“Jekk Ġeħova nnifsu ma jħarisx il-belt, għalxejn ikun baqaʼ mqajjem l-għassies.”—SALM 127:1b.

1, 2. (a) Għala tilfu l-premju mill-isbaħ 24,000 Iżraeli? (b) Dan ir-rakkont għala hu importanti għalina?

FTIT qabel ma l-ġens t’Iżrael daħal fl-Art Imwiegħda, għaxriet t’eluf taʼ rġiel kellhom “relazzjonijiet immorali mal-bniet taʼ Mowab.” Minħabba dan, 24,000 Iżraeli mietu. Kienu ilhom jistennew u kienu tant qrib biex jirċievu l-wirt tagħhom! B’dispjaċir, tilfu premju mill-isbaħ peress li ċedew għat-tentazzjoni biex jikkommettu l-immoralità.—Numri 25:1-5, 9.

2 Dan l-eżempju xejn sabiħ “inkiteb bħala twissija għalina li fuqna wasal it-tmiem tas-sistemi.” (1 Korintin 10:6-11) Aħna qed ngħixu fl-aħħar nett tal-“aħħar jiem” u qegħdin viċin ħafna tad-dinja l-ġdida. (2 Timotju 3:1; 2 Pietru 3:13) Imma b’dispjaċir, xi wħud mill-aduraturi taʼ Ġeħova baxxew il-livelli morali tagħhom u ċedew għat-tentazzjoni biex jikkommettu l-immoralità. Issa qed iħallsu qares għall-azzjonijiet tagħhom, u jekk ma jindmux, jistgħu saħansitra jitilfu l-opportunità li jgħixu għal dejjem fil-Ġenna tal-art.

3. Il-koppji miżżewġin għala għandhom bżonn id-direzzjoni u l-protezzjoni taʼ Ġeħova? (Ara l-ewwel stampa.)

 3 Minħabba li d-dinja tal-lum hija ossessjonata bis-sess, l-irġiel u n-nisa miżżewġin għandhom bżonn id-direzzjoni u l-protezzjoni taʼ Ġeħova ħalli l-isforzi li jagħmlu biex jipproteġu ż-żwieġ tagħhom ma jkunux għalxejn. (Aqra Salm 127:1.) F’dan l-artiklu se niddiskutu kif koppja jistgħu jipproteġu ż-żwieġ tagħhom. Għandhom bżonn jgħassu lil qalbhom, jersqu qrib t’Alla, jilbsu l-personalità l-ġdida, jikkomunikaw b’mod xieraq, u jissodisfaw il-bżonnijiet taʼ xulxin.

GĦASSU LIL QALBKOM

4. Xi Kristjani għala ċedew għall-immoralità?

4 Kif inhu possibbli li Kristjan iċedi għall-immoralità? Spiss l-affarijiet jibdew bl-għajnejn. Ġesù spjega: “Kulmin jibqaʼ jħares lejn mara biex jixtieqha jkun diġà għamel adulterju magħha f’qalbu.” (Mattew 5:27, 28; 2 Pietru 2:14) Ħafna li ċedew għall-immoralità baxxew il-livelli morali tagħhom billi raw il-pornografija, qraw affarijiet li jqajmu xewqat sesswali, jew raw affarijiet fuq l-Internet li jġibulek għajnejk wara widnejk. Oħrajn raw films, reċti fuq il-palk, jew programmi fuq it-televixin li juru s-sess bla mistħija taʼ xejn. Terġaʼ oħrajn marru f’ċerti nightclubs u postijiet oħra fejn joqogħdu jaraw nies jinżgħu l-ħwejjeġ. Xi wħud anki marru f’postijiet biex ikollhom massaġġi senswali jew immorali.

