Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Ibni żwieġ b’saħħtu u ferħan

Ibni żwieġ b’saħħtu u ferħan

“Jekk Ġeħova nnifsu ma jibnix id-dar, għalxejn ikunu ħadmu iebes fuqha l-bennejja.”—SALM 127:1a.

1-3. Koppji miżżewġin xi sfidi jesperjenzaw? (Ara l-ewwel stampa.)

“JEKK tagħmel sforz sinċier u turi li trid li ż-żwieġ tiegħek ikollu suċċess, tistaʼ tgawdi l-barkiet taʼ Ġeħova,” jgħid raġel li ilu fiż-żwieġ ferħan tiegħu għal 38 sena. Iva, huwa possibbli għall-irġiel u n-nisa miżżewġin li jkunu ferħanin flimkien u li jappoġġaw lil xulxin fi żminijiet diffiċli.—Proverbji 18:22.

2 Huwa normali li koppji miżżewġin jesperjenzaw xi diffikultajiet. Il-Bibbja dan issejjaħlu “tribulazzjoni f’laħamhom.” (1 Korintin 7:28) Għala? Fiż-żwieġ jistaʼ jkun hemm stress mill-problemi taʼ kuljum. Minħabba l-imperfezzjoni, l-irġiel u n-nisa miżżewġin kultant iweġġgħu s-sentimenti taʼ xulxin u ma jikkomunikawx sew maʼ xulxin. (Ġakbu 3:2, 5, 8) Ħafna għandhom xogħol li jirrikjedi ħafna enerġija u ħin, u wkoll jistaʼ jkun li qed irabbu t-tfal. Il-fatt li jkunu stressati u eżawriti jagħmilha taʼ sfida li jsibu biżżejjed ħin biex isaħħu ż-żwieġ tagħhom. Problemi finanzjarji, mard, u diffikultajiet oħra jistgħu bil-mod il-mod idgħajfu l-imħabba tagħhom u r-rispett għal xulxin. U żwieġ li donnu jidher  b’saħħtu jistaʼ jitkisser mill-“għemejjel tal-laħam,” bħaż-żína, kondotta laxka, mibegħda, ġlied, għira, għadab, u tilwim.—Galatin 5:19-21.

3 Biex tkompli tgħaxxaqha, in-nies f’dawn “l-aħħar jiem” spiss huma egoisti u għandhom nuqqas taʼ rispett lejn Alla, attitudnijiet li jistgħu jkissru żwieġ. (2 Timotju 3:1-4) Iktar minn hekk, għadu mill-agħar hu determinat li jeqred iż-żwiġijiet. L-appostlu Pietru jwissina: “L-avversarju tagħkom, ix-Xitan, iħuf bħal iljun jgħajjat, jipprova jiblaʼ lil xi ħadd.”—1 Pietru 5:8; Rivelazzjoni 12:12.

4. Kif inhu possibbli li jeżisti żwieġ b’saħħtu u ferħan?

4 Fil-Ġappun, raġel miżżewweġ jammetti: “Kelli ħafna stress minħabba l-flus. U minħabba li ma kkomunikajtx biżżejjed maʼ marti, hi wkoll spiċċat taħt pressjoni kbira. Iktar minn hekk, reċentement kellha problemi serji taʼ saħħa. Kultant, dan l-istress kien iġegħelna nillitikaw.” Fiż-żwieġ se jkun hemm xi sfidi, imma aħna nistgħu negħlbuhom. Bl-għajnuna taʼ Ġeħova, il-koppji jistgħu jgawdu relazzjoni b’saħħitha u ferħana. (Aqra Salm 127:1.) Ejja niddiskutu ħames modi kif nistgħu nibnu żwieġ b’saħħtu u dejjiemi. Se neżaminaw ukoll għala l-imħabba hi neċessarja biex iżżomm żwieġ b’saħħtu.

