Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Mistoqsijiet mill-qarrejja

Mistoqsijiet mill-qarrejja

Xifisser Ġeremija meta tkellem dwar li Rakele tibki lil uliedha?

F’Ġeremija 31:15 naqraw: “Hekk qal Ġeħova, ‘F’Rama jinstemaʼ leħen, tinwiħ u biki taʼ mrar; Rakele qed tibki lil uliedha. Ma tridx titfarraġ għal uliedha, għax m’għadhomx iżjed.’”

Iż-żewġt itfal taʼ Rakele ma mitux qabilha. Għalhekk, forsi jidher li kliem Ġeremija, li nkiteb 1,000 sena wara li mietet Rakele, hu żbaljat.

L-ewwel iben taʼ Rakele kien Ġużeppi. (Ġenesi 30:22-24) Iktar tard, Rakele mietet meta kienet qed twelled it-tieni iben tagħha, Benjamin. Allura, għandna mnejn nistaqsu, Ġeremija 31:15 għala jgħid li qed tibki għax uliedha “m’għadhomx iżjed”?

Ġużeppi kellu żewġ subien, Manasse u Efrajm. (Ġenesi 41:50-52; 48:13-20) Maż-żmien, it-tribù t’Efrajm sar l-iktar tribù setgħan fis-saltna t’Iżrael fit-Tramuntana u beda jirrappreżenta l-għaxar tribujiet kollha tas-saltna fit-Tramuntana. It-tribù li ġie mit-tieni iben taʼ Rakele, jiġifieri Benjamin, sar parti mis-saltna taʼ Ġuda fin-Nofsinhar. Għalhekk, tistaʼ tgħid li Rakele ssimbolizzat l-ommijiet kollha t’Iżrael, kemm tas-saltna fit-Tramuntana kif ukoll tas-saltna fin-Nofsinhar.

Sakemm inkiteb il-ktieb taʼ Ġeremija, is-saltna t’Iżrael fit-Tramuntana diġà kienet ġiet megħluba mill-Assirjani u ħafna min-nies tagħha kienu ttieħdu bħala lsiera. Madanakollu, jistaʼ jkun li xi wħud mid-dixxendenti t’Efrajm kienu ħarbu f’Ġuda. Fis-sena 607 QEK, il-Babiloniżi għelbu s-saltna b’żewġ tribujiet taʼ Ġuda u ħadu xi nies bħala lsiera. Ħafna minn dawn ittieħdu fil-belt taʼ Rama, xi tmien kilometri lejn it-Tramuntana taʼ Ġerusalemm. (Ġeremija 40:1) Forsi xi ftit minnhom inqatlu hemm fit-territorju taʼ Benjamin fejn kienet ġiet midfuna Rakele. (1 Samwel 10:2) Għalhekk, jistaʼ jkun li l-biki taʼ Rakele jirreferi għan-niket li nħass minħabba l-mewt taʼ dawk il-ħafna Benjamini jew minħabba dawk li nqatlu ħdejn Rama. Hu possibbli wkoll li kliem Ġeremija jirreferi għall-ommijiet kollha t’Iżrael li bkew minħabba l-mewt jew it-tjassir tan-nies t’Alla.

Li nafu żgur hu li kliem Ġeremija dwar li Rakele tibki lil uliedha kien kliem profetiku. Jirreferi għal dak li ġara mijiet taʼ snin wara meta Ġesù kien għadu tifel żgħir. Is-Sultan Erodi kkmanda li jinqatlu t-tfal subien kollha minn sentejn ’l isfel f’Betlem, li kienet fin-naħa tan-Nofsinhar taʼ Ġerusalemm. Immaġina ftit l-għajjat li jaqsamlek qalbek taʼ dawk l-ommijiet jibku għax uliedhom kienu mejtin, ‘ma kinux iżjed.’ Kien bħallikieku l-biki setaʼ jinstemaʼ ’l bogħod sa Rama, li kienet fin-naħa tat-Tramuntana taʼ Ġerusalemm.—Mattew 2:16-18.

Għalhekk, kemm fi żmien Ġeremija u kemm fi żmien Ġesù, il-fatt li Rakele qed “tibki lil uliedha” ntuża biex jiddeskrivi n-niket tal-ommijiet Lhud minħabba l-mewt taʼ wliedhom. Ovvjament, dawk li mietu u marru fil-“pajjiż taʼ l-għadu,” li hu l-mewt, jistgħu jirritornaw meta l-mejtin jiġu rxoxtati.—Ġeremija 31:16; 1 Korintin 15:26.