5. Għala għandna ngħassu l-qalb tagħna li hi imperfetta?

5 Xi wħud iċedu għat-tentazzjoni minħabba li jfittxu l-attenzjoni taʼ xi ħadd li ma jkunx ir-raġel jew il-mara tagħhom. Aħna qed ngħixu f’dinja fejn in-nies ftit li xejn jafu jitrażżnu, u minflok jieħdu pjaċir b’kull tip taʼ immoralità. Apparti minn hekk, minħabba li l-qalb imperfetta tagħna hi qarrieqa u ddisprata, ikun faċli għalina li niżviluppaw sentimenti romantiċi għal raġel jew mara barra ż-żwieġ. (Aqra Ġeremija 17:9, 10.) Ġesù qal: “Mill-qalb joħorġu rraġunar ħażin, qtil, adulterju, żína.”—Mattew 15:19.

6, 7. (a) X’jistaʼ jiġri jekk jinbtu xewqat ħżiena f’qalbna? (b) Kif nistgħu nevitaw milli nidinbu kontra Ġeħova?

6 Ladarba jinbtu xewqat ħżiena fi qlub taʼ tnejn min-nies li jkollhom grazzja maʼ xulxin, jistgħu jibdew ikollhom konversazzjonijiet dwar affarijiet li għandhom jiġu diskussi biss mar-raġel jew il-mara tagħhom. Wara ftit, jagħmlu iktar u iktar skużi biex ikunu flimkien. Jibdew jiltaqgħu iktar spiss billi jagħmluha tabirruħhom li ltaqgħu b’kumbinazzjoni. Hekk kif is-sentimenti għal xulxin isiru iktar b’saħħithom, ikun iktar diffiċli biex jagħmlu dak li hu tajjeb. Iktar ma tikber ir-relazzjoni tagħhom, iktar tkun diffiċli biex titwaqqaf, avolja jkunu jafu li dak li qed jagħmlu hu ħażin.—Proverbji 7:21, 22.

7 Huma jinsew għalkollox il-livelli morali taʼ Ġeħova hekk kif xewqat u konversazzjonijiet ħżiena jwasslu biex jibdew iżommu idejn xulxin, jitbewsu, imellsu lil xulxin, u jmissu lil xulxin b’mod li jqanqal sesswalment. B’dispjaċir, ikunu qed jagħmlu  affarijiet li suppost jagħmluhom biss mas-sieħeb jew is-sieħba tagħhom fiż-żwieġ. Huma ‘jkunu miġbudin u mħajrin mix-xewqa’ tagħhom stess. Imbagħad, meta x-xewqa tikber biżżejjed, iċedu għall-immoralità sesswali. (Ġakbu 1:14, 15) X’ħasra tkun din għax iż-żewġ individwi setgħu jevitaw milli jidinbu kontra Ġeħova li kieku ħallewh isaħħilhom ir-rispett li għandu jkollhom lejn iż-żwieġ. Individwu kif jistaʼ jiżviluppa rispett bħal dan?

IBQGĦU ERSQU QRIB T’ALLA

8. Il-ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova kif tipproteġina mill-immoralità?

8 Aqra Salm 97:10. Il-fatt li jkollna ħbiberija maʼ Ġeħova jistaʼ jipproteġina mill-immoralità. Meta nitgħallmu dwar il-kwalitajiet mill-isbaħ tiegħu, nipprovaw ‘nimitaw lil Alla, bħala wlied maħbubin, u nibqgħu mexjin bl-imħabba.’ B’hekk, se jkollna s-saħħa li nirrifjutaw “iż-żína u n-nuqqas taʼ ndafa taʼ kull xorta.” (Efesin 5:1-4) L-irġiel u n-nisa miżżewġin li jafu li “Alla jiġġudika liż-żienja u lill-adulteri” jaħdmu iebes biex jibqgħu leali lejn xulxin.—Ebrej 13:4.

9. (a) Ġużeppi kif setaʼ jibqaʼ leali minkejja t-tentazzjoni mill-mara taʼ sidu? (b) X’lezzjoni nistgħu nitgħallmu mill-eżempju taʼ Ġużeppi?