INKLUDU LIL ĠEĦOVA FIŻ-ŻWIEĠ TAGĦKOM

5, 6. L-irġiel u n-nisa miżżewġin, x’jistgħu jagħmlu biex jinkludu lil Ġeħova fiż-żwieġ tagħhom?

5 Meta koppja tkun leali u sottomessa lejn Ġeħova, iż-żwieġ ikollu pedament b’saħħtu. (Aqra Ekkleżjasti 4:12.) Billi jsegwu l-gwida kollha  mħabba t’Alla, irġiel u nisa miżżewġin ikunu qed jinkludu ’l Alla fiż-żwieġ tagħhom. Il-Bibbja tgħid: “Widnejk jisimgħu kelma minn warajk tgħid: ‘Din hi t-triq. Imxu fiha,’ f’każ li tmorru lejn il-lemin jew f’każ li tmorru lejn ix-xellug.” (Isaija 30:20, 21) Illum, il-koppji “jisimgħu” l-kelma taʼ Ġeħova meta jaqraw il-Bibbja flimkien. (Salm 1:1-3) Huma jsaħħu ż-żwieġ saħansitra iktar meta jkollhom qima bħala familja regolari li tkun pjaċevoli u li tibni. U meta koppja titlob flimkien kuljum, tkun qed tibni żwieġ li jistaʼ jirreżisti l-attakki tad-dinja taʼ Satana.

Meta l-irġiel u n-nisa miżżewġin jaqdu lil Ġeħova bħala koppja, se jersqu eqreb t’Alla u taʼ xulxin u jkollhom żwieġ ferħan (Ara paragrafi 5, 6)

6 Gerhard mill-Ġermanja jgħid: “Kull meta l-ferħ tagħna jiġi mfixkel minn xi diffikultà personali jew nuqqas taʼ ftehim, il-pariri mill-Kelma t’Alla għenuna niżviluppaw il-paċenzja u nipprattikaw il-maħfra.” Hu jżid jgħid li dawn il-kwalitajiet huma essenzjali fi żwieġ taʼ suċċess. Meta l-irġiel u n-nisa miżżewġin jaħdmu iebes biex iżommu ’l Alla fiż-żwieġ tagħhom billi jaqduh flimkien, huma jibqgħu qrib Ġeħova u jsaħħu r-relazzjoni tagħhom.

IRĠIEL—URU MĦABBA FIT-TMEXXIJA TAL-FAMILJA

7. Raġel kif għandu jittratta lil martu?

7 Il-mod kif raġel imexxi l-familja tiegħu jistaʼ jgħin f’li jibni żwieġ b’saħħtu u ferħan. Il-Bibbja tgħid: “Il-kap taʼ kull raġel hu l-Kristu; u l-kap tal-mara hu r-raġel.” (1 Korintin 11:3) Dan xi jfisser? L-irġiel għandhom jittrattaw lil marthom bl-istess mod kif Ġesù ttratta lid-dixxipli tiegħu. Qatt ma kien kattiv jew aħrax. Ġesù dejjem kien juri mħabba u qalb tajba, u kien ukoll raġunevoli, ġwejjed, u umli f’qalbu.—Mattew 11:28-30.

8. Raġel kif jistaʼ jirbaħ l-imħabba u r-rispett taʼ martu?

8 Irġiel Kristjani m’għandhomx bżonn jitolbu b’mod sforzat ir-rispett taʼ marthom. Minflok, għandhom ‘jonoraw lill-mara bħala reċipjent iktar dgħajjef.’ (1 Pietru 3:7) Kemm fil-pubbliku u kemm fil-privat, l-irġiel għandhom jużaw kliem taʼ rispett u juru mogħdrija. Bil-mod kif jitkellmu maʼ marthom u jittrattawhom, l-irġiel juru li l-mara tagħhom hi prezzjuża għalihom. (Proverbji 31:28) Meta raġel jittratta lil martu bi mħabba, hi se tħobbu u tirrispettah u Ġeħova se jbierek iż-żwieġ tagħhom.

