GRUPP taʼ Xhieda żgħażagħ jiddeċiedu li jmorru jaraw film. Fl-iskola, il-film qiegħed fuq fomm kulħadd u qed jgħidu li tgħidx kemm hu tajjeb. Meta jmorru ċ-ċinema u jħarsu lejn il-posters tal-film, jaraw armi qerrieda u nisa lebsin b’mod indeċenti. X’se jagħmlu dawn ix-Xhieda żgħażagħ? Se jidħlu jaraw il-film?

Kuljum ikollna nieħdu deċiżjonijiet li jistgħu jew isaħħu r-relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova jew inkella jdgħajfuha. Forsi tiddeċiedi li tagħmel xi ħaġa, imma meta taħseb iktar dwarha, tbiddel fehmtek u tiddeċiedi li tagħmel xi ħaġ’oħra. Ifisser dan li ma tinqalax f’li tieħu deċiżjonijiet, jew li kellek raġun tbiddel fehmtek?

 Meta m’għandekx tbiddel fehmtek

Aħna tant inħobbu lil Ġeħova li ddedikajna ħajjitna lilu u tgħammidna. Wegħedna li nibqgħu leali lejh, u minn qiegħ qalbna nixtiequ nżommu dik il-wegħda. Imma l-għadu tagħna Satana x-Xitan se jagħmel minn kollox biex ikisser l-integrità tagħna. (Rivelazzjoni 12:17) Aħna ddeċidejna li naqdu u nobdu lil Ġeħova. Jekk inbiddlu fehmitna, jistaʼ jkun li nitilfu ħajjitna.

Iktar minn 2,600 sena ilu, is-sultan Babiloniż Nebukadnessar bena xbieha enormi tad-deheb u kkmanda lil kulħadd biex iqimha. Kull min jirrifjuta kien se jiġi mitfugħ ġo forn tan-nar iħeġġeġ. Sidrak, Mesak, u Għabednego kienu tlett irġiel żgħażagħ li qiemu lil Ġeħova u li ma ridux jiddiżappuntawh. Għalhekk, irrifjutaw li jobdu lis-sultan, u hu xeħithom ġol-forn. Ġeħova wettaq miraklu u salvalhom ħajjithom. Imma anki li kieku ma salvahomx, kienu jippreferu jmutu milli ma jobdux lil Alla.—Danjel 3:1-27.

Iktar tard, il-profeta Danjel kien jaf li jekk xi ħadd jarah jitlob lil Alla, kien se jiġi mitfugħ ġo ħofra tal-iljuni u jmut mewta terribbli. Imma dan ma waqqfux milli jitlob tliet darbiet kuljum. Ma biddilx id-deċiżjoni tiegħu li jqim lill-Alla l-veru, u għalhekk, Ġeħova salvah “minn taħt difrejn l-iljuni.”—Danjel 6:1-27.

Il-qaddejja t’Alla llum ukoll iżommu l-wegħda li għamlu lil Ġeħova meta ddedikaw ħajjithom lilu. Grupp taʼ Xhieda żgħażagħ fl-Afrika rrifjutaw li jagħtu tislima lil simbolu taʼ pajjiżhom matul ċerimonja tal-iskola, u l-iskola heddithom li tkeċċihom. Iktar tard, ministru tal-edukazzjoni tkellem maʼ dawn l-istudenti li kienu Xhieda. Dawn ma beżgħux ikellmuh, u bl-edukazzjoni kollha spjegaw għala ddeċidew li ma jsellmux. Minn dakinhar ’il quddiem, din il-kwistjoni ma reġgħetx qamet. Jistgħu jmorru l-iskola mingħajr ma jkollhom għalfejn jiffaċċjaw din il-pressjoni biex ma jobdux lil Ġeħova.