9 Xi Kristjani baxxew il-livelli morali tagħhom billi qattgħu ħin maʼ kollegi mhux Xhieda wara l-ħin tax-xogħol. Oħrajn ġew ittantati wkoll waqt il-ħin tax-xogħol. Hekk ġralu żagħżugħ jismu Ġużeppi. Waqt ix-xogħol, irrealizza li l-mara tal-imgħallem kellha ħafna grazzja miegħu. Ġurnata wara l-oħra pprovat tħajru biex ikollu x’jaqsam magħha. Eventwalment, “qabditu minn ħwejġu, u qaltlu: ‘Imtedd miegħi!’” Imma Ġużeppi rrifjuta u ħarab. Ġużeppi kif setaʼ jkun b’saħħtu biżżejjed biex jibqaʼ leali? Kien minħabba d-determinazzjoni tiegħu biex jipproteġi l-ħbiberija li kellu m’Alla. Fil-fatt, Ġużeppi tilef l-impjieg tiegħu u ntbagħat il-ħabs, imma Ġeħova bierku. (Ġenesi 39:1-12; 41:38-43) Kemm jekk inkunu x-xogħol u kemm jekk inkunu xi mkien ieħor, hemm bżonn nevitaw sitwazzjonijiet taʼ tentazzjoni.

ILBSU L-PERSONALITÀ L-ĠDIDA

10. Il-personalità l-ġdida kif tgħin biex tipproteġi żwieġ?

10 Il-personalità l-ġdida li hi ‘maħluqa skond ir-rieda t’Alla fil-ġustizzja u l-lealtà vera’ se tipproteġi lil koppja mill-immoralità sesswali. (Efesin 4:24) Meta nilbsu l-personalità l-ġdida, aħna ‘mmewtu’ l-membri taʼ ġisimna billi niġġieldu kontra “ż-żína, in-nuqqas taʼ ndafa, l-aptit sesswali, ix-xewqa li twassal għall-ħsara, u x-xenqa b’għira.” (Aqra Kolossin 3:5, 6.) Hawnhekk, il-kelma “mewtu” tfisser li għandna nagħmlu dak kollu li hu neċessarju biex niġġieldu kontra l-immoralità sesswali. Għandna nevitaw kwalunkwe ħaġa li forsi tqanqal fina xewqat sesswali għal xi ħadd li ma jkunx is-sieħeb jew is-sieħba tagħna fiż-żwieġ. (Ġob 31:1) Meta ngħixu skont il-livelli t’Alla, nitgħallmu nobogħdu “dak li hu ħażin” u nżommu sod maʼ “dak li hu tajjeb.”—Rumani 12:2, 9.

Il-koppji għandhom bżonn isaħħu r-relazzjoni taʼ bejniethom billi jkellmu lil xulxin b’qalb tajba, tenerezza, u mogħdrija

11. Il-personalità l-ġdida kif tistaʼ ssaħħaħ żwieġ?

 11 Meta nilbsu l-personalità l-ġdida, inkunu qed nimitaw il-kwalitajiet taʼ Ġeħova. (Kolossin 3:10) Meta raġel u mara miżżewġin juru ‘mogħdrija, qalb tajba, umiltà, ħlewwa, u sabar fit-tul,’ se jkollhom żwieġ b’saħħtu u Ġeħova se jberikhom. (Kolossin 3:12) Barra minn hekk, se jiftiehmu iktar meta ‘jħallu l-paċi tal-Kristu jkollha kontroll fi qlubhom.’ (Kolossin 3:15) Meta koppja jkollha “affezzjoni tenera,” se ‘tkun minn taʼ quddiem’ biex tagħti attenzjoni lil xulxin u turi rispett.—Rumani 12:10.

12. Xi kwalitajiet taħseb li huma importanti għal żwieġ ferħan?

12 Meta saqsew lil koppja xi kwalitajiet għenuhom ikollhom żwieġ ferħan, ir-raġel, li jismu Sid, qal: “L-imħabba hi l-kwalità prinċipali li dejjem ħdimna fuqha. Barra minn hekk, sibna li l-ħlewwa hi importanti ħafna.” Martu Sonja qablet miegħu, u qalet: “Il-qalb tajba żgur li hi kwalità importanti. U pprovajna wkoll nuru l-umiltà, avolja mhux dejjem ikun faċli.”