NISA—URU UMILTÀ U SOTTOMISSJONI

9. Mara kif tistaʼ turi li hi sottomessa?

9 Imħabba mhux egoistika għal Ġeħova li hi bbażata fuq il-prinċipji tiegħu se tgħinna nkunu umli “taħt l-id setgħana t’Alla.” (1 Pietru 5:6) Mod importanti kif mara turi rispett lejn l-awtorità taʼ Ġeħova hu billi tikkoopera maʼ żewġha. Il-Bibbja tgħid: “Intom nisa miżżewġin, kunu sottomessi lejn żwieġkom bħalma jixraq fil-Mulej.” (Kolossin 3:18) Huwa minnu li mara forsi ma jogħġbuhiex id-deċiżjonijiet kollha li jieħu r-raġel tagħha. Imma sakemm dawn id-deċiżjonijiet mhumiex kontra l-liġi t’Alla, mara sottomessa tkun trid tikkoopera maʼ żewġha.—1 Pietru 3:1.

10. Sottomissjoni bi mħabba għala hi importanti?

 10 Ġeħova ta rwol onorabbli lin-nisa miżżewġin fil-familja. Mara hi “sieħba” taʼ żewġha. (Malakija 2:14) Meta koppja tieħu deċiżjonijiet dwar il-familja, mara b’rispett tgħid dak li taħseb u kif tħossha, imma tibqaʼ sottomessa. Raġel għaqli se jismaʼ sew dak li martu għandha xi tgħid. (Proverbji 31:10-31) Sottomissjoni bi mħabba tistaʼ ġġib ferħ, paċi, u armonija fil-familja. Minħabba f’hekk, irġiel u nisa miżżewġin jistgħu jħossuhom sodisfatti minħabba li jkunu jafu li qed jogħġbu ’l Alla.—Efesin 5:22.

KOMPLU AĦFRU LIL XULXIN MILL-QALB

11. Il-maħfra għala hi essenzjali?

11 Sabiex jibnu żwieġ dejjiemi, l-irġiel u n-nisa għandhom jitgħallmu jħallu nuqqas għaddej. Meta koppji ‘jkomplu jissaportu lil xulxin u jaħfru lil xulxin mill-qalb,’ huma jsaħħu r-relazzjoni tagħhom. (Kolossin 3:13) Madankollu, iż-żwieġ jiddgħajjef meta koppja żżomm fil-komma l-iżbalji tal-passat u iktar tard terġaʼ taqlaʼ l-ħama. Eżatt bħalma xquq idgħajfu binja, sentimenti mweġġgħin u rabja jagħmluha iktar u iktar diffiċli għal koppja biex taħfer u taħdem flimkien. Imma żwieġ isir ħafna iktar b’saħħtu meta r-raġel u l-mara jaħfru lil xulxin, eżatt bħalma Ġeħova jaħfrilhom.—Mikea 7:18, 19.

12. L-imħabba kif “tgħatti kotra taʼ dnubiet”?

12 Imħabba vera “ma żżommx kont tal-ħsara.” Fil-fatt, “l-imħabba tgħatti kotra taʼ dnubiet.” (1 Korintin 13:4, 5; aqra l-1 Pietru 4:8.) Allura, jekk inħobbu lil oħrajn, m’hemmx limitu taʼ kemm-il darba għandna naħfru. Meta l-appostlu Pietru saqsa kemm-il darba wieħed għandu jaħfer lil xi ħadd, Ġesù wieġbu: “Sa sebgħa u sebgħin darba.” (Mattew 18:21, 22) Ġesù x’ried jgħid biha? Ried jgħid li m’hemmx limitu taʼ kemm-il darba Kristjan għandu jaħfer lil oħrajn.—Proverbji 10:12. *