Joseph ukoll ħabbat wiċċu maʼ prova meta martu mietet ħabta u sabta. Il-familja taʼ Joseph irrispettaw ix-xewqat tiegħu fejn kellhom x’jaqsmu l-arranġamenti tal-funeral. Imma l-familja taʼ martu mhumiex fil-verità u riedu jinkludu prattiki li ma jogħġbux lil Alla. Joseph jgħid: “Meta rrifjutajt li nagħmel kompromess, ipprovaw jinfluwenzaw lil uliedi, li baqgħu sodi fil-fehma tagħhom. Il-qraba pprovaw ukoll jorganizzaw tip taʼ ritwal fid-dar tiegħi bħalma hi d-drawwa, imma jien għedtilhom li jekk ħa jinsistu biex jagħmlu dan ir-ritwal, ma kienx se jsir fid-dar tiegħi. Huma kienu jafu li dan ir-ritwal ma kienx ikun fi qbil mat-twemmin tiegħi u taʼ marti, għalhekk wara ħafna diskussjonijiet għamluh f’post ieħor.

“Matul dan iż-żmien diffiċli u taʼ niket, jien tlabt bil-ħrara lil Ġeħova biex jgħin lill-familja tagħna ħalli ma mmorrux kontra l-liġijiet tiegħu. Hu semaʼ talbi u għenna nibqgħu sodi minkejja l-pressjoni.” Joseph u wliedu qatt m’għaddielhom minn moħħhom li jbiddlu d-deċiżjoni tagħhom li jobdu lil Ġeħova.

Meta forsi jkun hemm bżonn li tbiddel fehmtek

Fis-sena 32 EK, mara mhix Iżraelija talbet lil Ġesù biex ikeċċi d-demonju minn ġo bintha. Għalkemm staqsietu għal darba wara l-oħra, hu ma wiġibhiex. Spjega lid-dixxipli tiegħu: “Kont mibgħut biss għan-nagħaġ mitlufin taʼ dar Israel.” Il-mara ma waqfitx titolbu jgħinha, allura Ġesù qalilha: “Mhux sewwa li tieħu l-ħobż tat-tfal u titfgħu lill-ġriewi.” Hi wriet li kellha fidi kbira billi wieġbet: “Iva, Mulej; imma fil-fatt il-ġriewi wkoll jieklu mill-frak li jaqaʼ mill-mejda tas-sidien tagħhom.” Ġesù biddel fehmtu u keċċa d-demonju minn ġo bintha.—Mattew 15:21-28.

Ġesù imita lil Ġeħova billi kien lest li jbiddel fehmtu meta dan kien xieraq. Pereżempju, meta l-Iżraelin m’obdewx lil Ġeħova  billi qiemu għoġol tad-deheb, hu ddeċieda li kien jistħoqqilhom il-mewt. Imma meta Mosè talbu bil-ħeġġa biex ma joqtolhomx, Ġeħova kien lest li jbiddel fehmtu.—Eżodu 32:7-14.

Bħal Ġeħova u Ġesù, l-appostlu Pawlu kien lest li jbiddel fehmtu. Fl-ewwel vjaġġ missjunarju tiegħu, Marku ħallieh bħall-Erbgħa fost il-ġimgħa. Għal din ir-raġuni, Pawlu ma riedx jieħu lil Marku miegħu fuq vjaġġi oħra. Imma iktar tard jidher li Pawlu ra li Marku kien immatura u li setaʼ jkun ħafna t’għajnuna. Għalhekk, Pawlu qal lil Timotju: “Ħu lil Marku u ġibu miegħek, għax hu utli għalija.”—2 Timotju 4:11.

X’nitgħallmu minn dan kollu? Ġeħova, għalkemm hu perfett, hu lest li jbiddel fehmtu għax hu mimli ħniena, paċenzja, u mħabba. Aħna m’aħniex perfetti u mhux dejjem naraw l-affarijiet kif inhuma verament. Għalhekk, iktar u iktar għandna nbiddlu fehmitna kultant. Pereżempju, forsi nbiddlu l-opinjoni li għandna dwar oħrajn meta nifhmu iktar is-sitwazzjoni tagħhom.