IKKOMUNIKAW B’MOD XIERAQ

13. X’inhu neċessarju għal żwieġ b’saħħtu, u għala?

13 Wieħed mill-aħjar modi biex inżommu żwieġ b’saħħtu hu billi nitkellmu mas-sieħeb jew is-sieħba tagħna fiż-żwieġ b’qalb tajba. Sfortunatament, xi rġiel u nisa miżżewġin jitkellmu bejniethom b’inqas rispett milli meta jitkellmu maʼ nies li ma jafuhomx jew saħansitra mal-pets tagħhom! Meta fi żwieġ ikun hemm “imrar malizzjuż u rabja u korla u twerżiq u tgħajjir,” bil-mod il-mod se tiddgħajjef ir-relazzjoni tal-koppja. (Efesin 4:31) Attitudni li tweġġaʼ u tikkritika se tagħmel ħsara lil żwieġ. Allura, il-koppji għandhom bżonn isaħħu r-relazzjoni taʼ bejniethom billi jkellmu lil xulxin b’qalb tajba, tenerezza, u mogħdrija.—Efesin 4:32.

14. X’għandna nevitaw li nagħmlu?

14 Il-Bibbja tgħid li hemm “żmien li toqgħod kwiet,” jiġifieri li ma titkellimx. (Ekkleżjasti 3:7) M’għandniex xi ngħidu, dan ma jfissirx li nistgħu nieqfu nitkellmu mas-sieħeb jew is-sieħba tagħna fiż-żwieġ, minħabba li l-komunikazzjoni hi importanti għal żwieġ tajjeb. Mara miżżewġa li tgħix fil-Ġermanja tgħid: “F’ċirkustanzi bħal dawn, li toqgħod sieket jistaʼ jweġġaʼ lis-sieħeb jew is-sieħba tiegħek.” Hi żżid tgħid: “Għalkemm mhux dejjem ikun faċli li tibqaʼ kalm meta tkun stressat, ma jagħmilx ġid li taqbad tiżvoga r-rabja tiegħek. Imbagħad, bla ma trid, tgħid jew tagħmel xi ħaġa li tweġġaʼ lis-sieħeb jew is-sieħba tiegħek fiż-żwieġ, u dan jiggrava s-sitwazzjoni.” L-irġiel u n-nisa ma jsolvux il-problemi tagħhom billi jgħajtu maʼ xulxin jew billi jirrifjutaw li jkellmu lil xulxin. Minflok, il-koppji  jsaħħu ż-żwieġ tagħhom meta jagħżlu li jsolvu l-problemi taʼ bejniethom bla telf taʼ żmien u ma jħalluhomx isiru argumenti.

15. Komunikazzjoni tajba kif tistaʼ ssaħħaħ żwieġ?

15 Tistgħu ssaħħu ż-żwieġ tagħkom meta tieħdu l-ħin biex titkellmu dwar il-ħsibijiet u s-sentimenti taʼ xulxin. Il-mod kif tgħid xi ħaġa hu importanti daqs dak li tgħid. Allura, anki f’sitwazzjonijiet diffiċli, uri qalb tajba kemm f’dak li tgħid u kemm fil-mod kif tgħidu. Imbagħad se jkun iktar faċli għar-raġel jew il-mara biex tagħti widen. (Aqra Kolossin 4:6.) Koppja tistaʼ ssaħħaħ iż-żwieġ tagħha permezz taʼ komunikazzjoni tajba meta tuża kliem inkuraġġanti u taʼ benefiċċju.—Efesin 4:29.

Koppja tistaʼ ssaħħaħ iż-żwieġ tagħha permezz taʼ komunikazzjoni tajba (Ara paragrafu 15)

ISSODISFAW IL-BŻONNIJIET TAʼ XULXIN

16, 17. Għala hu importanti li koppja tkun konxja tal-bżonnijiet emozzjonali u sesswali taʼ xulxin?

