biss wieħed li jħarreġ. Meta Samwel iltaqaʼ maʼ Sawl, il-profeta setaʼ mill-ewwel dilku bħala sultan billi jieħu ż-żejt u jferrgħu fuq rasu. Imbagħad is-sultan il-ġdid kien ikun midluk, imma ma kienx ikun preparat biex imexxi l-poplu t’Alla. Allura minflok, Samwel ħa l-ħin biex iħejji qalb Sawl għall-inkarigu l-ġdid. Qabel ma dilek lil Sawl, dawn kielu flimkien, marru mixja pjaċevoli, tkellmu fit-tul, u saħansitra straħu ftit. Samwel stenna sakemm kien il-ħin opportun biex jidlek lis-sultan il-ġdid.

Tibda tħarreġ lil oħrajn billi ssir il-ħabib tagħhom (Ara paragrafi 18, 19)

19 L-istess hu minnu llum. Qabel ma anzjan jibda jħarreġ lil xi ħu, għandu jagħmel sforz biex isir ħabib maʼ dan il-ħu. M’għandniex xi ngħidu, dak li jagħmel anzjan biex jgħin lil dak li qed iħarreġ ħalli jħossu komdu se jvarja skont iċ-ċirkustanzi u l-kultura tagħhom. Imma, tgħix fejn tgħix, dak li qed jitħarreġ se jkun jaf li int lilu tqisu bħala li hu importanti meta twarrab ħin mill-iskeda mimlija tiegħek biex tkun miegħu. (Aqra Rumani 12:10.) Żgur li dawk li jitħarrġu se jkunu tassew grati għall-imħabba li turi magħhom u l-attenzjoni li tagħtihom.

20, 21. (a) Kieku int kif tiddeskrivi anzjan li jħarreġ lil oħrajn b’suċċess? (b) X’se niddiskutu fl-artiklu li jmiss?

20 Mhuwiex biżżejjed li anzjan ikun iħobb iħarreġ lil oħrajn. Biex ikun taʼ suċċess f’dan ix-xogħol, irid ukoll iħobb lil persuna li qed titħarreġ. (Qabbel Ġwanni 5:20.) Dan għala hu importanti? Għax jekk dak li qed jitħarreġ iħoss li verament jimpurtak minnu, se jkun lest li jitħarreġ minnek. Allura, anzjani, agħmlu sforz biex tkunu ħbieb tajbin u mhux biss uħud li tħarrġu.—Proverbji 17:17; Ġwanni 15:15.

21 Wara li jħejji l-qalb taʼ ħu, anzjan jistaʼ jibda jħarrġu. Kif jistaʼ jagħmel dan? Se niddiskutu din il-mistoqsija fl-artiklu li jmiss.

^ par. 3 Dan l-artiklu u l-artiklu li jmiss inkitbu speċifikament għall-anzjani. Imma kulħadd għandu jkun interessat f’din l-informazzjoni. Għala? Għax se tgħin lill-aħwa rġiel kollha jifhmu li għandhom bżonn it-taħriġ ħalli jkunu jistgħu jagħmlu iktar fil-kongregazzjoni. Kulħadd se jibbenefika meta jkun hemm iktar aħwa rġiel imħarrġin fil-kongregazzjoni.

^ par. 11 Dawn l-anzjani jgħixu fl-Afrika t’Isfel, l-Awstralja, il-Bangladexx, il-Belġju, il-Brażil, Franza, il-Ġappun, il-Guiana Franċiża, l-Istati Uniti, il-Korea, il-Messiku, in-Namibja, in-Niġerja, Réunion, u r-Russja.