Jistaʼ jkun li kultant ikollna nbiddlu l-mod kif naħsbuha dwar miri teokratiċi. Forsi nistudjaw il-Bibbja u mmorru l-laqgħat, imma noqogħdu naħsbuha biex nitgħammdu. Jew forsi ċ-ċirkustanzi tagħna jippermettulna naqdu bħala pijunieri, imma ndumu ntellgħu u nniżżlu jekk niħdux il-pass. Ħu forsi ma jkunx irid jaqdi bħala qaddej ministerjali jew anzjan fil-kongregazzjoni. (1 Timotju 3:1) Ġieli ħassejtek hekk? Taħseb li tistaʼ tbiddel fehmtek? Ġeħova jistiednek biex tgawdi dawn il-privileġġi u tkun ferħan f’li taqdi lil Alla u oħrajn.

Li tbiddel fehmtek jistaʼ jwassal għal barka

Ella, Betelita fl-Afrika, tgħid: “Meta l-ewwel ġejt Betel, ma kontx naf kemm ħa ndum hawn. Kelli x-xewqa li naqdi lil Ġeħova  b’ruħi kollha, imma wkoll ħassejtni qrib ħafna tal-familja tiegħi. Għall-ewwel, tgħidx kemm immissjajt lill-familja tiegħi! Imma l-oħt li kienet fil-kamra miegħi inkuraġġietni, u għalhekk iddeċidejt li nibqaʼ Betel. Issa li ilni 10 snin Betel, inħoss li rrid nibqaʼ naqdi lil ħuti fl-inkarigu tiegħi kemm jistaʼ jkun.”

Meta żgur li għandek tbiddel fehmtek

Xi drabi, żgur u mhux forsi, għandna nbiddlu fehmitna. Pereżempju, Kajjin beda jgħir għal ħuh u “mtela b’rabja kbira.” Alla ra li Kajjin kien se jagħmel xi ħaġa ħażina u wissieh biex jikkontrolla t-tempra. Alla qallu li ‘d-dnub kien lest għalih wara biebu.’ Imma minflok ma biddel il-fehma u l-attitudni tiegħu, Kajjin injora totalment it-twissija t’Alla. Sfortunatament, dan wassal biex Kajjin qatel lil ħuh!—Ġenesi 4:2-8.

Xi ngħidu kieku Kajjin biddel fehmtu?

Nistgħu wkoll nitgħallmu mill-eżempju tas-Sultan Użżija. Għall-ewwel, kien ubbidjenti u kellu relazzjoni tajba maʼ Ġeħova. Imma b’dispjaċir kibritlu rasu. Mar fit-tempju biex joffri l-inċens, avolja l-qassisin biss kellhom il-permess li jagħmlu dan. Il-qassisin wissewh biex ma jagħmilx dan, imma ma biddilx fehmtu. Użżija ‘għadab’ għalihom u ma tax kas it-twissija tagħhom. Għalhekk, Ġeħova laqtu bil-ġdiem.—2 Kronaki 26:3-5, 16-20.

Eżempju iktar reċenti taʼ individwu li kellu jbiddel fehmtu hu dak taʼ Joachim, li tgħammed fl-1955 imma li ġie maqtugħ mis-sħubija fl-1978. Iktar minn 20 sena wara, biddel l-attitudni tiegħu, nidem, u reġaʼ ġie fil-verità. Meta anzjan staqsieh għala dam daqshekk biex jiġi lura, Joachim qal: “Kont irrabjat u kburi. Jiddispjaċini li domt daqshekk. Waqt li kont maqtugħ mis-sħubija, ma kellix dubju li x-Xhieda taʼ Ġeħova jgħallmu l-verità.”

Aħna wkoll kultant ikollna nbiddlu d-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet tagħna. Meta nkunu lesti li nagħmlu dan, Ġeħova se jieħu pjaċir bina.—Salm 34:8.