13. Kif nistgħu nevitaw it-tendenza li nżommu fil-komma?

13 Annette mill-Ġermanja tgħid: “Jekk koppja ma jkunux iridu jaħfru, jibdew iżżommu f’qalbhom u tikber in-nuqqas taʼ fiduċja, u dan jeqred iż-żwieġ bil-mod il-mod. Permezz tal-maħfra, tissaħħaħ ir-rabta taż-żwieġ u tersqu eqreb lejn xulxin.” Kun grat, u uri apprezzament. Fittex fejn tistaʼ tfaħħar lis-sieħeb jew is-sieħba tiegħek. Meta tagħmel hekk, tkun tistaʼ tegħleb it-tendenza li żżomm fil-komma. (Kolossin 3:15) B’hekk, ikollok is-serħan tal-moħħ, l-unità, u l-approvazzjoni t’Alla.—Rumani 14:19.

 APPLIKAW IR-REGOLA TAD-DEHEB

14, 15. X’inhi r-Regola tad-Deheb, u meta tiġi applikata, iż-żwieġ kif jissaħħaħ?

14 Hemm probabbiltà kbira li trid tiġi trattat b’dinjità u rispett. Int tapprezza meta oħrajn jagħtuk widen u jagħtu kas taʼ kif tħossok. Imma ġieli smajt lil xi ħadd jgħid, “Issa tara kif żgur inpattihielu”? Kultant din ir-reazzjoni tistaʼ tifhimha. Madankollu, il-Bibbja tgħidilna: “Tgħidx: ‘Kif għamilli, nagħmillu.’” (Proverbji 24:29) Ġesù għallimna l-aħjar mod kif nistgħu nittrattaw sitwazzjonijiet diffiċli. Dak li Ġesù qal, spiss tissejjaħ ir-Regola tad-Deheb: “Bħalma tridu li l-bnedmin jagħmlulkom, agħmlu l-istess lilhom.” (Luqa 6:31) Ġesù ried jgħid li għandna nittrattaw lin-nies bil-mod li nixtiequ li niġu trattati, mhux bil-mod kif jittrattawna. Dan ifisser li fiż-żwieġ għandna niżirgħu dak li nittamaw li naħsdu minnu.

Fiż-żwieġ għandna niżirgħu dak li nittamaw li naħsdu minnu

15 Meta l-koppji jimpurtahom verament mis-sentimenti taʼ xulxin, ikunu jistgħu jsaħħu r-relazzjoni tagħhom. “Ipprovajna nużaw fil-prattika r-Regola tad-Deheb,” jgħid raġel miżżewweġ li jgħix fl-Afrika t’Isfel. “Veru, kultant niddiżappuntaw lil xulxin, imma ħdimna iebes biex nittrattaw lil xulxin bil-mod li nixtiequ li niġu trattati—bir-rispett u d-dinjità.”

16. Koppja x’m’għandha qatt tagħmel?

16 Tikxifx in-nuqqasijiet tas-sieħeb jew is-sieħba tiegħek m’oħrajn jew tibqaʼ tgerger dwar affarijiet li jdejquk, lanqas bħala ċajta. Ftakar li ż-żwieġ mhuwiex xi kompetizzjoni biex tagħti prova taʼ min hu l-iktar b’saħħtu, taʼ min jistaʼ jgħajjat l-iktar, jew taʼ min jistaʼ jweġġaʼ l-iktar bi kliemu. Veru, ilkoll kemm aħna imperfetti u kultant niddiżappuntaw lil oħrajn. Imma qatt m’hemm raġuni tajba biex il-koppja jġiegħlu lil xulxin jistħu, jużaw kliem li jweġġaʼ meta jkellmu lil xulxin, jew agħar minn hekk, li jimbottaw jew isawtu lil xulxin.—Aqra Proverbji 17:27; 31:26.