16 Il-koppji jistgħu jibnu żwieġ b’saħħtu wkoll meta jpoġġu l-bżonnijiet personali tas-sieħeb jew is-sieħba qabel tagħhom stess. (Filippin 2:3, 4) Għalhekk, kemm l-irġiel u kemm in-nisa għandhom ikunu konxji tal-bżonnijiet emozzjonali u sesswali taʼ xulxin.—Aqra l-1 Korintin 7:3, 4.

17 B’dispjaċir, xi rġiel u nisa miżżewġin ma jurux affezzjoni lejn xulxin jew mhumiex intimi maʼ xulxin. U xi rġiel jaħsbu li jekk ikunu ġentili maʼ marthom, ikun ifisser li huma dgħajfa. Imma l-Bibbja tgħid: “Intom l-irġiel miżżewġin għandkom tipprovaw tifhmu lil martkom li tgħix magħkom.” (1 Pietru 3:7, Phillips) Il-Bibbja tgħid li raġel għandu “jagħti lil martu dak li jmissha.” Dan ma jfissirx biss li raġel miżżewweġ ikollu x’jaqsam sesswalment maʼ martu. Għandu bżonn juri mħabba u affezzjoni l-ħin kollu. Imbagħad il-mara aktarx li iktar se tieħu pjaċir ikollha relazzjonijiet sesswali miegħu. Meta t-tnejn li huma juru mħabba u affezzjoni, ikun iktar faċli  biex il-bżonnijiet emozzjonali u fiżiċi taʼ xulxin jiġu sodisfati.

18. L-irġiel u n-nisa kif jistgħu jsaħħu r-relazzjoni tagħhom?

18 Għalkemm m’għandna l-ebda skuża biex inkunu żleali lejn ir-raġel jew il-mara tagħna, nuqqas taʼ tenerezza tistaʼ tkun waħda mir-raġunijiet għala raġel jew mara miżżewġa tfittex affezzjoni u intimità mingħand ħaddieħor. (Proverbji 5:18; Ekkleżjasti 9:9) Għaldaqstant, il-Bibbja tagħti parir lill-koppji miżżewġin biex ma ‘jċaħħdux lil xulxin’ milli jkollhom x’jaqsmu flimkien sakemm ma jiddeċidux li jagħmlu dan għal żmien qasir. Għala? “Sabiex Satana ma joqgħodx jittantakom għax ma tkunux tifilħu żżommu.” (1 Korintin 7:5) X’ħasra meta koppja tippermetti lil Satana jieħu vantaġġ minħabba li ‘ma tkunx tiflaħ iżżomm,’ u b’hekk titfaʼ f’riskju lis-sieħeb jew is-sieħba f’li tagħmel adulterju! Billi jiġu sodisfati l-bżonnijiet taʼ xulxin, kull wieħed minnhom m’għandux ifittex “dak li jaqbel lilu, imma dak li jaqbel lil ħaddieħor.” Huma jagħmlu dan minħabba li jħobbu lil xulxin, u mhux minħabba li hu d-dmir tagħhom. Espressjonijiet intimi taʼ mħabba u tenerezza jsaħħu r-relazzjoni tagħhom.—1 Korintin 10:24.

IBQAʼ SAĦĦAĦ IŻ-ŻWIEĠ TIEGĦEK

19. X’għandna nkunu determinati li nagħmlu, u għala?

19 Qegħdin fil-qrib ħafna biex nidħlu fid-dinja l-ġdida! X’diżastru jkun li kieku nċedu għax-xewqat ħżiena, bħalma għamlu l-24,000 Iżraeli fuq il-Pjanuri taʼ Mowab. Wara li l-Bibbja tiddeskrivi x’ġara, twissi: “Min jaħseb li hu wieqaf ħa joqgħod attent li ma jaqax.” (1 Korintin 10:12) Biex insaħħu ż-żwieġ tagħna, aħna għandna nibqgħu leali lejn Ġeħova u lejn is-sieħeb jew is-sieħba tagħna fiż-żwieġ. (Mattew 19:5, 6) Issa, iktar minn qatt qabel, għandna bżonn ‘nagħmlu l-almu tagħna biex fl-aħħar isibna bla tebgħa u bla difett u fil-paċi.’—2 Pietru 3:13, 14.