17. L-irġiel miżżewġin kif jistgħu jobdu r-Regola tad-Deheb?

17 F’xi kulturi, xi rġiel jagħmlu l-arja maʼ marthom jew isawtuha biex juru li huma b’saħħithom. Imma l-Bibbja tgħid: “Min ma jirrabjax malajr hu aħjar minn raġel setgħan, u dak li qed jikkontrolla l-ispirtu tiegħu aħjar minn wieħed li qed jirbaħ belt.” (Proverbji 16:32) Hemm bżonn li individwu jkollu saħħa ġewwinija kbira biex jitrażżan bħalma għamel Ġesù Kristu, l-aqwa bniedem li qatt għex. Raġel li jagħmel l-arja maʼ martu jew isawwatha, huwa raġel dgħajjef li se jitlef ir-relazzjoni li għandu maʼ Ġeħova. Is-salmista David, li kien b’saħħtu u kuraġġuż, qal: “Jekk tibdew tħossukom aġitati, tidinbux. Tkellmu f’qalbkom, fis-sodda tagħkom, u ibqgħu siekta.”—Salm 4:4.

“ILBSU L-IMĦABBA”

18. Għala hu importanti li tibqgħu turu l-imħabba?

18 Aqra l-1 Korintin 13:4-7. L-imħabba hi l-iktar kwalità importanti fi  żwieġ. Il-Bibbja tgħid: “Ilbsu sentimenti profondi taʼ mogħdrija, u qalb tajba, umiltà, ħlewwa, u sabar fit-tul. Imma, minbarra dawn l-affarijiet kollha, ilbsu l-imħabba, għax hi rabta perfetta li tgħaqqad.” (Kolossin 3:12, 14) L-irġiel u n-nisa għandhom bżonn juru mħabba mhux egoistika u jimitaw lil Ġesù Kristu, li kien lest li jissagrifika lilu nnifsu għal oħrajn. Jekk iż-żwieġ ikun ibbażat fuq imħabba bħal din, se jkun b’saħħtu minkejja d-drawwiet tedjanti, sfidi taʼ saħħa serji, problemi finanzjarji serji, u diffikultajiet mal-kunjati.

19, 20. (a) Il-koppji kif jistgħu jibnu żwieġ b’saħħtu u ferħan b’suċċess? (b) X’se niddiskutu fl-artiklu li jmiss?

19 L-imħabba, il-lealtà, u sforz sinċier huma bżonjużi għal żwieġ taʼ suċċess. Meta jkun hemm id-diffikultajiet, il-koppja m’għandhiex taqtaʼ qalba miż-żwieġ tagħha. Għandha tkun determinata li tersaq eqreb taʼ xulxin. Koppji li jħobbu lil Ġeħova u lil xulxin għandhom ikunu determinati li jirranġaw il-problemi tagħhom, għax “l-imħabba ma tbatti qatt.”—1 Korintin 13:8; Mattew 19:5, 6; Ebrej 13:4.

20 Huwa partikularment diffiċli li tibni żwieġ b’saħħtu u ferħan f’dawn iż-“żminijiet kritiċi.” (2 Timotju 3:1) Imma bl-għajnuna taʼ Ġeħova, hu possibbli. Xorta waħda, il-koppji għandhom jiġġieldu wkoll kontra l-ossessjoni li għandha d-dinja bis-sess. Fl-artiklu li jmiss, ejja nikkunsidraw kif l-irġiel u n-nisa miżżewġin jistgħu jżommu ż-żwieġ tagħhom b’saħħtu.

^ par. 12 Għalkemm koppji jipprovaw jaħfru u jsolvu d-diffikultajiet, il-Bibbja tgħid li s-sieħeb jew is-sieħba innoċenti għandha d-dritt li tiddeċiedi jekk taħfirx jew jekk tiddivorzjax lil min għamel adulterju. (Mattew 19:9) Ara l-appendiċi “Il-Ħarsa tal-Bibbja Lejn id-Divorzju u s-Separazzjoni” f’paġni 219-221 tal-ktieb Fl-Imħabba t’Alla.